2019
Kif l-Ispirtu jista’ (u se) jgħinek timministra
Settembru 2019


Prinċipji tal-Ministeru, Settembru 2019

Kif l-Ispirtu jista’ (u se) jgħinek timministra

Il-ħidma tas-saċerdozju li nimministraw, mogħtija kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, tinkludi d-dritt li nirċievu r-rivelazzjoni.

Immaġni
ministering

Illustrazzjonijiet minn Getty Images

Is-sejħa biex timministra u sservi u saħansitra tħobb kif għamel is-Salvatur taf xi kultant tidher ħaġa diffiċli—speċjalment meta din tinvolvi l-bżonn li aħna nilħqu lil dawk li ftit li xejn nafuhom. B’miljuni ta’ modi kif nistgħu nimministraw, aħna nafu nħossuna ftit inċerti kif nistgħu nkunu nafu l-aħjar mod kif għandna nilħqu lil dawk li ġejna mitluba ngħinu.

M’għandniex għalfejn indumu wisq inċerti għaliex l-isforzi sinċiera tagħna jistgħu jiġu ggwidati mill-Ispirtu s-Santu.

“Il-ħidma sagra tagħkom tal-ministeru tagħtikom id-dritt divin li tirċievu l-ispirazzjoni,” qalet Sister Bonnie H. Cordon, il-President Ġenerali tat-Tfajliet. “Intom tistgħu tfittxu din l-ispirazzjoni b’ kunfidenza.”1

Meta aħna nfittxu biex inservu kif għamel is-Salvatur, aħna nistgħu niġu ggwidati permezz ta’ dak l-istess Spirtu li ggwida lilu. Dan hu speċjalment veru meta aħna nservu f’ċerti essajnments bħal meta nimministraw, li jkunu qed jiġu attwati taħt l-awtorità tal-imfietaħ tas-saċerdozju tal-isqof. Dawn huma sitt suġġerimenti kif nistgħu nimministraw permezz tal-Ispirtu.

Kif jista’ jkolli l-Ispirtu meta nimministra?

  • Itlob għall-gwida. Missierna tas-Smewwiet iridna nikkomunikaw Miegħu permezz tat-talb. It-talb mhux biss jagħtina ċ-ċans li nersqu aktar viċin Tiegħu, iżda jiżguralna wkoll “barkiet li Alla diġà lest li jagħtina iżda dawn jingħataw lilna bil-kundizzjoni li aħna nistaqsuh għalihom.”2 “Hekk kif aħna nitolbu u nfittxu li nifhmu x’hemm f’qalbhom,” qalet Sister Cordon, “jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet imexxina u l-Ispirtu Tiegħu jkun magħna.”3

  • Toqgħodx tistenna għal suġġeriment mill-Ispirtu. Kun proattiv. “Aħdem b’ħerqa” (Doctrine and Covenants 58:27), u ssib li l-isforzi tiegħek jistgħu jiġu ggwidati u mkabbra. “Li nibqgħu mexjin ’il quddiem bis-servizz u l-ħidma tagħna huwa mod importanti kif nistgħu nikkwalifikaw għar-rivelazzjoni,” qal il-President Dallin H. Oaks, l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza. “Fl-istudju tiegħi tal-iskrittura jiena nnotajt li l-biċċa l-kbira tar-rivelazzjoni mogħtija lil ulied Alla tasal meta huma jkunu qed jaħdmu jew iservu, mhux meta jkunu mixħutin bilqiegħda fi djarhom jistennew lill-Mulej jgħidilhom x’inhu l-ewwel pass li għandhom jieħdu.”4

Kif nista’ nagħraf is-suġġerimenti tal-Ispirtu biex nimministra?

  • Ħu l-parir ta’ Mormon. M’hemmx għalfejn noqogħdu ntellgħu u nniżlu jekk xi ħsieb li kellna kienx suġġeriment tal-Ispirtu jew le. Mhux meta għandna l-parir ċar u sempliċi ta’ Mormon kif nistgħu nkunu nafu dan: Jekk jiġik ħsieb li jissuġġerilek li tagħmel it-tajjeb u li temmen, jew tgħin lil ħaddieħor jemmen fi Kristu, inti tista’ tkun taf li dan ġej minn Alla (ara Moroni 7:16).

