2019
Kif Nistgħu Noħolqu Kultura ta’ Inklużjoni fil-Knisja?
Lulju 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Lulju 2019

Kif Nistgħu Noħolqu Kultura ta’ Inklużjoni fil-Knisja?

Meta aħna nagħtu ħarsa lejn l-oqsma u l-fergħat tagħna, quddiemna naraw nies li għalihom tidher ħaġa faċli li jintegraw irwieħhom ma’ ħaddieħor. Li ma nirrealizzawx hu li anke fost dawk li jidhru li m’għandhom l-ebda diffikultà jintegraw irwieħhom, ħafna huma li jħossuhom imwarrbin. Per eżempju, m’ilux sar studju li rriżulta li kważi nofs l-adulti fl-Istati Uniti rrapportaw li huma jħossuhom weħidhom, imwarrbin jew iżolati minn ħaddieħor.1

Huwa importanti li nħossuna inklużi. Huwa bżonn fundamentali tal-bniedem, u meta aħna nħossuna esklużi, jiddispjaċina. Jekk tħossok imwarrab, inti tħoss fik sentiment ta’ dieqa jew rabja.2 Meta aħna nħossuna li ma nappartjenux fil-grupp, it-tendenza hi li aħna nfittxu xi mkien fejn inħossuna aktar komdi. Jeħtieġ ngħinu lil kulħadd iħossu li jappartjeni fil-knisja.

Ninkludu lill-Oħrajn Bħas-Salvatur

Is-Salvatur kien l-eżempju perfett kif għandna nivvalutaw u ninkludu lil ħaddieħor. Meta Huwa għażel lill-Appostli Tiegħu, Huwa ma qagħadx jagħti każ xi status kellhom, jekk kinux sinjuri jew jekk kellhomx xi professjoni għolja. Huwa ra l-valur li kellha l-mara Samaritana li kienet ħdejn il-bir, fejn magħha Huwa xehed dwar id-divinità Tiegħu minkejja l-mod kif il-Lhud kienu jħarsu b’disprezz lejn is-Samaritani (ara Ġwanni 4). Huwa jħares lejn il-qalb u ma jħares lejn wiċċ ħadd (ara 1 Samwel 16:7; Doctrine and Covenants 38:16, 26).

Is-Salvatur qal:

“Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġwanni 13:34–35).

X’nistgħu nagħmlu?

Xi kultant diffiċli li ngħidu jekk xi ħadd ikunx qed iħossu mwarrab. Huma ħafna li ma jitkellmu ma ħadd dwar dan—jew inkella ma jitkellmux b’mod ċar. B’qalb kollha mħabba, bil-gwida tal-Ispirtu s-Santu u bi sforz biex inkunu konxji tal-oħrajn, aħna nistgħu nagħrfu meta fil-laqgħat u fl-attivitajiet tal-Knisja, xi ħadd ma jħossux inkluż.

Sinjal Possibbli li Xi Ħadd Iħossu Eskluż:

  • Il-movimenti tal-ġisem li juru bniedem maqtugħ minn ta’ madwaru, bħal meta huwa jorbot dirgħajh flimkien jew iħares fiss lejn l-art.

  • Ikun bilqiegħda fuq in-naħa ta’ wara tal-kamra jew bilqiegħda waħdu.

  • Ma jattendix il-knisja jew ma jattendix b’mod regolari.

  • Jitlaq kmieni mil-laqgħat jew mill-attivitajiet.

  • Ma jipparteċipax fil-konverżazzjonijiet jew fil-lezzjonijiet.

Dawn jafu jkunu sinjali ta’ xi emozzjonijiet oħra, bħal mistħija, anzjetà, jew inkella ta’ xi ħadd li qed iħossu skomdu. Il-membri jafu jħossuhom “differenti” meta huma jkunu membri ġodda fil-Knisja, meta jkunu minn xi pajjiż ieħor jew minn xi kultura oħra, jew meta jkunu għadhom kif esperjenzaw xi bidla trawmatika f’ħajjithom, bħal divorzju, mewt ta’ xi membru tal-familja, jew ritorn qabel iż-żmien minn missjoni.

Tkun xi tkun ir-raġuni, m’għandniex noqogħdu naħsbuha biex nilħqu lil dawn il-membri b’imħabba. Dak li ngħidu u dak li nagħmlu jista’ joħloq sentiment li kulħadd iħossu komdu u bżonjuż.

