2020
Nimministraw permezz ta’ Come, Follow Me
Settembru 2020


“Nimministraw permezz ta’ Come, Follow Me,” Liahona, Settembru 2020

Immaġni
ministeru

Prinċipji tal-Ministeru, Settembru 2020

Nimministraw permezz ta’ Come, Follow Me

Kif jista’ Come, Follow Me jgħinkom tagħmlu differenza fil-ħajja tal-oħrajn?

Kemm jekk intom qegħdin mal-familja tagħkom, fi klassi tal-Iskola tal-Ħadd bħala għalliema jew studenti, jew fl-iskola, fuq il-post tax-xogħol, jew x’imkien ieħor, l-istudju tal-iskrittura permezz ta’ Come, Follow Me joffrilkom diversi opportunitajiet biex timministraw lil ħaddieħor. It-tagħlim, wara kollox, “hu ferm aktar milli tmexxu diskussjoni nhar ta’ Ħadd; jinvolvi li timministraw b’imħabba u tbierku lil ħaddieħor bl-evanġelju.”1

Nikkonettjaw Ruħna mal-Istudenti

Meta Ofelia Trejo de Cárdenas ġiet imsejħa biex tgħallem lill-adulti żgħażagħ fil-qasam tagħha fil-Belt tal-Messiku, hi ħasset li, li jkollha relazzjoni mill-qrib mal-istudenti kollha tagħha tal-Iskola tal-Ħadd, kien se jkabbar l-abbiltà tagħha li tgħallimhom u ssaħħahom.

“Jekk jien ma jkollix relazzjoni mill-viċin mal-istudenti tiegħi u jekk ma jħossux imħabbti, huma jafu ma jemmnunix meta jiena ngħallem xi lezzjoni jew naqsam it-testimonjanza tiegħi,” qalet hi. “Jista’ jkun li huma jħossu li jien sempliċiment għalliema tal-Iskola tal-Ħadd.”

Iżda kif setgħet Sister Cárdenas tiżviluppa din it-tip ta’ relazzjoni jekk hija tgħallem biss darba kull ħmistax? Hija sabet it-tweġiba għal dan permezz tat-teknoloġija. Bl-użu tal-applikazzjoni fuq il-mowbajl WhatsApp, hi u l-istudenti tagħha malajr bdew jagħmlu kuntatt bejniethom kuljum permezz tal-messaġġi. Issa, kuljum qabel il-lezzjoni li jmiss tal-Iskola tal-Ħadd, xi ħadd voluntier qiegħed jibgħat lill-membri l-oħra tal-klassi vers mill-iskrittura mil-lezzjoni li jkun imiss flimkien ma’ ħsieb personali relatat magħha. Wara li jaqraw il-vers u l-ħsieb, il-membri tal-klassi jwieġbu lura bil-ħsibijiet tagħhom.

“Meta huma jaqraw l-iskrittura, huma jibagħtu lura wiċċ ferħan ħalli jien inkun naf li huma qraw jew studjaw l-iskrittura u li xtarrew dwarha,” qalet Sister Cárdenas. Meta jkun wasal il-ħin għal-lezzjoni li jmiss tal-Ħadd, l-istudenti jkunu preparati biex jipparteċipaw.

M’ilux din il-konnessjoni ta’ kuljum bierket membru żagħżugħ li l-ġenituri tiegħu ma kenux attivi fil-Knisja.

“Verament nieħu gost narah sejjer il-knisja għax naf li biex wasal s’hemm, huwa kellu jgħaddi minn diversi sfidi,” qalet Sister Cárdenas. “Jiena ċerta li l-iskrittura u l-ħsibijiet li kienu jibagħtu sħabu tal-klassi, u l-iskrittura u l-ħsibijiet li bagħat hu meta kien imissu hu, imlewh b’qawwa kbira.”

Sister Cárdenas qalet li l-ministeru permezz tal-iskrittura ma jiqafx mal-lezzjoni tagħha tal-Ħadd u l-konnessjoni skritturali ta’ kuljum tal-klassi tagħha.

“It-tħejjija tiegħi tinkludi li nitlob għall-istudenti tiegħi,” qalet. “Jien naħseb fihom mhux biss nhar ta’ Ħadd iżda wkoll f’kull jum tal-ġimgħa. Kollha kemm huma għandhom bżonnijiet speċifiċi u differenti. Ilkoll ulied Alla. Naħseb dwarhom meta nkun qed inħejji l-lezzjonijiet tiegħi.”

