“Jiena nħallilkom is-sliem”
Il-Mulej wiegħed il-paċi lid-dixxipli Tiegħu hekk kif kien wasal biex iħallihom. Huwa għamel l-istess wegħda miegħi u miegħek.
Għeżież ħuti, illejla aħna ġejna mberkin permezz tal-Ispirtu ta’ Alla. Il-messaġġi ispirati u kollha qawwa ta’ dawn il-mexxejja nisa kif ukoll il-mużika li smajna saħħew il-fidi tagħna u kabbru x-xewqa tagħna li nżommu l-patti sagri li aħna għamilna ma’ Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Aħna ħassejna fina mħabba akbar għall-Mulej Ġesù Kristu u apprezzament akbar għar-rigal meraviljuż tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu.
Il-messaġġ tiegħi llejla huwa wieħed sempliċi. Illejla aħna lkoll ħassejna fina l-paċi. Ilkoll kemm aħna nkunu nixtiequ li dejjem inkunu nistgħu nħossu ġewwa fina, fil-familji tagħna u fin-nies ta’ madwarna, din it-tip ta’ paċi. Il-Mulej wiegħed il-paċi lid-dixxipli Tiegħu hekk kif Huwa kien wasal biex iħallihom. Huwa għamel l-istess wegħda miegħi u miegħek. Iżda Huwa qal li huwa se jwassal il-paċi bil-mod Tiegħu u mhux kif twasslu d-dinja. Huwa ddeskriva l-mod li bih huwa jwasslilna l-paċi:
“Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.
“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.” (Ġwanni 14:26–27).
Ulied Mosija kienu jeħtieġu ferm dan id-don ta’ paċi hekk kif huma bdew il-missjoni tagħhom fost il-Lamaniti. Peress li huma bdew iħossuhom xi ftit anzjużi hekk kif irrealizzaw kemm kienet kbira il-ħidma li kellhom quddiemhom, huma talbu biex ikunu jistgħu jiksbu ċerta riassigurazzjoni. U “l-Mulej żarhom permezz tal-Ispirtu Tiegħu, u qalilhom: Tfarrġu. U huma ġew imfarrġin” (Alma 17:10; ara wkoll Alma 26:27).
Xi kultant, intom verament tkunu tixtiequ li tħossu fikom il-paċi hekk kif tħabbtu wiċċkom mal-inċertezza u ma’ dawk li għalikom ikunu jidhru bħala sfidi enormi. Ulied Mosija tgħallmu l-lezzjoni li l-Mulej għallem lil Moroni. Din il-lezzjoni hija wkoll gwida għalina lkoll. “Jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. Jiena lill-bnedmin nagħtihom id-dgħjufija sabiex huma jkunu umli; u l-grazzja tiegħi hi suffiċjenti għal dawk kollha li jidhru umli quddiemi; għaliex jekk huma jkunu umli quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nqawwihom f’ dawk il-ħwejjeġ li fihom jinsabu dgħajfin” (Ether 12:27).
Moroni qal li meta huwa “sema’ dan il-kliem,” hu “ħassu jitfarraġ” (Ether 12:29). Dan il-kliem jista’ jkun ta’ faraġ għalina lkoll. Dawk li mhumiex konxji tad-dgħjufijiet tagħhom ma jistgħu jagħmlu l-ebda progress. Li intom tkunu konxji tad-dgħjufija tagħkom hija sewwasew barka hekk kif dan jgħinkom biex intom tibqgħu umli u b’ hekk tibqgħu dejjem idduru lejn is-Salvatur. L-Ispirtu mhuwiex biss Dak li jfarraġkom, iżda Huwa wkoll l-aġent li permezz tiegħu l-Att tal-Fidwa jwettaq bidla sħiħa fl-istess natura tagħkom. Imbagħad intom tispiċċaw titqawwew f’ dawk il-ħwejjeġ li fihom intom tinsabu dgħajfin.