Xi Modi Kif Nistgħu Nkunu Inklussivi u Nilqgħu lil Ħaddieħor Fostna:

  • Fil-Knisja toqogħdux dejjem bilqiegħda ħdejn l-istess nies.

  • Ħarsu lil hinn mill-apparenza tan-nies biex taraw min verament huma. (Għal aktar dwar dan is-suġġett, araw “Il-Ministeru Ifisser li Tħares Lejn l-Oħrajn kif Iħares Lejhom is-Salvatur,” Liahona, Ġunju 2019, 8–11.)

  • Inkludu lill-oħrajn fil-konverżazzjoni.

  • Stiedenu lil oħrajn biex ikunu parti minn ħajjitkom. Tistgħu tinkluduhom f’ċerti attivitajiet li diġà qegħdin tippjanaw.

  • Sibu u ibnu fuq ċerti interessi komuni.

  • Iżżommux milli tinħoloq ħbiberija bejnietkom sempliċiment għaliex xi ħadd mhuwiex eżatt kif tixtiequ intom.

  • Meta taraw xi ħaġa unika f’xi persuna, interessaw ruħkom fiha minflok ma tinjorawha jew tevitawha.

  • Esprimu mħabbitkom u offru l-kumplimenti sinċiera tagħkom.

  • Iddedikaw ħin biex fih tikkontemplaw xi jfisser verament meta aħna ngħidu li l-Knisja hi għal kulħadd, irrilevanti d-differenzi ta’ bejnietna. Kif nistgħu nagħmlu dan realtà?

Mhux dejjem faċli li nħossuna komdi madwar nies li huma differenti minna. Iżda bil-prattika, nistgħu nibdew insiru aħjar f’li nsibu valur fid-differenzi ta’ bejnietna u napprezzaw il-kontribut uniku li tista’ tagħti kull persuna. Kif għallem il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, id-differenzi tagħna jistgħu jgħinuna nsiru nies aħjar u aktar kuntenti: “Ejjew, għinuna nibnu u nsaħħu l-kultura tal-fejqan, tat-tjubija u tal-ħniena lejn l-ulied kollha ta’ Alla.”3

Imberkin bl-Inklużjoni

Christl Fechter marret tgħix f’pajjiz ieħor wara li l-gwerra għamlet ħerba minn pajjiżha. Hija ma kenitx titkellem il-lingwa tajjeb ħafna u ma kienet taf lil ħadd fl-inħawi fejn kienet toqgħod, għalhekk għall-ewwel ħassitha iżolata u weħidha.

Bħala membru tal-Knisja, hija għamlet il-kuraġġ u bdiet tattendi l-qasam il-ġdid tagħha. Hija bdiet tinkwieta li l-aċċent ovvju tagħha kien se jżomm lin-nies milli jitkellmu magħha jew li kienu se jiġġudikawha għaliex kienet għadha xebba.

Iżda hija ltaqgħet ma’ nies li kienu jħarsu lil hinn mid-differenzi li kien hemm bejniethom u laqgħuha fil-komunità ta’ ħbieb tagħhom. Huma wrewha mħabbithom u hija ma damitx wisq ma bdiet tgħin billi tgħallem fi klassi tal-Primarja. Il-tfal kienu ta’ eżempju ta’ kif wieħed għandu jaċċetta lil ħaddieħor, u s-sentiment li ħasset, li hija kienet maħbuba u bżonjuża, wassal biex saħħaħ il-fidi tagħha u għenha ġġedded id-devozzjoni tagħha lejn il-Mulej, liema devozzjoni kienet karatteristika ta’ ħajjitha.

Noti

  1. Ara Alexa Lardieri, “Study: Many Americans Report Feeling Lonely, Younger Generations More So,” U.S. News, 1 ta’ Mejju, 2018, usnews.com.

  2. Ara Carly K. Peterson, Laura C. Gravens, and Eddie Harmon-Jones, “Asymmetric Frontal Cortical Activity and Negative Affective Responses to Ostracism,” Social Cognitive and Affective Neuroscience, vol. 6, nu. 3 (June 2011), 277–85.

  3. Dieter F. Uchtdorf, “Emmen, Ħobb, Aġixxi,” Liahona, Nov. 2018, 48.

Ipprintja