2020
Nimministraw permezz tal-Istorja tal-Familja
Frar 2020


Prinċipji tal-Ministeru, Frar 2020

Nimministraw permezz tal-Istorja tal-Familja

Immaġni
ministering

Stampi minn Joshua Dennis; immaġni u ritratt tal-isfond minn Getty Images

Li ngħinu lil xi ħadd bl-istorja tal-familja tiegħu hi mod mill-aktar effettiv kif nimministraw. Hekk kif intom tikkonnettjaw lil ħaddieħor mal-antenati tagħhom permezz ta’ stejjer u dettalji tal-familja, intom tispiċċaw timlew ċertu vojt f’qalbhom li xi kultant lanqas biss kienu jafu li kellhom (ara Malakija 4:5–6).

Kemm jekk ilhom ħajjithom kollha membri tal-Knisja jew jekk huma nies li qatt ma semgħu bl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, kull wieħed u waħda minn ulied Alla għandhom fihom xewqa li jkunu jafu dwar minfejn ġew.

Ħafna drabi ma ddumux wisq ma tħallu impressjoni profonda u dejjiema, kif se naraw fl-istejjer li ġejjin.

Sibt Familja f’Għoli ta’ 30,000 Pied

M’ilux waqt titjira lura d-dar, jiena sibt ruħi bilqiegħda ħdejn Steve, li qasam miegħi partijiet mill-istorja personali tiegħu. Huwa ggradwa mill-iskola sekondarja, daħal fl-Armata tal-Istati Uniti bħala speċjalista tal-komunikazzjoni meta huwa kellu 18-il sena, u mill-ewwel beda jaħdem fil-White House, fejn ipprovda sapport fil-komunikazzjoni lill-President tal-Istati Uniti. Minn 18 sa 26 sena, huwa serva żewġ Presidenti Amerikani. L-istejjer tiegħu kienu mill-aktar affaxxinanti!

“Steve,” għedtlu jien, “jeħtieġ li inti tikteb dawn l-istejjer għall-posterità tiegħek! Jeħtieġ li huma jisimgħu dawn l-istejjer direttament mill-perspettiva tiegħek stess.” Huwa qabel.

Imbagħad l-Ispirtu ħeġġiġni biex nistaqsih x’kien jaf dwar l-antenati tiegħu. Steve kien jaf ħafna dwar in-naħa ta’ ommu, inkluż storja dwar kif il-familja tiegħu darba kienu spiċċaw jieklu pranzu ma’ Abraham Lincoln meta hu kien għaddej bil-kampanja tiegħu fl-inħawi rurali tal-pajjiż waqt l-elezzjoni presidenzjali Amerikana tal-1860.

Madankollu, hu ftit li xejn kien jaf fuq in-naħa ta’ missieru. Huwa verament ried ikun jaf aktar. Jiena ħriġt il-mowbajl tiegħi u ftaħt l-app FamilySearch. “Steve, nistgħu nsibu l-familja tiegħek issa stess!”

Jiena kkonnettjajt mal-Wi-Fi tal-ajruplan. Jien serraħt il-mowbajl fuq l-ixkaffa ta’ quddiemi ħalli nkunu nistgħu naraw it-tnejn li aħna. Aħna fittixna FamilyTree. Fi ftit minuti t-tnejn li aħna konna ninsabu nħarsu ċċassati lejn iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-bużnanniet tiegħu.

“Dawk huma!” qalli hu. “Issa qed niftakar il-kunjom tagħha!”

It-tnejn li aħna ġejna maħkumin minn spirtu ta’ eċċitament. Għal 45 minuta sħaħ bdejna naħdmu biex nibnu profili għal antenati oħra tiegħu li kien anqas familjari magħhom. Huwa talabni biex inwiegħdu li aħna konna se nkomplu nfittxu flimkien ġo Colorado. Hekk kif l-ajruplan kien qed jagħmel l-inżul tiegħu, aħna għaddejna l-kuntatt tagħna lil xulxin.

Aħna konna ninsabu hemm, intiru 30,000 pied fis-sema, b’apparat żgħir daqs il-pala ta’ jdejja, infittxu raġel u mara li kienu żżewġu 100 sena ilu, li la kienu familjari miegħu u lanqas mal-familja tiegħu. Inkredibbli! Iżda sibnihom. Il-familji ġew illinkjati flimkien. L-istejjer ġew imfakkra. Aħna ħassejna fina sentimenti ta’ gratitudni għat-teknoloġija u l-għodda disponibbli. Dan ma kien xejn ħlief miraklu.

