Prinċipji tal-Ministeru, Awissu 2018
Nibnu Relazzjonijiet Sinifikanti
L-abbiltà tagħna li nieħdu ħsieb ħaddieħor tikber meta aħna jkollna relazzjoni sinifikanti magħhom.
L-istedina biex aħna nimministraw lil ħaddieħor hija opportunità biex aħna nibnu relazzjonijiet ta’ mħabba magħhom—it-tip ta’ relazzjoni li twassalhom biex huma jħossuhom komdi li jitolbu jew jaċċettaw l-għajnuna. Meta aħna nkunu għamilna l-isforz kollu tagħna li niżviluppaw dik it-tip ta’ relazzjoni, Alla jkun kapaċi jibdel il-ħajja ta’ dawk kollha li jkunu jinsabu f’ dik ir-relazzjoni.
“Jiena verament nemmen li ma jista’ jkun hemm l-ebda bidla sinifikanti mingħajr relazzjonijiet sinifikanti,” qalet Sharon Eubank, l-Ewwel Kunsillier fil-Presidenza Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna. U sabiex l-għemejjel tagħna ta’ servizz iwasslu biex jittrasformaw il-ħajja tal-oħrajn, hija qalet li huma għandhom ikollhom “installata ġewwa fihom ix-xewqa sinċiera li jfejqu, jisimgħu, jikkooperaw u jirrispettaw.”1
Relazzjonijiet sinifikanti mhumiex sempliċiment tattiċi. Huma mibnija fuq il-kompassjoni, l-isforzi sinċiera u “l-imħabba ġenwina” (D&C 121:41).2
Modi kif Nistgħu Nibnu u Nsaħħu r-Relazzjonijiet
“Aħna nibnu r-relazzjonijiet persuna persuna,” qal il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.3 Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nibnu relazzjonijiet sinifikanti ma’ dawk li lilhom nimministraw, l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jiggwidana. Is-suġġerimenti li ġejjin huma bbażati fuq mudell li offra l-Presbiteru Uchtdorf.4
-
Tgħallmu dwarhom.
Il-President Ezra Taft Benson (1899-1994) għallem, “Intom ma tistgħux taqdu b’ mod tajjeb lil min ma tafuhx sew.” Huwa ssuġġerixxa li tkunu tafu l-ismijiet ta’ kull membru tal-familja u li tkunu konxji minn ċerti avvenimenti importanti bħal jum għeluq sninhom, meta jirċievu ċerti barkiet, magħmudijiet u żwiġijiet. Dan jipprovdilkom opportunità fejn intom tkunu tistgħu tiktbu xi nota jew tagħmlu xi telefonata biex tawguraw lil xi membri tal-familja meta huma jkunu kisbu jew wettqu xi ħaġa speċjali.5
-
Qattgħu ħin flimkien.
Relazzjoni tieħu ż-żmien biex tiżviluppa. Fittxu ċerti opportunitajiet biex tkunu tistgħu żżommu kuntatt. Ċerti studji juru li hija ħaġa mill-aktar essenzjali biex ir-relazzjonijiet ikunu b’ saħħithom li turi lin-nies li intom verament jimpurtakom minnhom.6 Iltaqgħu spiss ma’ dawk li intom ġejtu msejħin biex isservu. Tkellmu magħhom meta tkunu l-knisja. Użaw kwalunkwe mezz ieħor li tistgħu tużaw—bħal ijmejl, Facebook, Instagram, Twitter, Skype, telefonata jew tibagħtulhom xi kartolina. Il-Presbiteru Richard G. Scott (1928-2015) tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu tkellem dwar il-qawwa ta’ ċerti espressjonijiet sempliċi u kreattivi ta’ mħabba u sapport: “Spiss jiena niftaħ l-iskrittura, … u fiha jiena nsib xi nota bi kliem ta’ affezzjoni u sapport li marti tkun poġġietli bejn il-paġni. … Dawk in-noti prezzjużi … komplew ikunu għalija teżor imprezzabbli ta’ faraġ u ispirazzjoni.”7
Ftakru wkoll li relazzjoni teħtieġ l-isforz ta’ tnejn. Intom tistgħu toffru l-imħabba u l-ħbiberija, iżda r-relazzjoni ma tistax tikber sakemm l-offerta tagħkom ma tiġix aċċettata u reċiprokata. Jekk l-individwi l-oħra jkunu jidhru li mhux qed jagħtu kas, tibqgħux tisforzaw din ir-relazzjoni. Agħtuhom żmien biex huma jkunu jistgħu jagħrfu l-isforzi sinċiera tagħkom, u jekk ikun hemm bżonn, iddiskutu mal-mexxejja tagħkom dwar jekk għadux possibbli li bejnietkom ikollkom relazzjoni sinifikanti.
-
Ikkomunikaw b’ Imħabba.
