Prinċipji tal-Ministeru, April 2019
Inwettqu l-Ministeru b’ Ferħ
Li aħna nservu b’ imħabba jwassal il-ferħ lil min jagħti u lil min jirċievi.
Xi kultant it-tiftixa tagħna għall-ferħ f’ din il-ħajja taf tidher bħallikieku ninsabu qed niġru fuq tredmill. Niġru fuq li niġru u xorta waħda nħossuna qisna għadna ma wasalna mkien. Għal xi wħud, il-ħsieb li jimministraw lil ħaddieħor sempliċiment ifisser li jħossuhom li se jkomplu jżidu ma’ dak li diġà għandhom x’ jagħmlu.
Iżda Missierna tas-Smewwiet iridna nesperjenzaw il-ferħ u qalilna li “il-bnedmin twieldu biex ikunu ferħanin” (2 Nephi 2:25). U s-Salvatur għallem li nimministraw lil xulxin hija parti essenzjali kif aħna nistgħu nwasslu l-ferħ f’ ħajjitna u f’ ħajjet l-oħrajn.
X’inhu l-Ferħ?
Il-ferħ ġie defenit bħala “sentiment ta’ pjaċir kbir u kuntentizza kbira.”1 Il-profeti tal-aħħar jiem tawna spjegazzjoni ċara dwar minn fejn jiġi l-ferħ u kif nistgħu nsibuh. “Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ ħajjitna,” qal il-President Russell M. Nelson. “… Il-ferħ jiġi mingħand Ġesù Kristu u minħabba Ġesù Kristu. Huwa s-sors ta’ kull ferħ.”2
Il-Ministeru jwassal il-Ferħ
Meta Leħi kiel mill-frott tas-siġra tal-ħajja, ruħu mtliet “b’ ferħ mill-aktar kbir” (1 Nephi 8:12). L-ewwel xewqa Tiegħu kienet li jaqsam dan il-frott ma’ dawk li huwa jħobb.
Ir-rieda tagħna li nimministraw lil ħaddieħor tista’ twassal dan it-tip ta’ ferħ, kemm lilna kif ukoll lilhom. Is-Salvatur għallem lid-dixxipli Tiegħu li l-frott li aħna nwasslu meta nkunu ħaġa waħda Miegħu jgħin biex iwasslilna l-milja tal-ferħ (ara Ġwanni 15:1–11). Li aħna nwettqu l-ħidma Tiegħu billi nservu u nfittxu li nressqu lil ħaddieħor lejh tista’ verament tkun għalina esperjenza mill-isbaħ (ara Luqa 15:7; Alma 29:9; Doctrine and Covenants 18:16; 50:22). Aħna nistgħu nesperjenzaw dan il-ferħ anke meta nħabbtu wiċċna mal-oppożizzjoni u s-sofferenza (ara 2 Korintin 7:4; Korintin 1:11).
Is-Salvatur uriena l-eżempju perfett li wieħed mill-akbar sorsi għall-veru ferħ fil-ħajja mortali nsibuh meta aħna nservu. Meta aħna nimministraw lil ħutna bħas-Salvatur, b’ karità u mħabba f’ qalbna, aħna nistgħu nesperjenzaw ferħ li jmur lil hinn minn sempliċiment kuntentizza.
“Hekk kif minn qalbna aħna nħaddnu l-ministeru, aħna … nkunu aktar viċin li nsiru poplu ta’ Sijon u nħossu fina ferħ mill-aktar kbir flimkien ma’ dawk li aħna għinna fil-vjaġġ tagħna bħala dixxipli,” għallmet Sister Jean B. Bingham, President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.3
Aħna Kif Nistgħu Nwettqu l-Ministeru b’ Ferħ Akbar?
Hemm diversi modi kif nistgħu nwasslu ferħ akbar fil-ministeru tagħna. Dawn huma xi ftit ideat:
-
Ifhmu l-għan tagħkom fil-ministeru. Hemm diversi raġunijiet għalfejn nimministraw. Ultimament, l-isforzi tagħna għandhom jiġu allinjati mal-għanijiet ta’ Alla li “jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39). Hekk kif aħna naċċettaw l-istedina tal-President Russell M. Nelson biex ngħinu lil ħaddieħor tul it-triq tal-patt, aħna nistgħu nsibu l-ferħ hekk kif nipparteċipaw fil-ħidma ta’ Alla.4 (Aktar dwar l-għan tal-ministeru, araw “Prinċipji tal-Ministeru: L-Għan li Jibdel il-Ministeru Tagħna,” fil-ħarġa ta’ Jannar 2018 ta’ Liahona.)
-
Araw li l-ministeru jiffoka dwar in-nies u mhux dwar x’ għandkom tagħmlu. Il-President Thomas S. Monson spiss ifakkarna, “Qatt tħallu problema li jeħtieġ tissolva ssir aktar importanti minn persuna li teħtieġ l-imħabba tagħkom.”5 Il-ministeru huwa dwar li nħobbu lin-nies, mhux dwar l-affarijiet li nwettqu. Hekk kif aħna nikbru biex insiru nħobbu kif iħobb is-Salvatur, aħna nkunu aktar lesti li niksbu l-ferħ li jasal għandna meta nservu lil ħaddieħor.