  • Toqgħodx tinkwieta dwar dan. “Sempliċiment aqbżu fl-ilma u għumu,” qal il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Araw li tgħumu lejn dawk li huma fil-bżonn. Iżżommux lura biex toqogħdu taħsbuha jekk għandkomx taqdfu fuq daharkom jew inkella fuq sidirkom. Jekk aħna nimxu mal-prinċipji bażiċi li ġew mgħallmin, jekk nibqgħu allinjati mal-imfietaħ tas-saċerdozju, u nfittxu l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, aħna ma nistgħux infallu.”5

X’inhu l-aħjar mod biex nixmu wara suġġeriment tal-Ispirtu?

  • Immedjatament. Sister Susan Bednar (il-mara tal-Presbiteru David A. Bednar tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu) hija eżempju mill-aqwa ta’ kif wieħed għandu jimxi wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu. Wara li titlob “biex permezz tal-għajnejn spiritwali hija tkun tista’ tara min huma dawk li jinsabu fil-bżonn,” hija tagħti ħarsa lejn il-kongregazzjoni u ħafna drabi “tħoss fiha l-ispirtu jgħidilha biex iżżur jew iċċempel lil xi persuna partikolari,” qal il-Presbiteru Bednar. “U meta Sister Bednar tirċievi din l-ispirazzjoni, hija fil-pront taġixxi u tobdi. Spiss jiġri li hekk kif fil-benedizzjoni tingħad l-‘amen’, hija tmur tkellem lil xi żagħżugħ jew żagħżugħa jew tgħannaq magħha lil xi oħt, jew, kif tasal id-dar, immedjatament taqbad it-telefon u tagħmel telefonata.”6

  • B’kuraġġ. Biża’ li niġu mwarrbin u sentimenti ta’ mistħija, inadegwatezza, jew il-ħsieb li se nkunu ta’ inkonvenjenza għal ħaddieħor jafu jżommuna milli nimxu wara s-suġġeriment tal-Ispirtu li nimministraw. “F’ħinijiet varji u b’modi diversi, aħna lkoll inħossuna inadegwati, inċerti, u xi kultant mhux denji biżżejjed,” qal il-Presbiteru Gerrit W. Gong tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Madankollu fl-isforzi fidili tagħna li nħobbu lil Alla u li nimministraw lill-ġar tagħna, aħna nafu nħossu l-imħabba ta’ Alla u l-ispirazzjoni meħtieġa għal ħajtu u għal ħajjitna b’modi ġodda u aktar qaddisa.”7

    Wieħed minn ħuna qasam magħna kif huwa kien qed isibha diffiċli li jmur jgħin raġel ta’ mara li ppruvat tagħmel suwiċidju. Iżda finalment, huwa stieden lil żewġha għall-ikel. “Meta jiena għidtlu, ‘Martek ippruvat tagħmel suwiċidju. Nista’ nimmaġina minn xiex għaddej. Trid nitkellmu ftit dwar dan?’ huwa nfaqa’ jibki quddiemi,” huwa qal. “Aħna kellna konverżazzjoni mill-aktar tenera u intima u fi ftit minuti żviluppat bejnietna ċerta ħbiberija u fiduċja meraviljuża.”8

Noti

  1. Bonnie H. Cordon, “Insiru Rgħajja,” Konferenza Ġenerali, Ott. 2018.

  2. Dizzjunarju tal-Bibbja, “Prayer.”

  3. Bonnie H. Cordon, “Insiru Rgħajja,” 76.

  4. Dallin H. Oaks, “In His Own Time, in His Own Way,” Liahona, Aww. 2013, 24.

  5. Jeffrey R. Holland, “Il-Ministeru tar-Rikonċiljazzjoni,” Konferenza Ġenerali, Ott. 2018.

  6. David A. Bednar, “Quick to Observe,” Liahona, Diċ. 2006, 17.

  7. Gerrit W. Gong, “Il-Ħuġġieġa ta’ Fidi Tagħna,” Konferenza Ġenerali, Ott. 2018.

  8. Ara Bonnie H. Cordon, “Insiru Rgħajja”.

Ipprintja