2018
Ikkomunikaw li Intom Verament Jimpurtakom
Prinċipji tal-Ministeru, Diċembru 2018


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Diċembru 2018

Ikkomunikaw li Intom Verament Jimpurtakom

Hemm bosta modi kif nistgħu nuru li aħna verament jimpurtana minn ħaddieħor, speċjalment fi żmien il-Milied. Aħna nistgħu nesprimu dan permezz tal-fomm, billi nibagħtu xi messaġġ bil-mowbajl, billi niktbu dak li nixtiequ ngħidu, billi noffru xi ħaġa, naqsmu xi ħaġa mal-oħrajn, permezz ta’ talbna, billi naħmulhom xi ħaġa, billi nkantawlhom, ngħannquhom magħna, nilagħbu magħhom, niżbgħulhom jew innadfulhom. Dan għandna sempliċiment nippruvawh.

Li aħna nuru l-imħabba tagħna lejhom hija fil-qalba tal-ministeru tagħna. Il-President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna Jean B. Bingham qalet: “Il-veru ministeru jista’ jiġi fis-seħħ billi nimministraw individwu wara individwu, fejn l-imħabba tkun l-unika motivazzjoni. … Bl-imħabba bħala l-motivazzjoni tagħna, iseħħu l-mirakli u aħna dejjem insibu modi kif inġibu lura lil ħutna “neqsin” u huma jerġgħu jibdew iħaddnu għal kollox l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”1

Li aħna nuru lil ħaddieħor li aħna verament jimpurtana huwa element mill-aktar essenzjali kif aħna nistgħu niżviluppaw ċerti relazzjonijiet personali. Iżda nies differenti jafu jieħdu l-messaġġ b’ mod differenti. Għalhekk aħna kif nistgħu nesprimu b’ mod xieraq l-imħabba tagħna għal ħaddieħor b’ modi li huma jistgħu jifhmu u japprezzaw? Dawn li ġejjin huma xi modi kif aħna nistgħu nikkomunikaw li aħna verament jimpurtana, flimkien ma’ xi ftit ideat oħra biex aħna stess nibdew nikkontemplaw dwar dan.

Permezz tal-Fomm

Xi kultant m’hemmx sostitut għal li aħna nlissnu b’ fommna dak li verament inkunu qed inħossu dwar xi ħadd. Filwaqt li dan jaf ifisser li nesprimu ma’ xi persuna dwar kemm aħna verament inħobbuha, dan jista’ jinkludi wkoll li aħna naqsmu magħha x’ nammiraw fiha jew inkella ngħaddulha xi kumpliment sinċier. Din it-tip ta’ affermazzjoni tgħin biex jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. (Ara Efesin 4:29.)

  • Sibu opportunità li fiha lill-individwu tgħidulu kemm intom verament tammirawh kif ukoll kemm tammiraw il-ħiliet tiegħu jew tagħha.

  • Morru żuruh, ċemplulu, ibagħtulu ijmejl, xi messaġġ bil-mowbajl jew inkella kartolina biex tgħidu lill-individwu li intom verament jimpurtakom minnu.

Żjara

Li tieħdu l-ħin tagħkom biex titkellmu ma’ xi ħadd u toqogħdu tisimgħuh huwa mod effettiv kif tistgħu turuh kemm huwa verament ifisser għalikom. Kemm jekk tmorru tiltaqgħu magħhom fid-dar, fil-knisja jew inkella f’ xi post ieħor, hemm bosta nies li għandhom bżonn lil xi ħadd biex joqogħdu jitkellmu miegħu jew magħha. (Ara Mosiah 4:26; D&C 20:47.)

  • Skedaw laqgħa skont il-bżonnijiet tal-individwu. Iddedikaw ħin biex fih toqogħdu verament tisimgħu u tifhmu ċ-ċirkustanzi tal-persuna.

  • Meta jkun diffiċli li tiltaqgħu magħhom fid-dar minħabba d-distanza, xi drawwiet kulturali jew xi ċirkustanzi oħra, ikkunsidraw li ssibu l-ħin biex tiltaqgħu flimkien wara l-laqgħat tal-Knisja.

Aqdu b’ Għan

Kunu konxji tal-bżonnijiet tal-individwu jew tal-familja. Li tipprovdu ċertu servizz sinifikanti juri li intom verament jimpurtakom. Dan jgħaqqad flimkien ir-rigali prezzjużi tal-ħin u tal-isforz maħsub. “Ċerti atti ta’ servizz jista’ jkollhom effett profond fuq ħaddieħor,” qalet Sister Bingham.2

  • Offru servizz li jsaħħaħ l-individwi jew lill-familji tagħhom, bħal, per eżempju, tieħdu ħsieb it-tfal sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jmorru t-tempju.

  • Fittxu modi kif tistgħu ttaffu l-piż meta l-ħajja ssir verament diffiċli, bħal, per eżempju, tnaddfu t-twieqi, toħorġu dawra bil-kelb jew tgħinu fil-ġnien.

Aħdmu Flimkien

Hemm individwi li diffiċli tilħquhom permezz ta’ xi konverżazzjoni profonda. Ċerti nies, tistgħu tilħquhom billi ssibu xi affarijiet li huma komuni magħhom u billi tqattgħu ħin taħdmu flimkien magħhom. Il-Mulej saħaq li aħna għandna “inqattgħu ħin u nsaħħu” (D&C 20:53) lil ħutna.

