Prinċipji tal-Ministeru, Marzu 2020
MINISTERU PERMEZZ TAS-SERVIZZ TAT-TEMPJU
Meta aħna ngħinu lil ħaddieħor igawdi l-barkiet tat-tempju, aħna nkunu qed nimministraw.
L-isforz tagħna li nattendu t-tempju żgur li hu vallapena. Il-President Russell M. Nelson għallem li “it-tempju huwa kruċjali għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tagħna u tal-familji tagħna. …
“… Kull wieħed u waħda minna neħtieġu kontinwament il-qawwa u t-tagħlim spiritwali li huma possibbli biss fid-dar tal-Mulej.”1
Li nattendu t-tempju jeħtieġ minna li nimmaniġġjaw tajjeb il-ħin, ir-responsabbiltajiet, u r-riżorsi tagħna, kif ukoll li nkunu preparati spiritwalment. Aħna nkunu qed nimministraw meta nidentifikaw l-ostakli li jżommu lil ħutna milli jattendu t-tempju u meta ngħinuhom isibu s-soluzzjonijiet.
It-Tempju Hu Barka li Kulħadd Jista’ Jgawdi
Meg, li m’ilhiex li ġiet lura minn missjoni, kienet tinsab miexja lejn il-bibien tat-Tempju ta’ Kona, fil-Ħawaii, meta hija nnutat tfajla bilqiegħda barra waħedha fuq bank. Meg ħasset li kellha tmur tkellem lit-tfajla, iżda ma kenitx ċerta x’kellha tgħid. Għalhekk hija staqsietha dwar it-tifsira ta’ tpinġija li t-tfajla kellha fuq l-għaksa. Din tat bidu għal konverżazzjoni li wasslet biex it-tfajla, Lani, taqsam magħha l-istorja tagħha.
Lani tkellmet ma’ Meg dwar it-taqbida li hi kellha biex terġa’ lura tipparteċipa bis-sħiħ fil-Knisja, dwar il-membri twajbin li kienu qed jgħinuha, u dwar it-tama tagħha li xi darba tkun issiġillata ma’ bintha li kienet għadha tarbija.
Meg stiednet lil Lani biex tmur tpoġġi bilqiegħda ħdejha fil-waiting room tat-tempju. Huma għalissa ma setgħux jidħlu aktar ’il ġewwa fit-tempju, iżda setgħu jaqbżu l-għatba tal-bieb. Lani qablet li jagħmlu hekk, u flimkien għaddew mill-bieb prinċipali. Wieħed ħaddiem tat-tempju indikalhom bank li kien hemm taħt pittura tas-Salvatur.
Hekk kif poġġew bilqiegħda flimkien, Lani qalet b’leħen baxx, “Illum verament ridt niġi fit-tempju, iżda ħassejtni verament nervuża.” Minħabba li Meg semgħet mill-Ispirtu, hija għenet biex tiġi mwieġba t-talba siekta ta’ Lani.
Ideat biex Tgħinu lil Dawk mingħajr Rakkomandazzjoni
Anke dawk li għad m’għandhomx rakkomandazzjoni tat-tempju jistgħu jiġu mberkin permezz tat-tempju.
-
Aqsmu s-sentimenti tagħkom dwar kif il-Mulej berikkom permezz tal-ħidma tat-tempju.
-
Stiednu lil xi ħadd biex jattendi l-ftuħ għall-pubbliku jew iċ-ċentru għall-viżitaturi tat-tempju. Araw meta se jkun hemm xi ftuħ għall-pubbliku f’temples.ChurchofJesusChrist.org.
-
Araw flimkien xi ritratti u tgħallmu aktar dwar it-tempju f’temples.ChurchofJesusChrist.org.
Araw li Tagħmluha Aktar Faċli li Ħaddieħor Jattendi t-Tempju
Anke għal dawk il-membri b’rakkomandazzjoni tat-tempju, taf xorta tkun sfida għalihom li jattendu t-tempju. Xi wħud jaf għandhom bżonn jivvjaġġaw distanzi twal. Oħrajn jaf għandhom tfal żgħar jew membri tal-familja anzjani li jridu min jieħu ħsiebhom. Aħna nistgħu naħdmu flimkien biex is-servizz tat-tempju nagħmluh possibbli għal kulħadd.
Leola Chandler ħasset fuqha piż kbir, iddur b’żewġha li kien marid kif ukoll bl-erba’ wliedhom. Għalhekk hija ddeċidiet li tiddedika ħin kull nhar ta’ Tlieta biex tattendi tempju viċin fejn toqgħod. Dan sar għaliha sors ta’ paċi u qawwa f’ħajjitha.
Darba waħda hija semgħet li grupp żgħir ta’ nisa anzjani fil-qasam tagħha riedu verament jattendu t-tempju, iżda ma kellhomx biex imorru. Leola offriet li twassalhom hi. Għal 40 sena sħaħ minn dakinhar ’il quddiem, hi rari marret it-tempju weħidha.2
Leola ġiet imbierka, u hi bierket oħrajn meta hi offriet li teħodhom magħha t-tempju.
