2020
Nimministraw permezz tal-Attivitajiet tal-Knisja
Lulju 2020


“Nimministraw permezz tal-Attivitajiet tal-Knisja,” Liahona, Lulju 2020

Immaġni
ministeru

Ritratt ta’ Bud Corkin juri ġuvintur jarmaw tinda; ritratt ta’ Sherie Price McFarland juri tifla tipprepara l-mejda qabel l-ikel; sfond minn Getty Images

Prinċipji tal-Ministeru, Lulju 2020

Nimministraw permezz tal-Attivitajiet tal-Knisja

Nota tal-editur: Dan l-artiklu nkiteb qabel il-pandemija tal-COVID-19. Xi wħud mis-suġġerimenti li ġejjin mhumiex applikabbli fi żmien ta’ distanza soċjali iżda se jsiru applikabbli ladarba jerġgħu jibdew il-laqgħat u l-attivitajiet tal-Knisja. Jekk ikun meħtieġ, adattaw dawn is-suġġerimenti skont il-linjigwida kurrenti tal-Knisja u tal-gvern.

Mod kif aħna nistgħu nimministraw lill-membri sħabna tal-qasam, u lill-ġirien u l-ħbieb tagħna hu permezz tal-attivitajiet tal-Knisja. Kemm jekk intom tippjanaw xi attività skont il-bżonnijiet jew l-interessi ta’ xi ħadd li lilu intom timministraw, jew anke jekk lilhom intom tistiednu biex jipparteċipaw f’attivitajiet jew f’opportunitajiet ta’ servizz għal ħaddieħor, l-attivitajiet fuq livell ta’ qasam, wited, jew saħansitra multiwited jistgħu jipprovdu modi sinifikanti u divertenti biex intom trawmu l-għaqda u ssaħħu lill-membri.

L-attivitajiet tal-Knisja jistgħu wkoll jiftħu bieb għal bosta opportunitajiet biex timministraw. Per eżempju, l-attivitajiet tal-Knisja jistgħu jipprovdu opportunitajiet biex intom tipparteċipaw f’proġetti ta’ servizz li jbierku lil ħaddieħor u jibnu relazzjonijiet pożittivi fil-komunità. L-attivitajiet tal-Knisja jistgħu wkoll ikunu opportunità biex intom tilħqu lil membri anqas attivi tal-Knisja u lil ħbieb ta’ twemmin ieħor jew ħbieb mingħajr affiljazzjoni reliġjuża.

Meta fl-attivitajiet tal-Knisja tinkludu bosta nies dan joħloq opportunità għall-Mulej biex ibierek u jsaħħaħ lill-oqsma u l-fergħat tagħna, lill-inħawi fejn ngħixu, u lill-komunitajiet tagħna.

Nibnu Relazzjonijiet Pożittivi

Kienet ġejja x-xitwa, u David Dickson ma kellux idea kif kien se jsaħħan id-dar tal-familja tiegħu.

David, martu, u ż-żewġ uliedu bniet kienu għadhom kemm marru joqogħdu fil-belt rurali ta’ Fredonia, Arizona, l-Istati Uniti tal-Amerika, pjanura għolja sew f’nofs deżert imdawra b’irdumijiet ħomor u maestużi, bi pjanti tal-salvja, u bil-perenni.

Id-dar li kienet kriet il-familja Dickson kienet tiddependi primarjament fuq stufa li tissaħħan permezz tal-injam jaqbad biex hija tisħon. David ma damx ma nduna li hu kellu bżonn jitgħallem jiġbor il-ħatab għaliex ix-xtiewi ġewwa Fredonia kienu kkaratterizzati mis-silġ u l-borra.

“Ħatab u lupa ma kellix u lanqas biss kont naf kif nużaha!” Jgħid David. “Ma kontx naf x’se nagħmel.”

Xi membri tal-qasam staqsew lil David jekk il-familja tiegħu kellhomx injam biżżejjed li jservihom sal-aħħar tax-xitwa. “Ma damux wisq ma ndunaw li ma kellniex,” jirrakonta David. “Il-kworum tal-presbiteri malajr offrew li jgħinuni niġbor l-injam. Bi gratitudni kbira, jien aċċettajt l-offerta tagħhom.”

David ma damx ma nduna li din il-ħarġa biex jinġabar l-injam kienet xi ħaġa tipika li ssir fost il-bosta attivitajiet tal-qasam ippjanati u organizzati mill-aktar tajjeb b’attendenza kbira. Darba waħda s-Sibt filgħodu, David, il-kworum tal-presbiteri, u membri oħra mill-qasam irħewlha lejn il-muntanji fi flotta sħiħa ta’ trakkijiet u trejlers.

“F’nofs ta’ nhar wieħed, grazzi għall-għodda u l-abbiltà tagħhom, il-membri tal-qasam ipprovdew lill-familja tiegħi munzell injam li serviena kważi żewġt ixtiewi,” qal David. “Aktar importanti minn hekk, jiena ġejt mgħallem dak kollu li kelli nkun naf dwar kif għandi niġbor l-injam waħdi. Sakemm wasalna biex inħallu Fredonia, jien sirt naf kif inħaddem lupa, u spiċċajt mort noffri l-għajnuna tiegħi f’għadd kbir ta’ attivitajiet tal-qasam li fihom ġbarna l-injam.”

