Librerija
Nerġgħu Lura u Nirċievu


Nerġgħu Lura u Nirċievu

Li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u nirċievu l-barkiet eterni li nistgħu niksbuhom meta aħna nagħmlu u nżommu l-patti tagħna huma l-aktar għanijiet importanti li aħna qatt nistgħu nfasslu.

Ħuti, l-essajnment tiegħi bħalissa hu li nkellimkom u l-essajnment tagħkom hu li tisimgħuni. L-għan tiegħi hu li jiena ntemm l-essajnment tiegħi qabel ma intom ittemmu tagħkom. Nagħmel l-aħjar li nista’.

Tul is-snin, jiena osservajt li dawk li jirnexxu l-aktar f’ din id-dinja huma dawk li għandhom viżjoni għal ħajjithom, li għandhom ċerti għanijiet li jżommuhom iffokati fuq il-viżjoni tagħhom u fuq il-pjanijiet tattiċi dwar kif jistgħu jġibu fis-seħħ dawn l-għanijiet. Li intom tkunu tafu fejn sejrin u kif mistennija li taslu hemm jista’ jwassal biex tagħtu għan, skop u sodisfazzjon lil ħajjitkom.

Xi wħud isibuha diffiċli jiddistingwu bejn għan u pjan sakemm huma jirnexxielhom jitgħallmu li għan huwa destinazzjoni jew tmiem, filwaqt li pjan huwa r-rotta li twasslek hemmhekk. Per eżempju, aħna jista’ jkollna għan li nsuqu sa ċertu post li m’aħniex wisq familjari miegħu, u kif uħud minkom għeżież ħutna n-nisa tafu, aħna l-irġiel ħafna drabi naħsbu li nafu kif għandna naslu hemm—ħafna drabi nispiċċaw ngħidu, “Ħalli f’idi, probabbilment viċin ħafna.” Nimmaġina lil marti titbissem. L-għan kien ċar, iżda ma kienx hemm pjan tajjeb biex jgħinna naslu sad-destinazzjoni.

Li nfasslu għan essenzjalment ifisser nibdew bir-riżultat aħħari f’ moħħna. U l-ippjanar hu meta aħna niżviluppaw mod kif naslu sat-tmiem. Element ewlieni li jwassalna biex inkunu ferħanin hu meta aħna nifhmu kemm verament tfisser għalina d-destinazzjoni—u mbagħad niddedikaw il-ħin tagħna, l-isforzi tagħna u l-attenzjoni tagħna fuq ħwejjeġ li jikkonstitwixxu mod ċert kif aħna nistgħu naslu s’hemmhekk.

Alla, Missierna tas-Smewwiet, tana l-eżempju perfett kif għandna nagħmlu u nippjanaw għan. L-għan Tiegħu hu “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem,”1 u l-mod kif Huwa seta’ jġib fis-seħħ dan hu permezz tal-pjan tas-salvazzjoni.

Il-pjan tal-għażiż Missierna tas-Smewwiet jinkludi l-għotja tiegħu ta’ din il-ħajja mortali li fiha aħna nikbru, nittestjaw il-limitu tagħna, u nitgħallmu, u b’ hekk inkunu nistgħu nsiru aktar bħalu. Li l-ispirti eterni tagħna jitlibbsu b’ ġisem fiżiku; li aħna ngħixu skont it-tagħlim u l-kmandamenti ta’ Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu; u li niffurmaw familji eterni, jagħtina ċ-ċans li permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, aħna nkunu qed inwettqu l-għan ta’ Alla li wliedu kollha jiksbu l-immortalità u jirtu Miegħu l-ħajja eterna fis-saltna ċelestjali Tiegħu.

Li nfasslu għanijiet għaqlin ifisser li aħna nagħrfu li għanijiet mhux fit-tul huma effettivi biss jekk huma jwasslu biex aħna nifhmu b’ mod ċar l-għanijiet fit-tul. Jien nemmen li wieħed mill-fatturi ewlenin għall-ferħ tagħna hu li nitgħallmu kif infasslu l-għanijiet tagħna u nistabbilixxu l-pjanijiet tagħna bħala parti mill-istruttura tal-pjan etern ta’ Missierna tas-Smewwiet. Jekk aħna niffokaw fuq din it-triq eterna, aħna inevitabbilment nikkwalifikaw biex nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu.

