2019
Kif Nistgħu Naqsmu t-Testimonjanza b’ Mod Aktar Naturali
Marzu 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Marzu 2019

Kif Nistgħu Naqsmu t-Testimonjanza b’ Mod Aktar Naturali

Li nimministraw ifisser li nixhdu. Il-flessibilità tal-ministeru tista’ żżid l-opportunitajiet tagħna li naqsmu t-testimonjanza b’ modi formali u informali.

Aħna għamilna patt li “se nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kullimkien” (Mosiah 18:9). Li aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna hija parti mis-sejħa tagħna li nieqfu bħala xhieda u hi mod effettiv kif nistgħu nistiednu l-Ispirtu s-Santu biex imiss qalb l-oħrajn u jibdlilhom ħajjithom.

“Testimonjanza—testimonjanza vera, mwielda mill-Ispirtu u kkonfermata mill-Ispirtu s-Santu—tibdel il-ħajja ta’ dak li jkun,” qal il-President M. Russell Ballard, Aġent President Tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.1

Iżda li aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna taf tkun ħaġa intimidanti jew skomda għal xi wħud minna. Dan jista’ jkun minħabba li aħna nafu nħarsu lejn li aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna bħala xi ħaġa li aħna nagħmlu waqt il-laqgħa tas-sawm u testimonjanza jew meta aħna nkunu qed ngħallmu lezzjoni. F’ dan l-ambjent formali aħna spiss nużaw ċertu kliem u frażijiet li jkunu jidhru li mhux posthom f’ konverżazzjoni naturali.

Li aħna naqsmu t-testimonjanzi tagħna tista’ ssir għalina barka aktar regolari f’ ħajjitna u fil-ħajja ta’ ħaddieħor meta aħna nifhmu kemm tista’ tkun ħaġa sempliċi li aħna naqsmu ma’ ħaddieħor dak li aħna nemmnu fih fl-ambjent tal-ħajja ta’ kuljum. Dawn huma xi ftit ideat biex jgħinukom tibdew.

Żommu Kollox Sempliċi

Testimonjanza m’għandhiex għalfejn tibda bil-frażi, “Nixtieq naqsam it-testimonjanza tiegħi,” u m’hemmx għalfejn tintemm bil-kliem, “F’ isem Ġesù Kristu, amen.” Testimonjanza hija espressjoni ta’ dak li aħna nemmnu fih u nafu li huwa veru. Għalhekk li intom tmorru żżuru lill-ġara tagħkom dwar xi problema li hija jaf ikollha u tgħidulha, “Jiena naf li Alla jisma’ t-talb tagħna,” tista’ tkun effettiva daqs kwalunkwe testimonjanza li intom tistgħu taqsmu minn fuq il-pulptu fil-knisja. Il-qawwa mhijiex riżultat ta’ xi lingwaġġ artikulat; niksbuha meta l-Ispirtu s-Santu jikkonferma l-verità (ara Doctrine and Covenants 100:7–8).

Tkun Parti minn Konverżazzjoni Naturali Mexxejja

Jekk aħna nkunu lesti li naqsmu t-testimonjanza tagħna, nibdew naraw opportunitajiet madwarna kullimkien fejn aħna nistgħu naqsmu t-testimonjanza tagħna fil-konverżazzjoni tagħna ta’ kuljum. Per eżempju:

  • Xi ħadd jistaqsik kif kien għalik tmiem il-ġimgħa. Intom tistgħu twieġbu “Tajjeb ħafna. “Il-Knisja kienet dak li jien veru kelli bżonn.”

  • Xi ħadd jaf jesprimi s-simpatija tiegħu wara li jsir jaf dwar xi sfida li jaf li esperjenzajt f’ ħajtek: “Jiddispjaċini.” It-tweġiba tiegħek: “Grazzi tal-ħsieb tiegħek. Jiena naf li Alla se jgħinni f’ dak li għaddej minnu. Huwa kien dejjem jinsab hemm għalija qabel.”

  • Xi ħadd jaf jgħidlek: “Nittama li dan it-temp ikrah jinbidel,” jew “Tal-linja vera se ddum ma tiġi,” jew “Ara naqra kemm traffiku.” Intom tistgħu twieġbu: “Jiena ninsab ċert li Alla se jgħin biex kollox ikun sew.”

Aqsmu t-Testimonjanza Tagħkom

Aħna spiss nitkellmu flimkien dwar l-isfidi li niffaċċjaw. Meta xi ħadd jitkellem magħkom dwar dak li huwa qed jiffaċċja f’ ħajtu, intom tistgħu taqsmu miegħu xi esperjenza meta Alla lilkom għenkom fl-isfidi tagħkom u ixhdu miegħu li intom tafu li Huwa jista’ jgħin lilhom ukoll. Il-Mulej qal li Huwa jimliena bil-qawwa fl-isfidi tagħna ħalli “intom tieqfu bħala xhieda għalija, u sabiex tkunu tafu b’ ċertezza li jiena, il-Mulej Alla, inżur il-poplu tiegħi waqt is-sofferenza tiegħu” (Mosiah 24:14). Aħna nistgħu nieqfu bħala xhieda Tiegħu meta aħna nixhdu dwar kif Huwa għenna fl-isfidi tagħna.

Kunu Preparati

Għal xi wħud minna, li aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna b’ mod spontanju taf tkun ħaġa intimidanti. Hemm modi kif aħna nistgħu nippjanaw minn qabel u “inkunu dejjem lesti biex nagħtu tweġiba lil kull min jitlobna l-għala tat-tama li għandna ġo fina” (1 Pietru 3:15).