-
Inżommu l-ministeru sempliċi. Il-President M. Russell Ballard, Aġent President Tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, jgħidilna: “Ħwejjeġ kbar jiġu fis-seħħ permezz ta’ ħwejjeġ sempliċi u żgħar. … L-għemejjel żgħar u sempliċi tagħna ta’ tjubija u servizz jakkumulaw f’ ħajja mimlija mħabba għal Missierna tas-Smewwiet, devozzjoni lejn il-ħidma tal-Mulej Ġesù Kristu, u sens ta’ paċi u hena kull darba li ngħinu lil xulxin.”6
-
Neħħu l-istress mill-ministeru. Mhix ir-responsabbiltà tagħkom li ġġibu fis-seħħ is-salvazzjoni ta’ ħaddieħor. Dik hi ħaġa bejn l-individwu u l-Mulej. Ir-responsabbiltà tagħna hi li nħobbuhom u ngħinuhom iduru lejn Ġesù Kristu, li huwa s-Salvatur tagħhom.
Tiċċaħdux mill-Ferħ tas-Servizz
Xi kultant in-nies isibuha bi tqila biex jitolbu l-għajnuna meħtieġa, għalhekk li aħna noffru s-servizz tagħna jaf ikun dak li huma jeħtieġu. Iżda lanqas m’għandna nisfurzaw lin-nies. Hija idea tajba li nitolbu permess qabel ma aħna nimministraw.
Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu tkellem dwar waħda mara single li kien qabadha l-ġidri r-riħ—u mbagħad spiċċaw biex mardu wkoll uliedha. Id-dar li normalment kienet tkun nadifa tazza bdiet issir mimlija mbarazz u mitluqa. Kullimkien spiċċa mimli platti u ħwejjeġ għall-ħasil.
Fil-mument meta hi ħassitha verament se tiddispra, l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna ħabbtu fuq il-bieb tagħha. Huma ma qalulhiex, “Għidilna jekk nistgħu ngħinuk f’ xi ħaġa.” Meta huma raw is-sitwazzjoni li kienet fiha, huma xammru l-kmiem.
“Huma żbarazzaw l-imbarazz, ġabu l-ordni lura fid-dar u ċemplu ħabiba tagħhom sabiex tmur tixtrilha xi affarijiet tal-ikel li tant kienet teħtieġ. Meta finalment huma spiċċaw li kellhom jagħmlu u sellmulha, huma ħallew warajhom lil dik l-omm żagħżugħa bid-dmugħ f’ għajnejha—dmugħ ta’ gratitudni u mħabba.”7
Kemm min ta u min irċieva ħass fih iż-żelu tal-ferħ.
Ikkultivaw il-Ferħ f’ Ħajjitkom
Aktar ma nikkultivaw ferħ, paċi u kuntentizza f’ ħajjitna, aktar inkunu kapaċi naqsmu dan ma’ ħaddieħor hekk kif nimministraw. Il-ferħ niksbuh permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Galatin 5:22 u Doctrine and Covenants 11:13). Hija xi ħaġa li nistgħu nitolbu għaliha (ara Doctrine and Covenants 136:29) u nistiednu f’ ħajjitna. Dawn huma xi ftit ideat kif nistgħu nikkultivaw il-ferħ f’ ħajjitna:
-
Għoddu barkietkom. Hekk kif intom teżaminaw ħajjitkom, iktbu fid-djarju tagħkom dawk il-ħwejjeġ li Alla berikkom bihom.8 Agħtu każ tat-tajjeb kollu li taraw madwarkom.9 Oqogħdu attenti biex taraw x’ jista’ qed iżommkom milli tħossu fikom dak il-ferħ u iktbu modi kif tistgħu tirrisolvu jew tifhmu aħjar dan. Waqt dan l-istaġun tal-Għid, iddedikaw ħin li fih tfittxu li tkunu aktar ħaġa waħda mas-Salvatur (ara Doctrine and Covenants 101:36).
-
Ipprattikaw kemm intom kapaċi tibqgħu ffokati. Il-ferħ tistgħu tesperjenzawh b’ aktar faċilità f’ mumenti ta’ meditazzjoni siekta.10 Agħtu każ għal dak li jwasslilkom il-ferħ (ara 1 Kronaki 16:15). Li toqogħdu ‘l bogħod minn mezzi tal-midja xi kultant jaf ikun neċessarju biex intom tipprattikaw kemm intom kapaċi tibqgħu ffokati.11
-
Evitaw li tipparagunaw lilkom infuskom. Intqal li l-paragun huwa dak li jisraqlek il-ferħ. Pawlu widdeb li dawk li “iqisu ruħhom bihom infushom u jqabblu lil ruħhom magħhom infushom ikunu bla moħħ” (2 Korintin 10:12).
-
Fittxu r-rivelazzjoni personali. Is-Salvatur għallem: “Jekk intom tfittxu, intom tirċievu rivelazzjoni wara rivelazzjoni, għarfien wara għarfien, sabiex intom tkunu tistgħu ssiru tafu kemm il-misteri kif ukoll il-ħwejjeġ li jġibu l-paċi—dawk li jwasslu għall-ferħ, dawk li jwasslu għall-ħajja eterna” (Doctrine and Covenants 42:61).
Stedina biex Naġixxu
Intom kif tistgħu tkabbru l-ferħ li tistgħu ssibu f’ ħajjitkom permezz tal-ministeru?
© 2019 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in the USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/18. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/18. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, April 2019. Maltese. 15765 159