Huwa tajjeb li f’ ħajjitna jkollna ċerti għanijiet u nippjanaw għall-karrieri tagħna, għall-edukazzjoni tagħna u saħansitra għal-logħba tagħna tal-golf. Huwa importanti wkoll li nfasslu ċerti għanijiet għaż-żwieġ tagħna, għall-familja tagħna u għall-kunsilli u s-sejħiet tagħna tal-Knisja; dan jgħodd speċjalment għall-missjunarji. Iżda l-akbar u l-aktar għanijiet li għandna nagħtuhom priorità għandhom ikunu kollha f’ armonija mal-pjan etern ta’ Missierna tas-Smewwiet. Ġesù qal, “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”2

Nies li huma esperti dwar kif wieħed ifassal ċertu għanijiet jgħidulna li aktar ma’ għan ikun sempliċi u mingħajr kumplikazzjonijiet aktar ikun effettiv. Meta xi għan partikolari nirriduċuh għal xi imaġini waħda ċara jew inkella għal xi kelma qawwija u simbolika jew tnejn, dak l-għan ikun jista’ jsir parti minna u jasal biex jiggwida virtwalment kull ħaġa li naħsbu u nagħmlu. Jien nemmen li hemm żewġ frażijiet li, f’ dan il-kuntest, jissimbolizzaw l-għanijiet li Alla għandu għalina u l-aktar għanijiet importanti li aħna stess għandna. Il-frażijiet huma nerġgħu lura u nirċievu.

Li nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu u li nirċievu l-barkiet eterni li nistgħu niksbuhom biss meta aħna nagħmlu u nżommu l-patti tagħna huma l-aktar għanijiet importanti li aħna nistgħu nfasslu.

Aħna nerġgħu lura u nirċievu billi jkollna “fidi soda fil-Mulej Ġesù Kristu, niddependu kompletament fuq” il-merti Tiegħu, nibqgħu “mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha … , niffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u nibqgħu sodi sat-tmiem.”3

Luċifru ma aċċettax il-pjan ta’ Missierna li tana lkoll iċ-ċans li nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu u nirċievu l-barkiet Tiegħu. Fil-fatt, Luċifru rribella u pprova kompletament jimmodifika l-pjan ta’ Missierna, fejn ried li jieħu fuqu l-glorja, l-unur u l-qawwa ta’ Alla. B’ riżultat ta’ dan, huwa ġie mkeċċi flimkien mas-segwaċi tiegħu mill-preżenza ta’ Alla u “sar Satana, iva, sewwasew ix-xitan, missier il-gideb kollu, biex iqarraq u jagħmi lill-bnedmin, u jaħkimhom fil-jasar tiegħu, sewwasew lil dawk kollha li ma jagħtux kas leħen il-Mulej.”4

Minħabba l-għażliet primortali tiegħu, Satana la jista’ jerġa’ lura u lanqas jirċievi. L-unika ħaġa li kien baqagħlu jagħmel kienet li jopponi l-pjan tal-Missier billi juża kull istigazzjoni u tentazzjoni possibbli biex iwaqqagħna u jagħmilna miżerabbli kif inhu hu.5 Il-pjan ta’ Satana li jġib fis-seħħ l-għan imxajtan tiegħu japplika għal kull individwu, ġenerazzjoni, kultura u soċjetà. Huwa juża ilħna li jinstemgħu ħafna—ilħna li jippruvaw jitfu għal kollox il-leħen ċkejken u sieket tal-Ispirtu s-Santu li jista’ jurina “dak kollu” li għandna nagħmlu biex nerġgħu lura u nirċievu.6

Dawn huma l-ilħna ta’ dawk li jinjoraw il-veritajiet tal-evanġelju u li jużaw l-internet, il-midja soċjali u stampata, ir-radju, it-televiżjoni u l-films biex jippreżentaw b’ mod attraenti l-immoralità, il-vjolenza, il-lingwa vulgari, u l-ħmieġ moqżież b’ tali mod li jbegħidna mill-għanijiet u l-pjanijiet li aħna għandna għall-eternità.