Jonathan Petty, Colorado, Stati Uniti tal-Amerika

Imdawra b’Familja Ġdida

Marija kienet ilha anqas attiva għal aktar minn 20 sena. Ftit tax-xhur ilu, aħna qattajna ftit sigħat magħha fid-dar tagħha, nesploraw il-familja tagħha permezz ta’ ċensiment u reġistri oħra. F’mument minnhom hija nfaqgħet tibki u qalet, “F’sagħtejn tgħallimt dwar il-familja tiegħi aktar milli kont naf tul ħajti kollha!”

Meta l-ħin tagħna flimkien kien riesaq fi tmiemu, aħna introduċejniha mal-inizjattiva Relatives Around Me (Qraba Madwari) li hemm fuq l-app FamilyTree. Sibna li kemm jien kif ukoll żewġi konna niġu mill-bogħod minn Maria. Hija reġgħet infaqgħet tibki, fejn qalet li kienet taħseb li kienet waħedha. Hija qatt ma kienet taf li f’dawk l-inħawi kien hemm min jiġi minnha. Ftit ġimgħat wara Maria ltaqgħet mal-isqof tagħna. Issa qed taħdem biex titħejja għat-tempju, u hi ltaqgħet ma’ bosta kuġini “ġodda” fil-qasam tagħna!

Carol Riner Everett, North Carolina, Stati Uniti tal-Amerika

Riċetta għall-Ministeru

Jien u Ashley, oħt li jiena nimministralha, it-tnejn li aħna għandna kotba tar-riċetti li kienu tan-nanniet tagħna. Il-ktieb tagħha kien tal-bużnanna tagħha, u tiegħi huwa ktieb li jiena ġbart flimkien meta writt il-kaxxa tar-riċetti tan-Nanna Greenwood wara li hija ħallietna.

Jien u Ashley għażilna riċetta mill-kotba tar-riċetti tagħna, u lejla waħda ltqajna flimkien wara x-xogħol biex nippruvawhom. Hija għażlet riċetta ta’ deżerta, għalhekk l-ewwel għamilna lilha u poġġejniha fil-forn. Jiena għażilt zalza li fiha tbill il-krisps—ikel popolari f’kull riċeviment tal-familja Greenwood. Alice, it-tifla ta’ Ashley bdiet tgħinna dduq l-ikel biex tittestjah. Imbagħad, peress li Ashley ma reditx li wliedha jieklu d-deżerta kollha, hija ħadet ftit minnha lill-aħwa li lilhom kienet timministra.

L-aktar ħaġa li għoġbitni dwar il-lejla tar-riċetti tagħna hi li hekk kif aħna konna qed insajru u naħmu, aħna bdejna nitkellmu dwar is-suġġetti kollha regolari tal-ministeru—it-taqbid li t-tnejn li aħna konna għaddejjin minnu. Iżda aħna tkellimna wkoll dwar in-nanniet tagħna u dwar ommijietna, li kienet ħaġa mill-aktar sentimentali għalina t-tnejn.

Jenifer Greenwood, Utah, Stati Uniti tal-Amerika

Modi Speċifiċi biex Ngħinu

L-istorja tal-familja tista’ tiftaħ il-bibien għal opportunitajiet tal-ministeru meta kull ħaġa oħra jaf ma jirnexxilhiex tagħmel dan. Dawn huma ftit ideat li tistgħu tippruvaw.

  • Għinuhom jirrekordjaw u japplowdjaw rikordings ta’ awdjo bi stejjer tal-istorja tal-familja, speċjalment stejjer relatati mar-ritratti.

  • Oħolqu ċart jew xi dokument stampat ieħor bl-istorja tal-familja li intom tistgħu tagħtu bħala rigal.

  • Għallmu modi kif huma jistgħu jiġbru l-istorja tagħhom stess billi jżommu djarju b’mod li jieħdu gost jagħmlu dan. Djarju permezz ta’ awdjo? Djarju bir-ritrati? Video logs? Hemm ħafna għażliet għal dawk li ma jippreferux tip formali ta’ djarju.

  • Morru t-tempju flimkien biex tagħmlu l-ordinanzi għall-antenati. Jew offru li tagħmlu ordinanzi għall-ismijiet tal-familja tagħhom jekk huma jkollhom x’jagħmlu aktar milli jifilħu.

  • Iltaqgħu flimkien biex taqsmu ċerti tradizzjonijiet tal-familja.

  • Attendu flimkien klassi dwar l-istorja tal-familja.

Ipprintja