L-ewwel, li nkunu preparati jaf ifisser li nagħtu ħarsa lejn kif qegħdin ngħixu. Qegħdin aħna nistiednu l-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna u kuljum insaħħu t-testimonjanzi tagħna billi ngħixu ħajja tajba? Qegħdin aħna nagħtu biżżejjed opportunitajiet lill-Ispirtu biex Huwa jkun jista’ jitkellem magħna u jipprovdilna l-kliem li aħna nkunu neħtieġu permezz tat-talb u l-istudju tal-iskrittura? Kif il-Mulej qal lil Hyrum Smith, “Tfittixx li tiddikjara l-kelma tiegħi, iżda l-ewwel fittex li tikseb il-kelma tiegħi, u mbagħad ilsienek jinħall” (Doctrine and Covenants 11:21).

It-tieni, li tkunu preparati ifisser li tħarsu ‘l quddiem u tikkunsidraw x’ opportunitajiet li jista’ jkollkom dak inhar jew dik il-ġimgħa biex taqsmu t-testimonjanza tagħkom. Intom tistgħu tippreparaw għal dawk l-opportunitajiet billi taħsbu dwar kif huma jistgħu jagħtukom iċ-ċans li taqsmu ma’ ħaddieħor dak li intom temmnu fih.

Ibqgħu Ċċentrati fuq is-Salvatur u d-Duttrina Tiegħu

Il-President Ballard għallem, “Minkejja li bħala membri tal-Knisja aħna jista’ jkollna testimonjanza ta’ bosta ħwejjeġ, hemm ċerti veritajiet bażiċi li jeħtieġ li aħna kontinwament nibqgħu ngħallmu lil xulxin u naqsmu bejnietna.” Bħala eżempji, huwa semma: “Alla huwa Missierna u Ġesù hu l-Kristu. Il-pjan tas-salvazzjoni huwa ċċentrat fuq l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Joseph Smith irrestawra l-milja tal-evanġelju etern ta’ Ġesù Kristu, u l-Ktieb ta’ Mormon huwa evidenza li t-testimonjanza tagħna hija vera.” Hekk kif aħna naqsmu mal-oħrajn dawn il-veritajiet reali, aħna nistiednu l-Ispirtu biex jagħti xhieda li dak li aħna għidna huwa minnu. Il-President Ballard enfasizza li “l-Ispirtu ma jinżammx lura meta aħna naqsmu ma’ ħaddieħor it-testimonjanza pura ta’ Kristu.”2

L-Eżempju tas-Salvatur

Għajjien minn vjaġġ li ħadu qalb is-Samarija, is-Salvatur waqaf jistrieħ ħdejn bir u hemmhekk iltaqa’ ma’ mara. Huwa beda konverżazzjoni magħha dwar l-ilma li jittalla’ mill-bir. Filwaqt li Huwa nqeda b’ din l-attivita’ li dik il-mara kienet tagħmel ta’ kuljum, Ġesù ħa l-opportunità li jixhed dwar l-ilma ħaj u l-ħajja eterna li huma disponibbli għal dawk li jemmnu fih (ara Ġwanni 4:13–15, 25–26).

Testimonjanza Sempliċi Tista’ Tibdel Ħajja ta’ Bniedem

Il-President Russell M. Nelson tkellem dwar waħda infermiera li kienet staqsiet lil dak li dak iż-żmien kien Dott. Nelson mistoqsija wara proċedura kirurġika mill-aktar diffiċli. “Inti għalfejn m’intix bħal kirurgi oħra?” Ċerti kirurgi li kienet taf hi kienet taqbżilhom malajr u kienu jitkellmu ħażin hekk kif huma kienu jkunu qed iwettqu ċerti operazzjonijiet waqt li jkunu taħt pressjoni.

Dott. Nelson seta’ taha diversi tweġibiet. Iżda huwa sempliċiment wieġeb, “Għaliex jiena naf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru.”

It-tweġiba tiegħu wasslet biex din l-infermiera u r-raġel tagħha jistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon. Aktar tard il-President Nelson għammed lil din l-infermiera. Għexieren ta’ snin wara, meta kien qed jippresedi f’ konferenza tal-wited ġewwa Tennessee, l-Istati Uniti tal-Amerika, hekk kif kien għadu kif ġie ordnat bħala Appostlu, il-President Nelson kellu l-opportunità sabiħa li jerġa’ jiltaqa’ ma’ din l-istess infermiera. Hija qaltlu li l-konverżjoni tagħha, riżultat tat-testimonjanza sempliċi tiegħu u l-influwenza tal-Ktieb ta’ Mormon, għenet biex wasslet għall-konverżjoni ta’ 80 persuna oħra.3

Stedina biex Naġixxu

Tibżgħux taqsmu t-testimonjanza tagħkom. Din taf tbierek lil dawk li intom timministraw. Intom kif se tużaw dawn l-ideat jew l-ideat tagħkom biex illum taqsmu t-testimonjanza tagħkom?

Noti

  1. M. Russell Ballard, “Pure Testimony,” Liahona, Nov. 2004, 40.

  2. M. Russell Ballard, “Pure Testimony,” 41.

  3. F’ Jason Swensen, “Be Ready to Explain Your Testimony Using the Book of Mormon, President Nelson Says,” sezzjoni tal-Aħbarijiet tal-Knisja ta’ LDS.org, 6 ta’ Fr., 2018, news.lds.org.

Ipprintja