2018
Ħames Affarijiet li Jagħmlu Dawk li Verament Jisimgħu x’ Għandu Xi Jgħid Ħaddieħor
June 2018


Immaġni
Two young women talking

Prinċipji tal-Ministeru, Ġunju 2018

Ħames Affarijiet li Jagħmlu Dawk li Verament Jisimgħu x’ Għandu Xi Jgħid Ħaddieħor

Li intom verament tisimgħu x’ għandu xi jgħid ħaddieħor, jgħinkom tkunu tafu kif tistgħu tilħqu l-bżonnijiet spiritwali u temporali tiegħu kif irid is-Salvatur.

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu qal: “Jista’ jkun li ħaġa aktar importanti milli nitkellmu hi li nisimgħu lil ħaddieħor. … Jekk aħna nisimgħu lil ħaddieħor b’ imħabba, m’hemmx għalfejn noqogħdu ninkwetaw x’ se naqbdu ngħidu. Aħna niġu lluminati x’ għandna ngħidu—permezz tal-Ispirtu.”1

Li nisimgħu x’ għandu xi jgħid ħaddieħor hija abbiltà li aħna nistgħu niżviluppaw. Meta nisimgħu x’ għandu xi jgħid ħaddieħor, aħna nkunu qed nuruh l-imħabba tagħna, inkunu qed ngħinu biex nibnu relazzjonijiet b’ saħħithom u nkunu qed nistiednu l-Ispirtu biex iberikkna bid-don tad-dixxerniment biex jgħinna nifhmu l-bżonnijiet tal-oħrajn.2 Dawn huma ħames modi kif aħna nistgħu nkunu aktar kapaċi nisimgħu lil ħaddieħor.

1. Agħtuhom Ċans

Ħafna nies jeħtieġu l-ħin biex huma jaħsbu sew x’ għandhom jgħidu qabel jitkellmu. Agħtuhom il-ħin jaħsbu kemm qabel kif ukoll wara li huma jgħidu xi ħaġa (ara Ġakbu 1:19). Għaliex huma jkunu spiċċaw jitkellmu ma jfissirx li huma jkunu qalu dak kollu li jridu jgħidu. Tibżgħux mis-silenzju (ara Ġob 2:11–3:1 u Alma 18:14–16).

2. Oqgħodu Attenti

Aħna naħsbu aktar malajr milli jitkellem ħaddieħor. Irreżistu t-tentazzjoni li taslu f’ xi konklużjoni jew li toqogħdu taħsbu minn qabel x’ se taqbdu tgħidu wara li huma jieqfu jitkellmu (ara Proverbji 18:13). Minflok, isimgħuhom bl-intenzjoni li tifhmuhom. Intom tkunu tistgħu twieġbu b’ mod aħjar għaliex tkunu kapaċi tifhmuhom aħjar.

3. Iċċaraw Dak li Jkun Intqal

Tibżgħux tistaqsu mistoqsijiet li jiċċaraw xi ħaġa li ma tkunux fhimtu (ara Mark 9:32). Meta tiċċaraw dak li jingħad, intom tkunu qed tnaqqsu ċ-ċans li xi ħaġa ma tinftihemx sew kif ukoll turu li intom verament interessati f’ dak li jkun qed jintqal.

4. Irriflettu

Fi ftit kliem, tajjeb li tirrepetu dak li jkun intqal u l-mod kif qed iħossuhom dawk li qed titkellmu magħhom. Dan jgħinhom biex huma jkunu jafu jekk intomx verament qegħdin tifhmuhom u lilhom tagħtuhom l-opportunità li jiċċaraw dak li jkunu qalu.

5. Fittxu Dak li Hu Komuni

Jista’ jkun li intom ma taqblux ma’ kull ħaġa li tintqal, iżda kemm jista’ jkun araw li taqblu ma’ dak li tistgħu mingħajr ma’ tirrappreżentaw b’ mod ħażin is-sentimenti tagħkom. Li tippruvaw taqblu ma’ dak li jkun jgħin biex tonqos l-anzjetà u l-firda (ara Mattew 5:25).

Il-President Russell M. Nelson għallem li aħna għandna “nitgħallmu nisimgħu lil ħaddieħor, u nisimgħu biex nitgħallmu minn xulxin.”3 Hekk kif intom tisimgħu lill-oħrajn b’ intenzjoni li titgħallmu minnhom, intom tkunu f’ pożizzjoni aħjar li tifhmu l-bżonnijiet tagħhom u tisimgħu s-suġġerimenti dwar kif intom għandkom tieħdu ħsieb dawk ta’ madwarkom kif kieku jieħu ħsiebhom is-Salvatur.

Tħobbu lil Ħaddieħor billi Tisimgħuh

Din l-istorja mill-Presbiteru Holland turi l-qawwa li wieħed jisma’ x’ għandu xi jgħid ħaddieħor:

“Sieħbi Troy Russell ħareġ bil-mod il-vann tiegħu mill-garaxx. … Huwa ħass li kien għadda minn fuq xi ħaġa permezz tat-tajer ta’ wara tiegħu. … Huwa niżel u hemm quddiemu sab lit-tifel prezzjuż tiegħu, Austen, li kellu disa’ snin, wiċċu ‘l isfel fuq il-bankina. … Austen kien miet.

“Troy kien inkonsolabbli, la seta’ jorqod u lanqas seta’ jsib il-paċi. … Iżda f’ dak iż-żmien ta’ agonija kbira feġġ … John Manning. …

“Fil-verità ma nafx f’liema ħin John u s-sieħeb tiegħu kienu jmorru jżuru d-dar tal-familja Russell. … Li naf hu li fir-rebbiegħa li għaddiet Brother Manning niżel għal Troy Russell u refgħu ‘l fuq mit-traġedja li kienet seħħet quddiem id-dar bl-istess mod kif huwa stess kien refa’ liċ-ċkejken Austen. Bħala … ħuh fl-evanġelju, kif kien mistenni minnu li jkun, John sempliċiment ħa ħsieb ta’ Troy Russell skont id-dmir li huwa kellu bħala bniedem li jħaddan is-saċerdozju. Huwa beda biex jgħidlu, “Troy, Austen iridek terġa’ tqum fuq saqajk—saħansitra jridek tmur tilgħab il-baskitbol—għalhekk jiena se nibda niġi hawn għalik kull filgħodu fil-ħamsa u kwart. Kun lest. …’

“‘Jien ma ridtx immur,’ qalli aktar tard Troy, ‘għaliex jien dejjem kont nieħu lil Austen miegħi. … Iżda John baqa’ jinsisti, għalhekk jiena mort. Minn dak l-ewwel jum li jien mort lura, aħna bdejna nitkellmu bejnietna—jew aħjar jiena kont noqgħod nitkellem u John kien ikun lest jismgħani. … Għall-ewwel kien diffiċli, iżda maż-żmien jiena rrealizzajt li kont sibt il-kuraġġ li kelli bżonn f’ John Manning, li ħabbni verament u baqa’ jisma’ dak li kelli ngħid sakemm finalment reġgħet telgħet ix-xemx f’ ħajti.’”4

Noti

  1. Jeffrey R. Holland, “Witnesses unto Me,” Liahona, Lulju 2001, 16.

  2. Ara David A. Bednar, in “Panel Discussion” (laqgħa dinjija ta’ taħriġ għat-tmexxija, Nov. 2010), broadcasts.lds.org.

  3. Russell M. Nelson, “Listen to Learn,” Ensign, Mejju 1991, 23.

  4. Jeffrey R. Holland, “Emissaries to the Church,” Liahona, Nov. 2016, 62, 67.

Ipprintja