Dawn l-ilħna jistgħu jinkludu wkoll ċerti individwi ta’ intenzjoni tajba li jispiċċaw jagħmew bil-filosofiji sekulari tal-bnedmin u jippruvaw jeqirdu l-fidi u jiddevjaw l-għan etern ta’ dawk li sempliċiment qed jippruvaw jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u jirċievu “dak kollu li għandu l-Missier.”7

Jien sibt li biex nibqa’ ffukat fuq li nerġa’ lura u nirċievi l-barkiet imwiegħda, jeħtieġ li jien regolarment nieqaf u nistaqsi lili nnifsi, “Jien kif sejjer?”

Bħallikieku inti jkollok intervista personali miegħek innifsek. U jekk din il-ħaġa tidher xi ftit stramba, aħsbu ftit dwar dan: min fid-dinja jafek aħjar minnek innifsek? Inti taf ħsibijietek, l-għemejjel privati tiegħek, ix-xewqat tiegħek u l-ħolm, l-għanijiet u l-pjanijiet tiegħek. U inti taf aħjar minn kulħadd xi progress qed tagħmel biex inti terġa’ lura u tirċievi.

Bħala gwida għalija waqt din l-intervista privata u personali, jiena nħobb naqra u nixtarr dwar il-kliem introspettiv li nsibu fil- ħames kapitlu ta’ Alma, fejn Alma jistaqsi: “Twelidtu intom spiritwalment minn Alla? Irċevejtu intom ix-xbieha tiegħu fuq ħaddejkom? Esperjenzajtu intom din il-bidla kbira f’ qalbkom?”8 Il-mistoqsijiet ta’ Alma jfakkruna x’ għandhom jinkludu fihom l-għanijiet u l-pjanijiet tagħna sabiex aħna nerġgħu lura u nirċievu.

Ftakru fl-istedina tas-Salvatur meta qalilna “ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”9

Hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna fil-qawwa tal-Mulej Ġesù Kristu li jwassal il-mistrieħ lil ruħna billi jaħfrilna dnubietna, jifdi r-relazzjonijiet imperfetti tagħna, ifejjaq il-ġrieħi spiritwali li jżommuna milli nibqgħu nikbru u jsaħħaħna u jagħtina l-qawwa biex niżviluppaw kwalitajiet bħalma kellu Kristu, aħna naslu biex napprezzaw verament il-kobor tal-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu.10

Fil-ġimgħat li ġejjin, sibu ftit ħin biex fih tagħtu ħarsa lejn l-għanijiet ta’ ħajjitkom u l-pjanijiet tagħkom u araw li dawn jinsabu f’ armonija mal-pjan il-kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet. Jekk ikun jeħtieġ li intom tindmu u tinbidlu, mela kkunsidraw li tagħmlu dan issa. Iddedikaw ħin li fih bl-għajnuna tat-talb intom taħsbu dwar xi tibdil meħtieġ li jwassal biex jgħinkom iżżommu “ħarsitkom fissa fuq il-glorja ta’ Alla.”11

Aħna għandna nżommu d-duttrina u l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fiċ-ċentru tal-għanijiet u l-pjanijiet tagħna. Mingħajru, l-ebda għan etern mhu possibbli, u l-pjanijiet tagħna biex aħna niksbu l-għanijiet eterni tagħna żgur jispiċċaw ifallu.

Id-dokument “Kristu l-Ħaj”

Waħda mill-għajnuniet addizzjonali li aħna għandna hi “Il-Kristu l-Ħaj: Testimonjanza tal-Appostli,”12 li ġiet ippreżentata lill-Knisja fl-1 ta’ Jannar, tas-sena 2000. Poġġi kopja fejn tkun tista’ taraha, u sib il-ħin biex tagħti ħarsa lejn kull dikjarazzjoni li tinsab f’ din it-testimonjanza ispirata ta’ Kristu li ġiet iffirmata mix-xhieda speċjali Tiegħu.