Se jkun hemm mumenti meta l-fidi tagħkom se tiġi sfidata minn Satana; dan jiġri lid-dixxipli kollha ta’ Ġesù Kristu. Id-difiża tagħkom kontra dawn l-attakki tiksbuha billi żżommu dejjem magħkom l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb tagħkom. L-Ispirtu jwassal il-paċi ġewwa ruħkom. Huwa jħeġġiġkom biex intom tibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fidi. U Huwa jgħinkom terġgħu tiftakru f’ dawk iż-żminijiet li fihom intom ħassejtu d-dawl u l-imħabba ta’ Ġesù Kristu.
Il-ħila biex tiftakru hu wieħed mill-aqwa doni li jista’ jagħtikom l-Ispirtu. Huwa “jfakkarkom dak kollu li l-Mulej jgħidilkom” (Ġwanni 14:26). Tafu tiftakru dwar xi talba li kellkom li kienet ġiet imwieġba, dwar xi ordinanza tas-saċerdozju, dwar xi mument li fih kontu ksibtu konferma tat-testimonjanza tagħkom jew dwar xi mument li fih intom rajtu l-influwenza ta’ Alla f’ ħajjitkom. Jista’ jkun li fil-futur meta jafu jiġu mumenti f’ ħajjitkom fejn ikollkom bżonn il-qawwa, l-Ispirtu jaf ifakkarkom dwar dawn l-istess sentimenti li intom ħassejtu waqt din il-laqgħa. Jien nitlob li hekk ikun.
L-Ispirtu lili spiss ifakkarni dwar laqgħa tas-sagrament partikolari li kienet saret filgħaxija ġewwa maħżen tal-metall ġo Innsbruck, fl-Awstrija ħafna snin ilu. Dan il-maħżen kien jinsab fi triq li minn taħtha kienet tgħaddi l-ferrovija. Kienet hemm preżenti madwar 12-il persuna, kollha bilqiegħda fuq siġġijiet tal-injam. Parti kbira kienu nisa, uħud minnhom żgħażagħ, oħrajn le. Hekk kif f’ din il-kongregazzjoni żgħira beda jitqassam is-sagrament jiena rajt fosthom minn anke beda jxerred xi demgħa ta’ gratitudni. Jien verament ħassejt ġewwa fija l-imħabba tas-Salvatur għal dawk il-Qaddisin, u l-istess ħassew huma. Iżda l-miraklu li jien niftakar l-aktar b’ ċarezza kien meta feġġ dawl li deher li kien mela kull rokna ta’ dan il-maħżen tal-metall, fejn ġab miegħu sentiment sabiħ ta’ paċi. Kien filgħaxija u l-post ma kien fih l-ebda tieqa, madankollu l-kamra nxtegħlet daqs li kieku kienet feġġet ix-xemx ta’ nofsinhar.
Id-dawl tal-Ispirtu s-Santu f’ dik il-lejla kien wieħed mill-aktar qawwi u abbundanti. U t-twieqi li wasslu d-dawl fil-kamra kienu l-qlub umli ta’ dawk il-Qaddisin, li kienu marru quddiem il-Mulej biex ifittxu li jiksbu maħfra ta’ dnubiethom u jagħmlu patt Miegħu li dejjem se jiftakru fih. F’ dak il-ħin ma kienx diffiċli li jien niftakar fih, u fis-snin ta’ wara kien ferm aktar faċli li jien niftakar fih u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu hekk kif f’ moħħi terġa’ tfeġġ mill-ġdid dik l-esperjenza mill-aktar sagra. Dak inhar il-wegħda li aħna nisimgħu fit-talba tas-sagrament biex l-Ispirtu jkun magħna ġiet fis-seħħ u ġabet magħha wkoll sentimenti ta’ dawl u paċi.
Bħalkom, jiena grat ta’ kemm-il darba l-Mulej ġie jżurni permezz tal-Farraġ kull darba li jiena kont neħtieġ il-paċi. Madankollu Missierna tas-Smewwiet ma jimpurtahx biss mill-faraġ tagħna iżda fuq kollox jimpurtah mill-progress li aħna qed nagħmlu fil-mixja tagħna lejn is-smewwiet. “Farraġ” huwa biss wieħed mill-modi kif l-iskrittura tiddeskrivi l-Ispirtu s-Santu. Din hi deskrizzjoni oħra: “U issa, fis-sewwa, fis-sewwa, ngħidilkom, afdaw f’ dak l-Ispirtu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb” (D&C 11:12). Ħafna drabi, it-tajjeb li Hu jwassalkom biex intom twettqu ikun jinvolvi li intom tgħinu lil xi ħadd ieħor jirċievi l-faraġ minn Alla.