Dawn it-tip ta’ attivitajiet tal-qasam mhux biss jibnu relazzjonijiet pożittivi fost il-membri tal-Knisja iżda wkoll jibnu relazzjonijiet pożittivi ma’ kull membru fil-komunità.

“Niftakar waħda mara, mhux membru tal-Knisja, li kienet għadha ġdida f’dawk l-inħawi,” qal David. “Hi spiċċat tqabbad injam li kien jagħmel parti mid-dar tagħha biex issaħħan id-dar. Hekk kif sirna nafu dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tagħha, aħna żgurajna li hi kellha biżżejjed ħatab biex iserviha x-xitwa kollha. Hija tant ħassitha grata li bilkemm setgħet titkellem.”

L-isforzi tal-ministeru ġewwa Fredonia żguraw li kulħadd ikun sigur fid-dar imsaħħna tiegħu tul ix-xitwa.

Nilħqu lil Ħaddieħor

Meta kienet qed isservi missjoni fir-Rumanija, Meg Yost u l-kollega tagħha kienu jżuru regolarment familja li kienu ilhom żmien ma jattendu l-knisja. “Il-familja Stanica kienu fost l-ewwel membri tal-Knisja ġewwa r-Rumanija,” qalet Meg, “u aħna konna nħobbuhom.”

Meta kien wasal iż-żmien biex tiġi ppjanata u organizzata attività tal-fergħa, il-mexxejja ddeċidew li l-fergħa tagħmel “Lejla Pijuniera.” Din kienet se tkun lejla li fiha niċċelebraw lill-pijunieri kuraġġużi li qasmu l-Istati Uniti biex waslu sal-Wied ta’ Salt Lake. Kienet se tkun opportunità wkoll biex nonoraw lill-pijunieri tal-Knisja fir-Rumanija.

“Aħna ħsibna li kien se jkun mod meraviljuż biex ċerti membri jaqsmu t-testimonjanza tagħhom dwar il-konverżjoni tagħhom u kif huma raw lill-Knisja tikber fir-Rumanija,” qalet Meg. “Aħna immedjatament rajna li għandna ninvolvu lill-familja Stanica. Aħna stediniehom biex jieħdu sehem, u huma ħassewhom entużjasti!”

Fil-lejla tal-attività, meta kien wasal il-ħin biex nibdew, il-familja Stanica kienu għadhom ma waslux.

“Aħna konna qed ninkwetaw li ma kenux ġejjin,” qalet Meg. “Iżda eżatt fil-ħin, rajniehom deħlin fostna. Il-membri tal-familja Stanica qasmu testimonjanza sabiħa dwar l-evanġelju u l-Knisja. Huma għaddew ħin ukoll jissoċjalizzaw ma’ membri oħra li kienu ilhom żmien ma jaraw.”

Il-membri tal-fergħa laqgħu lill-familja Stanica b’dirgħajhom miftuħa. Il-Ħadd ta’ wara, Meg kellha sorpriża mill-isbaħ meta rat lil Sister Stanica l-Knisja.

“Meta xhur wara mort inżur il-fergħa, hija kienet għadha tattendi!” Qalet Meg. “Jien naħseb li ċ-ċans li kellha li taqsam it-testimonjanza tagħha u tħossha involuta kif ukoll li saret taf li fil-fergħa kien hemm bżonnha verament għenha.”

4 Ideat kif Nimministraw permezz tal-Attivitajiet tal-Knisja

  • Ippjanaw attivitajiet li jilħqu ċerti bżonnijiet: L-attivitajiet huma mod meraviljuż kif nistgħu nilħqu ċerti bżonnijiet differenti. Huma jistgħu jiġu ppjanati biex jilħqu bżonnijiet speċifiċi ta’ xi individwu jew grupp. Huma għandhom jilħqu wkoll il-bżonnijiet ta’ dawk li jipparteċipaw, kemm jekk dak il-bżonn hu li huma jsiru jafu lil xulxin aħjar, li jitgħallmu aktar dwar l-evanġelju, jew li jħossu l-Ispirtu.

  • Stiednu lil kulħadd: Hekk kif tippjanaw l-attivitajiet, agħmlu sforz speċjali biex tistiednu lil dawk li jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom. Żommu f’moħħkom lill-membri ġodda, lill-membri anqas attivi, liż-żgħażagħ, l-adulti single, lin-nies b’diżabbiltà, u lil nies ta’ twemmin ieħor. Estendu l-istedina bl-aħjar intenzjoni possibbli f’moħħkom, u għidulhom kemm tixtiequ li huma jattendu.

  • Ħeġġeġ il-parteċipazzjoni: Dawk li intom tistiednu jħossuhom ferm aktar sodisfatti bl-attivitajiet jekk huma jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw. Mod kif tistgħu tħeġġu l-parteċipazzjoni hi billi taraw li l-individwi jużaw id-doni, l-abbiltajiet, u t-talenti tagħhom waqt l-attività.

  • Ilqgħu lil kulħadd: Jekk sħabkom jattendu xi attività, agħmlu minn kollox biex iħossuhom milqugħin. Bl-istess mod, jekk taraw xi nies li ma tafux, introduċu lilkom infuskom magħhom u lqgħuhom ukoll fostkom!

Ipprintja