  • Morru mixja magħhom, ippjanaw lejla li fiha toqogħdu tilagħbu xi logħob jew sibu ħin regolari li fih tistgħu tmorru tagħmlu l-eżerċizzju flimkien.

  • Servu flimkien f’ xi proġett tal-komunità jew tal-Knisja.

Agħtuhom Rigal

Xi kultant il-ħin u l-opportunitajiet biex aħna ninteraġixxu magħhom jafu jkunu xi ftit limitati. F’ ħafna kulturi, li wieħed jagħti rigal huwa sinjal ta’ empatija u li huwa verament jimpurtah minn dak li jkun. Anke xi rigal okkażjonali sempliċi jista’ jikkomunika l-interess li intom għandkom biex tibnu relazzjoni aħjar. (Ara Proverbji 21:14.)

  • Ħudulhom xi ħaġa tal-ikel favorita tagħhom.

  • Aqsmu magħhom xi kwotazzjoni, skrittura jew xi messaġġ li tħossu li jistgħu jibbenifikaw minnhom.

Ħidma ta’ Mħabba

Hekk kif intom issiru tafu lil dawk li lilhom timministraw u li għalihom tkunu qed tfittxu l-ispirazzjoni, intom titgħallmu b’ mod aktar speċifiku kif tistgħu tikkomunikaw l-imħabba tagħkom u tieħdu ħsiebhom individwalment.

Kimberly Seyboldt minn Oregon, l-istati Uniti tal-Amerika, irrakkontat storja dwar kif wieħed jista’ jfittex l-ispirazzjoni u joffri r-rigali biex juri mħabbtu:

“Meta nsib li l-ħajja tkun qed twassalni biex inħossni xi ftit imdejqa, jiena nqum u nagħmel ftit ħobż taż-żukkini, normalment madwar tmint ibziezen. L-ingredjent speċjali tiegħi huwa t-talba siekta li jiena noffri hekk kif jiena nkun qed naħmi biex insir naf minn verament jeħtieġ dawk il-bziezen. Dan għenni nsir naf aħjar il-ġirien ta’ fejn noqgħod hekk kif il-ħobż sħun taż-żukkini kien ikun l-istedina tiegħi biex nidħol fi djarhom u f’ ħajjithom.

“Darba f’ jum sħun u sajfi, jiena waqaft bil-karozza ħdejn familja li kienet tinsab tbiegħ pinet tat-tut mal-ġenb tat-triq. Jiena ma kellix bżonn aktar tut, iżda t-tfajjel żagħżugħ u rqiq li kien jinsab wieqaf hemmhekk verament ħassu eċċitat meta rani, għaliex ħaseb li jiena kont il-klijent li jmiss. Jiena xtrajt xi ftit tut, iżda kelli wkoll rigal għalih. Jiena tajt lil dan it-tifel żewġt ibziezen. Huwa dar lejn missieru biex jara jekk jaċċettahomx, imbagħad qal, ‘Ara, Pa, issa illum għandna xi ħaġa x’ nieklu.’ Jiena ħassejtni mimlija gratitudni minħabba din l-opportunità li jien kelli li nuri imħabbti b’ mod sempliċi.”

II-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostu talab “li kull raġel u mara—u l-ġuvintur u t-tfajliet akbar tagħna—ikunu … aktar lesti biex b’ impenn u mħabba jieħdu ħsieb xulxin, fejn il-motivazzjoni tagħhom li jagħmlu dan tkun biss l-imħabba safja ta’ Kristu. … Jalla aħna naħdmu spalla ma’ spalla ma’ Sid l-għalqa, fejn ngħinu lil Alla u l-Missier tagħna lkoll bil-biċċa xogħol tant kbira li Huwa għandu li jisma’ t-talb, jipprovdi l-faraġ, jixxotta d-dmugħ u jsaħħaħ l-irkupptejn imriegħda.”3

Ġesù Kristu Jimpurtah

Wara li Ġesù Kristu qajjem lil Lazzru mill-mewt, “Ġesù beka.

“Għalhekk il-Lhud qalu, Ara kemm kien iħobbu!” (Ġwanni 11:35–36).

“Jiena mimli kompassjoni għalikom,” Kristu qal lin-Nefiti. Imbagħad Huwa sejjaħ lill-morda u l-imnikktin, il-magħtuba u l-għomja, u “huwa fejjaqhom” (ara 3 Nephi 17:7–9).

Is-Salvatur uriena permezz tal-eżempju Tiegħu hekk kif Huwa ħa ħsieb ħaddieħor. Huwa għallimna:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha, u b’ moħħok kollu.

“Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

“U it-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mattew 22:37–39).

Min għandu bżonn li inti tieħu ħsiebu? Inti kif tista’ turi lill-oħrajn li int verament jimpurtak minnhom?

Noti

  1. Jean B. Bingham, “Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur,” Liahona, Mejju 2018, 106.

  2. Jean B. Bingham, “Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur,” 104.

  3. Jeffrey R. Holland, “Kunu Magħhom u Saħħuhom,” Liahona, Mejju 2018, 103.

Ipprintja