Biex aħna nibnu relazzjonijiet sinifikanti jeħtieġ li aħna mmorru lil hinn minn dak li hu superfiċjali. Il-komunikazzjoni superfiċjali hija kollha kliem fieragħ dwar l-iskedi, it-temp u ċerti ħwejjeġ oħra mhux wisq importanti, iżda ma tkunx tinkludi li intom taqsmu magħhom dak li verament tħossu, dak li temmnu fih, l-għanijiet tagħkom u ċerti affarijiet oħra neċessarji biex tagħmlu konnessjoni aktar sinifikanti bejnietkom. Missierna tas-Smewwiet fassal din it-tip ta’ komunikazzjoni aktar sinifikanti billi qasam ma’ Ibnu s-sentimenti u l-pjanijiet Tiegħu (ara Ġwanni 5:20) u Hu qasamhom magħna wkoll permezz tal-profeti Tiegħu (ara Amos 3:7). Meta aħna naqsmu bejnietna dak li ngħaddu minnu kuljum u l-isfidi ta’ ħajjitna skont kif inkunu ggwidati mill-Ispirtu, aħna nibdew napprezzaw aktar lil xulxin hekk kif nibdew niskopru ċerti interessi u esperjenzi komuni.
Li noqogħdu nisimgħu x’ għandu xi jgħid ħaddieħor hija ħaġa mill-aktar importanti fil-komunikazzjoni tagħna biex nuru li aħna verament jimpurtana.8 Meta intom toqogħdu tisimgħu x’ għandu xi jgħid ħaddieħor, l-opportunità tagħkom li tgħinu lil ħaddieħor jersaq lejn Kristu tikber hekk kif intom tiksbu għarfien u dehen akbar biex tagħrfu x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom hekk kif huma jħossu li intom verament tħobbuhom u tifhmuhom u huma jħossuhom komdi magħkom.
-
Apprezzaw dak li hu differenti u dak li hu komuni bejnietkom.
“Xi wħud … jemmnu li l-Knisja trid toħloq lill-membri kollha bħallikieku ħerġin ilkoll mill-istess forma—bħallikieku kollha kemm huma għandhom jidhru, iħossu, jaħsbu u jaġixxu l-istess,” qal il-Presbiteru Uchtdorf. “Dan jikkontradixxi mal-ġenju ta’ Alla, li ħoloq kull bniedem differenti minn ħuh. …
“Il-Knisja tiffjorixxi meta aħna nieħdu vantaġġ minn din id-diversità u meta nħeġġu lil xulxin biex niżviluppaw u nużaw it-talenti tagħna sabiex inkunu nistgħu nelevaw u nsaħħu lil dixxipli oħra bħalna.”9
Biex aħna nħobbu lil ħaddieħor bil-mod kif iħobbna Alla jeħtieġ li aħna nippruvaw naraw lil ħaddieħor bil-mod kif iħares lejh Alla. Il-President Thomas S. Monson (1927-2018) għallem, “Jeħtieġ li aħna niżviluppaw fina l-kapaċità li nħarsu lejn ħaddieħor mhux kif inhu fil-preżent iżda kif hu kapaċi jsir.”10 Aħna nistgħu nitolbu biex niksbu l-għajnuna ħalli nħarsu lejn l-oħrajn bil-mod kif iħares lejhom Alla. Hekk kif aħna nittrattaw lil ħaddieħor skont il-potenzjal tagħhom biex huma jikbru, il-probabbiltà tkun li huma jaslu biex iqumu għall-okkażżjoni.11
-
Aqduhom.
Kunu sensittivi għall-bżonnijiet ta’ dawk li intom timministraw u kunu lesti li toffru ħinkom u t-talenti tagħkom, kemm f’ mumenti ta’ bżonn kif ukoll għaliex sempliċiment jimpurtakom minnhom. Intom tistgħu tkunu hemm għalihom biex tipprovdulhom il-faraġ, is-sapport u l-għajnuna meħtieġa kull meta jkun hemm xi emerġenza jew mard jew xi sitwazzjoni urġenti. Iżda f’ bosta relazzjonijiet aħna nispiċċaw nirreaġixxu. Alla tana l-għażla ħielsa ħalli nkunu nistgħu nagħżlu li naġixxu minflok ma nħallu lil ħaddieħor jaġixxi għalina (ara 2 Nephi 2:14). L-istess kif għallimna l-Appostlu Ġwanni li aħna nħobbu lil Alla għaliex Hu ħabbna l-ewwel (ara 1 Ġwanni 4:19), meta oħrajn iħossu l-imħabba ġenwina tagħna permezz tal-għemejjel tagħna ta’ servizz iwassal biex il-qlub jirtabu u l-imħabba u l-fiduċja tikber.12 Dan joħloq sensiela ta’ għemejjel twajba li jistgħu jaslu biex jibnu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Nimministraw kif Għamel is-Salvatur
Ġesù Kristu bena relazzjonijiet sinifikanti mad-dixxipli Tiegħu (ara Ġwanni 11:5). Huwa kien jafhom sew (ara Ġwanni 1:47–48). Huwa qatta’ ħin magħhom (ara Luqa 24:13–31). Il-komunikazzjoni Tiegħu kienet tmur lil hinn minn dak li hu superfiċjali (ara Ġwanni 15:15). Huwa kien japprezza d-differenzi ta’ bejniethom (ara Mattew 9:10) u kien jara l-potenzjal tagħhom (ara Ġwanni 17:23). Huwa serva lil kulħadd, minkejja li Huwa kien is-Sid ta’ kulħadd, fejn qal li Hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi (ara Mark 10:42–45).
Intom x’ taħsbu li għandkom tagħmlu biex tibnu relazzjonijiet aktar b’ saħħithom ma’ dawk li ġejtu msejħin biex isservu?
© 2018 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, Awissu 2018. Maltese. 15051 159