Fl-għerf Tiegħu, il-Mulej laqqagħkom flimkien f’ organizzazzjonijiet u fi klassijiet fil-Knisja Tiegħu. Huwa għamel dan biex ikabbar fikom il-qawwa li twettqu t-tajjeb. F’ dawn l-organizzazzjonijiet, intom għandkom id-dmir speċifiku li taqdu lil ħaddieħor f’ ismu. Per eżempju, jekk inti tfajla, inti taf tiġi mitluba mill-isqof tiegħek jew mill-mexxej tiegħek tat-Tfajliet biex tgħin waħda mit-tfajliet adoloxxenti li bħalissa taqa’ fil-katergorija li nirreferu għaliha bħala “anqas attiva.” Jista’ jkun li lil din it-tfajla inti tafha aħjar milli jafuha l-isqof jew il-mexxej tat-Tfajliet. Jista’ jkun li inti taf li hija tinsab għaddejja minn xi nkwiet fid-dar jew fl-iskola jew inkella fit-tnejn li huma. Jista’ jkun li l-mexxejja tiegħek ma jkunux jafu eżatt għalfejn huma ħassew li kellhom jistaqsuk sabiex tkun propjament int li tipprova tgħinha, iżda l-Mulej jaf, u Huwa jmexxi din il-ħidma kollha permezz tal-ispirazzjoni tal-Ispirtu Tiegħu.
Biex ikun hemm suċċess fl-isforzi tiegħek jeħtieġ li jseħħ sewwasew miraklu ta’ bidla kemm f’ qalbek kif ukoll fil-qalb ta’ dik it-tfajla li inti ġejt mibgħuta biex issalva—u biex dan iseħħ int jeħtieġ li jkollok miegħek is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu jista’ jwasslek biex lil din it-tfajla anqas attiva inti taraha bil-mod kif jaraha l-Mulej. Il-Mulej jaf kemm qalbha kif ukoll qalbek, u Huwa jaf x’ possibiltà hemm li sseħħ din il-bidla fil-qalb. Huwa jista’ jżur lit-tnejn li intom permezz tal-Ispirtu Tiegħu biex jispira l-umiltà, il-maħfra u l-imħabba.
Dak l-Ispirtu jista’ jispirak bil-kliem, bl-għemejjel u bil-paċenzja neċessarji biex inti tistieden lil xi ħaruf lura fil-merħla. U Huwa jista’ jmiss il-qlub tal-merħla fil-klassi tat-Tfajliet biex huma jaslu biex iħobbu u jilqgħu lura lin-nagħġa l-mitlufa, ħalli meta hija terġa’ lura, hija tħossha li ġiet lura d-dar.
Biex bħala grupp ta’ wlied Alla intom ikollkom il-qawwa neċessarja biex tagħmlu t-tajjeb jiddependi, sa ċertu punt, mill-għaqda u l-imħabba li teżisti bejnietkom. Dan huwa don ieħor ta’ paċi li jasal għandna permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Alma fehem dan. Għalhekk huwa talab bil-ħerqa lin-nies tiegħu “biex bejniethom ma jkun hemm l-ebda tilwim, iżda li huma għandhom iħarsu ‘l quddiem b’ ħarsa waħda, b’ fidi waħda u b’ magħmudija waħda, hekk kif jorbtu qlubhom flimkien f’ għaqda u fi mħabba lejn xulxin” (Mosiah 18:21).
L-għaqda hija neċessarja għalina biex aħna jkollna l-Ispirtu preżenti fil-klassi tagħna u fil-familja tagħna. Iżda minn esperjenza intom tafu, kif naf jien, li mhux faċli li fostna ssaltan dejjem din l-għaqda li hija frott l-imħabba. Jeħtieġ li magħna jkollna dejjem preżenti l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb tagħna biex Huwa jiftħilna għajnejna u jikkalma s-sentimenti tagħna.