“Kristu l-Ħaj” u l-proklamazzjoni tal-familja

Inħeġġiġkom sabiex tistudjawha flimkien ma’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.” Aħna spiss nitkellmu dwar il-proklamazzjoni tal-familja, iżda jekk jogħġobkom ftakru biex taqrawha fil-kuntest tal-qawwa tas-salvazzjoni ta’ Kristu l-ħaj. Mingħajr Kristu l-ħaj, l-aktar aspetattivi għeżież għalina ma jistgħux jiġu fis-seħħ. Kif tiddikjara l-proklamazzjoni tal-familja: Il-pjan divin tal-ferħ jippermetti li r-relazzjonijiet fil-familja jibqgħu jeżistu lil hinn mill-qabar. L-ordinanzi u l-patti sagri li huma disponibbli fit-tempji mqaddsa jagħmluha possibbli biex l-individwi jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u biex il-familji jingħaqdu flimkien għall-eternità.”13

Dan jista’ jseħħ biss għaliex Kristu l-ħaj huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja li fdiena lkoll.

F’ dan ir-rigward, intom tafu tikkunsidraw ukoll li tfittxu fl-iskrittura biex tespandu l-għarfien tagħkom dwar il-veritajiet speċifiċi li nsibu f’ “Il-Kristu l-Ħaj.”

Bl-għajnuna tat-talb ippruvaw aqraw, “Il-Kristu l-Ħaj” bħallikieku intom tkunu qed taqraw it-testimonjanzi ta’ Mattew, Mark, Luqa, Ġwanni u l-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon. Dan ikabbar il-fidi tagħkom fis-Salvatur u jgħinkom tiffokaw fuqu hekk kif intom timxu wara l-pjanijiet li għandkom biex tilħqu l-għanijiet eterni tagħkom.

Minkejja l-iżbalji, in-nuqqasijiet u d-devjazzjonijiet tagħkom, l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħtina ċ-ċans li nindmu, nitħejjew biex nerġgħu lura u nirċievu il-barkiet inkomparabbli li wiegħed Alla—li ngħixu għal dejjem mal-Missier u l-Iben fl-ogħla sfera tas-saltna ċelestjali.14

Issa kif tafu intom ilkoll, ħadd mhu se jeħlisha mill-mewt; għalhekk, l-għan u l-pjan fit-tul tagħna għandu jkun li meta aħna nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet, aħna nirċievu dak kollu li Huwa ppjana għal kull wieħed u waħda minna.15

Jiena nixhed li m’hemmx għan akbar f’ din il-ħajja mortali milli ngħixu għal dejjem mal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u mas-Salvatur maħbub tagħna, il-Mulej Ġesù Kristu. Iżda dan huwa aktar minn sempliċiment l-għan tagħna —huwa wkoll l-għan Tagħhom . Huma għandhom imħabba perfetta għalina, aktar qawwija milli aħna qatt nistgħu nimmaġinaw. Huma jinsabu totalment, kompletament u eternament f’ armonija magħna. Aħna l-ħidma Tagħhom. Il-glorja tagħna hija l-glorja Tagħhom. Aktar minn kull ħaġa oħra, Huma jriduna mmorru lura d-dar—biex nerġgħu luranirċievu l-hena eterna fil-preżenza Tagħhom.

Għeżież ħuti, ġimgħa oħra niċċelebraw Ħadd il-Palm—fejn infakkru d-daħla trijonfali ta’ Kristu f’ Ġerusalemm. Fi żmien ħmistax, aħna niċċelebraw Ħadd il-Għid—li jfakkar it-trijonf tas-Salvatur fuq il-mewt.

Hekk kif aħna niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq is-Salvatur waqt dawn iż-żewġt Iħdud speċjali, ejjew niftakru Fih u nġeddu l-impenn ta’ ħajjtina li nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Ejjew nagħtu ħarsa tajba lejn ħajjitna, infasslu l-għanijiet tagħna u niffokaw il-pjanijiet tagħna b’tali mod li jkunu f’ armonija mal-pjan ta’ Alla biex ultimament iressquna lejn il-privileġġ prezzjuż tagħna li nerġgħu lura u nirċievu, li hija t-talba umli tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.