Ideat biex Tgħinu lil Ħaddieħor Jattendi t-Tempju
Kif tistgħu tgħinu lil ħaddieħor imur aktar ta’ spiss it-tempju? Tafu ssibu li l-istess ideat jgħinu lilkom ukoll.
-
Morru flimkien. Offru li tipprovdu jew tirranġaw it-trasport għal xi ħadd. Dan jaf jinkuraġġixxi lil xi ħadd ieħor biex jattendi t-tempju wkoll.
-
Itolbu lil xi membri tal-familja jew tal-qasam tagħkom biex jgħinukom twettqu l-ordinanzi għall-antenati tagħkom, speċjalment meta jkollkom bosta ismijiet tal-familja lesti għall-ordinanzi.
-
Offru li tieħdu ħsieb it-tfal iż-żgħar biex il-ġenituri jkunu jistgħu jattendu t-tempju. Jew irranġaw li darba kull wieħed tieħdu ħsieb it-tfal ta’ xulxin.
Meta t-Tempju Jinsab ’il Bogħod
Chandradas “Roshan” u Sheron Antony ta’ Colombo, Sri Lanka, iddeċidew li jiġu ssiġillati fit-tempju. Il-ħbieb tagħhom Ann u Anton Kumarasamy verament ħassew fihom ferħ kbir għalihom. Iżda huma kienu jafu li ma kienx faċli li jmorru fit-Tempju ta’ Manila, fil-Filippini, u kellhom bżonn ħafna flus.
Roshan u Sheron faddlu l-flus li setgħu u bbukkjaw it-titjira tagħhom minn bosta xhur qabel biex setgħu jixtru biljett li kienu jaffordjaw. Finalment, il-jum wasal. Madankollu, waqt li kienu qed jistennew biex jaqbdu ajruplan ieħor fil-Malasja, huma skoprew li biex jibqgħu sejrin bil-vjaġġ tagħhom għall-Filippini, kellhom bżonn jew viża jew inkella jivvjaġġaw fuq linja tal-ajru differenti. Ma kienx possibbli li tinħarġilhom viża, u ma kenux jaffordjaw jixtru biljetti fuq linja oħra tal-ajru. Iżda ma setgħux jimmaġinaw lilhom infushom lura d-dar mingħajr ma jkunu ġew issiġillati.
Inċerti dwar x’setgħu jagħmlu aktar, Roshan ċempel lil Anton. Anton u Ann riedu verament jgħinuhom. Huma kienu fost il-ftit koppji fi Sri Lanka li kienu ġew issiġillati fit-tempju, u kienu jafu x’barka kienet għalihom. Iżda huma kienu għadhom kif użaw il-flus li kienu faddlu biex jgħinu membru tal-familja fil-bżonn, u ma kellhomx biżżejjed flus biex jgħinu lil Roshan u lil Sheron jixtru biljetti għal titjira ġdida.
Sri Lanka għandhom id-drawwa li l-għarus jixtri lill-għarusa ġiżirana tad-deheb ħalli hija jkollha xi ftit flus f’każ li żewġha jmut. Ann iddeċidiet li tbiegħ il-ġiżirana tagħha biex tgħinhom jixtru l-biljetti mill-ġdid. Ir-rigal ġeneruż tagħha għamilha possibbli għal Roshan u Sheron li jattendu l-appuntament li kellhom fit-tempju ta’ Manila.
“Jiena naf x’inhu l-valur tas-siġill tat-tempju,” qalet Ann. “Kont naf li Sheron u Roshan kienu se jkunu ta’ qawwa kbira għall-fergħa. Ma ridthomx jitilfu din l-opportunità.”3
Ideat biex Tgħinu lil Dawk li Ma Jistgħux Iżuru t-Tempju
Jista’ jkun li intom tiġu msejħin timministraw lil dawk li ma jistgħux imorru t-tempju, jew jattendu ta’ spiss, minħabba d-distanza jew l-ispejjez. Iżda xorta waħda tistgħu ssibu modi kif tgħinuhom japprezzaw il-barkiet tat-tempju.
-
Għallmu u pparteċipaw flimkien fi klassi ta’ tħejjija għat-tempju jew tal-istorja tal-familja.
-
Agħtuhom ritratt ta’ tempju biex idendluh fid-dar tagħhom.
-
Jekk intom diġà mortu fit-tempju, aqsmu magħhom is-sentimenti tagħkom dwar l-esperjenza tagħkom u t-testimonjanza tagħkom dwar l-ordinanzi tat-tempju.
-
Għinuhom jitgħallmu aktar dwar il-patti li huma għamlu u kif iżommuhom. Ikkunsidraw li tużaw “Understanding Our Covenants with God: An Overview of Our Most Important Promises,” fil-ħarġa ta’ Lulju 2012 ta’ Liahona.
© 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, March 2020. Maltese. 16985 159