Niftakar darba wieħed mit-tfal tiegħi, li kellu xi seba’ jew tmien snin, tant beda jaqbeż fuq is-sodda b’forza li ħsibt li se jkissirha. Għal mument ħassejtni verament frustrat u b’ għaġla rajt xi stajt nagħmel biex nerġa’ nġib l-ordni fid-dar tiegħi. Jiena ħtaft lil ibni minn spallejh ċkejknin u għollejtu sakemm għajnejh ġew f’ livell ma’ għajnejja.
Dak il-ħin feġġ il-leħen tal-Ispirtu ġewwa moħħi. Deher li pjuttost kien leħen sieket, iżda jien ħassjetu verament iniffidli qalbi: “Inti qed iżżomm f’idejk persuna meraviljuża.” Bil-ħlewwa kollha jiena niżżiltu lura fuq is-sodda u għedtlu jaħfirli.
Illum huwa sar il-persuna meraviljuża li l-Ispirtu s-Santu riedni nikkonoxxi 40 sena ilu. Jiena eternament grat li l-Mulej salvani milli nħalli lili nnifsi ninħakem minn sentimenti xejn tajbin billi bagħatli l-Ispirtu s-Santu biex jgħinni nara iben Alla bil-mod kif kien qed jarah Hu.
L-għaqda li aħna qed infittxu li jkollna fil-familji tagħna u fil-Knisja nistgħu niksbuha hekk kif aħna nħallu l-Ispirtu s-Santu jaffettwa dak li aħna naraw meta aħna nħarsu lejn xulxin—u anke meta aħna naħsbu f’ xulxin. L-Ispirtu jara dejjem l-imħabba pura ta’ Kristu. Isimgħu l-kliem li Mormon uża biex jiddeskrivi l-karità. Aħsbu ftit dwar dawk il-mumenti li fihom intom ħassejtukom hekk:
“Il-karità taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha d-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.
“Għalhekk, għeżież ħuti, jekk ma tippossedux il-karità, intom m’intom xejn, għaliex il-karità ma tintemm qatt. Għalhekk, uru dejjem il-karità, li hija l-akbar ħaġa, għaliex kollox għad jgħaddi—
“Iżda l-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u kull min fl-aħħar jinsab li jippossediha, ikun tajjeb għalih.
“Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex intom issiru wlied Alla; ħalli meta lilu aħna naraw aħna nkunu bħalu, għaliex narawh kif verament hu; sabiex ikollna din it-tama; ħalli nippurifikaw ruħna sewwasew kif inhu ppurifikat hu” (Moroni 7:45–48).
Dan huwa l-għan li Missierkom tas-Smewwiet għandu għalikom, O wlied prezzjużi Tiegħu. Għalikom din taf tidher bħala xi ħaġa ferm ’il bogħod, iżda mill-perspettiva Tiegħu, intom ma tinsabux daqstant ‘il bogħod. Għalhekk Huwa jżurkom permezz tal-Ispirtu Tiegħu biex ifarraġkom, jinkuraġġikom u jispirakom biex tibqgħu għaddejjin.
Se nagħtikom ix-xhieda ċerta tiegħi li l-Missier jafkom—jaf il-bżonnijiet tagħkom u jaf isimkom—Huwa jħobbkom, u jisma’ talbkom. Ibnu l-Għażiż qed jistedinkom biex tmorru għandu. U Huma jibagħtu l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħkom fl-isforzi tagħkom li taqdu lil ħaddieħor f’ isimhom.
Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, is-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu jkollha effett qaddis u li jippurifika fuq l-ispirtu tagħna. Imbagħad intom tħossu l-paċi tas-Salvatur liema paċi Huwa wiegħed li kien se jħalli mad-dixxipli Tiegħu. Barra din il-paċi aħna niksbu wkoll tama qawwija u sentiment ta’ dawl u mħabba mingħand il-Missier u Ibnu l-Għażiż, li jmexxi s-saltna Tiegħu fid-dinja permezz tar-rivelazzjoni li jwassal lill-profeta ħaj Tiegħu. Dwar dan jiena nixhed f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.