“Nimministraw permezz tal-Awto-Dipendenza,” Liahona, Awwissu 2020
Prinċipji tal-Ministeru, Awwissu 2020
Nimministraw permezz tal-Awto-Dipendenza
Li ngħinu lil ħaddieħor isir aktar awto-dipendenti hu mod kif nistgħu nipprovdu u nimministraw bil-mod li jrid il-Mulej.
Ħafna mill-membri tal-familja, mill-ħbieb, u mill-ġirien tagħna huma interessati li jsiru aktar awto-dipendenti. Billi jagħmlu użu mill-inizjattiva tal-awto-dipendenza tal-Knisja, il-membri tal-Knisja qed isibu opportunitajiet biex iservu, jieħdu ħsieb, u jimministraw lil ħaddieħor hekk kif huma jberkuhom bi prinċipji li jġibulhom “aktar tama, paċi, u progress.”1
“Jiena Kont Ninsab id-Dar”
Minn Chrissy Kepler, Arizona, Stati Uniti tal-Amerika
Kont ninsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli wara li kont għadni kif iddivorzjajt, u kont qed nipprova nerġa’ nidħol fid-dinja tax-xogħol wara tmien snin id-dar, inrabbi lil uliedi. Kont ninsab ukoll f’taqbida spiritwali, fejn kont qed infittex il-verità u l-fidi, minkejja li kont ili ma nidħol ġo kappella minn meta kont għadni adoloxxenti.
Darba waħda f’jum il-Ħadd jiena kont qed naħsel il-ħwejjeġ fid-dar ta’ oħti l-kbira, Priscilla, li hi membru attiva tal-Knisja. Waqt li kont hemm, Priscilla stednitni biex nattendi l-knisja mal-familja tagħha—l-ewwel stedina li kelli f’aktar minn 15-il sena.
Għall-ewwel ħassejtni xi ftit skomda, iżda sewwasew fil-lejl ta’ qabel, jiena tlabt lil Alla b’ħerqa biex jurini kif stajt nersaq aktar viċin tiegħu. Wara li ħassejt fija ċerta inċertezza, ikkonkludejt, “Għalfejn bħala mara adulta ma mmurx nisma’ u nara b’għajnejja u nara xi nħoss f’qalbi?”
Waqt li konna ninsabu fil-laqgħa tas-sagrament, fil-programm tal-Ħadd jiena stajt ninnota li kien hemm riklam dwar kors ta’ awto-dipendenza dwar il-finanzi personali. Ma kontx għadni nħossni lesta li nerġa’ lura l-knisja, iżda ħassejtni interessata fil-kors ta’ 12-il ġimgħa. Bi ftit inkuraġġiment minn oħti u r-raġel tagħha, jiena inktibt fih, u stennejt li kont se nitgħallem biss kif nista’ nħaddem flusi u nħallas id-dejn. Il-klassijiet, madankollu, ittrasformawni spiritwalment.
Ħassejtni sorpriża bill-messaġġi spiritwali fl-ewwel ftit ġimgħat tal-lezzjonijiet, iżda waqt it-tielet lezzjoni, ħassejtni ninħakem minn sentiment ta’ konferma li jiena kont ninsab id-dar u li bdejt nisma’ veritajiet ġodda iżda familjari. Jiena ħriġt mill-klassi u soqt dritt għal għand Priscilla. Bid-dmugħ f’għajnejja, staqsejtha, “X’nista’ nagħmel biex f’ħajti nibda nħossni aktar hekk?” Hija ftiehmet mal-missjunarji biex jibdew jgħallmuni.
Il-membri tal-klassi tiegħi tal-awto-dipendenza attendew il-lezzjonijiet li kelli mal-missjunarji u ssapportjawni. Huma ħallew impatt dejjiem fuq l-ispiritwalità tiegħi u għenuni niżviluppa testimonjanza tal-evanġelju u tal-profeti ta’ żmienna.
Fiż-żmien li domt biex temmejt il-kors, jiena għamilt diversi tibdil temporali u spiritwali. Jiena bdejt karriera ġdida ma’ kumpanija tajba, u fdejt il-bosta dejn li kelli.
Iżda l-aktar barkiet profondi u ħelwin li ksibt mill-kors kienu jinkludu l-ħolqien ta’ ħbiberiji mill-isbaħ, l-iżvilupp ta’ relazzjoni pożittiva ma’ isqof mill-aktar inkuraġġanti, li ksibt testimonjanza tad-dieċmi, li rċevejt rakkomandazzjoni tat-tempju, li ġejt iddotata, u li rajt liż-żewġ uliedi l-kbar jitgħammdu.
It-triq tiegħi lejn l-awto-dipendenza għadha qed titfassal, iżda għall-kumplament tal-vjaġġ tiegħi, jiena se ngħożż il-lezzjonijiet li jiena tgħallimt u l-ħbiberiji li jien għamilt.
“Bdejt Noħroġ Minn Kull Lezzjoni Nħossni Maħbuba”
Meta f’Diċembru 2016 Katie Funk żaret il-Pjazza tat-Tempju ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake, Utah, flimkien ma’ binha Vincent, li għandu 10 snin, hija kkunsidrat lilha nnifisha bħala “komda li hi agnostika.” Hija telqet mill-Knisja meta kellha 16-il sena, saret omm single meta kellha 17, bdiet tagħmel it-tpinġija, u bdiet tixrob il-kafè. Iżda waqt li dak inhar kienet qed iżżur il-Pjazza tat-Tempju, Vincent ħass fih l-Ispirtu s-Santu u staqsa lil ommu jekk setax jibda jisma’ l-lezzjonijiet tal-missjunarji.
Minkejja t-80 siegħa fil-ġimgħa li kienet tqatta’ fiż-żewġ impjiegi tagħha, Katie bdiet tistudja l-evanġelju ma’ Vincent, fejn bdiet tfittex tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħu bejn il-laqgħat mal-missjunarji. Sakemm wasal is-sajf tal-2017, hija bdiet tattendi l-laqgħat tal-Knisja, fejn saret taf dwar il-korsijiet tal-Knisja dwar l-awto-dipendenza.
“Irrealizzajt li kienu affarjiet li setgħu jgħinuni,” hija qalet. “Forsi mhux se jkolli għalfejn naħdem żewġ impjiegi jew niddependi fuq il-ġenituri tiegħi għall-kumplament ta’ ħajti.”
Katie ddeskriviet il-kors tagħha li “inkredibbilment isaħħaħ b’mod temporali u spiritwali,” mhux biss minħabba dak li hija tgħallmet iżda wkoll minħabba l-mod kif il-grupp tagħha dwar l-awto-dipendenza aċċettaha u beda jimministralha.
© 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, August 2020. Language. 16723 159