U meta hija tgħallem, hija tisma’—kemm lill-istudenti tagħha, kif ukoll lill-Ispirtu s-Santu.

“L-għalliem huwa l-Ispirtu,” li hija spiss tisma’ fil-leħen tal-istudenti tagħha. “Jeħtieġ li noqgħod attenta għaliex dak li huma jgħidu hu r-rivelazzjoni li l-Ispirtu qiegħed jagħtihom.”

Il-Klassi Tagħna Hi “Bħal Lejla d-Dar”

Carla Gutiérrez Ortega Córdoba tħossha mbierka li hi membru tal-klassi tal-Iskola tal-Ħadd ta’ Sister Cárdenas minħabba l-ambjent ta’ sosteniment u ministeru tagħha. Carla tattribwixxi dak l-ambjent għal diversi fatturi, li jinkludu:

  • Tħejjija: Li taqsmu skrittura u ħsibijiet jgħin lill-istudenti jħejju għal-lezzjoni li jmiss. “L-iskrittura ta’ kuljum issostnina u tespandi l-għarfien tagħna,” tispjega hi.

  • Parteċipazzjoni: “Aħna nitkellmu lkoll. Dan jagħtini ċ-ċans li nsir naf lil sħabi tal-klassi b’mod aktar profond, kemm bħala ħbieb kif ukoll bħala aħwa.”

  • Imħabba: “Sister Cárdenas tmexxina u tiggwidana. Il-klassi tagħna hi bħal lejla d-dar, magħmula minn diversi aħwa. Hija verament speċjali.”

  • L-Ispirtu s-Santu: “Fil-klassi aħna għandna spirtu mill-aktar ħelu u armonjuż peress li ninsabu f’armonija mal-Ispirtu.”

  • Testimonjanza: “Come, Follow Me għenni nkun lesta biex naqsam it-testimonjanza tiegħi. Jien għandi għarfien akbar tal-Ktieb ta’ Mormon u l-Bibbja. Dan jagħtini ċ-ċans naqsam ma’ ħaddieħor dak li qed nitgħallem flimkien ma’ sħabi fl-iskola u man-nies fuq il-post tax-xogħol.”

Nimministraw għall-Bżonnijiet Speċjali

Meta Greg u Nicky Christensen, minn Kentucky, l-Istati Uniti tal-Amerika, qraw dwar il-patt Abrahamiku fl-iskrittura flimkien mat-tliet uliedhom subien, huma sabuha diffiċli jispjegawlhom dan il-patt. Huma ddeċidew bħala familja li lkoll kemm huma kienu se jistudjaw il-patt Abrahamiku weħdihom u mbagħad jaqsmu bejniethom dak li jkunu tgħallmu.

“Aħna spiċċajna b’numru ta’ kummenti interessanti,” qal Greg. “It-tifel tagħna ta’ tmien snin tgħallem li qabel Abraham kien jismu Abram. Ismu inbidel għal Abraham għaliex huwa għamel wegħda mal-Mulej li kien sejjer jiċħad id-dnub u jgħix ħajja ġusta. Kont verament sorpriż li hu rnexxielu joħroġ b’xi ħaġa hekk.”

Huma lkoll tgħallmu xi ħaġa ġdida u kellhom diskussjoni tajba dwar x’inhu l-patt Abrahamiku u xi jfisser għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien illum.

“Aħna konna sempliċiment induru mal-kamra u lkoll kemm aħna naqraw versi mill-iskrittura waqt l-istudju tal-iskrittura tagħna bħala familja,” qalet Nicky. “Come, Follow Me huwa mmirat aktar lejn li aħna ngħallmu permezz tal-Ispirtu. Issa meta aħna nistudjaw flimkien, inħoss fija t-tqanqil tal-Ispirtu sabiex nadattaw id-diskussjonijiet tagħna b’tali mod li jkunu bbażati skont il-bżonnijiet tal-familja tagħna.”

L-użu ta’ Come, Follow Me mhux biss għen biex il-familja tagħhom tkun aktar ingaġġata u interessata fl-istudju tal-evanġelju tal-familja, iżda għen ukoll lil Greg u lil Nicky jimministraw għall-bżonnijiet spiritwali ta’ wliedhom.

Come, Follow Me jgħinni ngħallem lil uliedi,” tgħid Nicky. “Jgħinni nimmaniġġja wkoll diversi sfidi li xi kultant niffaċċja flimkien ma’ wliedi. Inħossni aktar f’armonija mal-Ispirtu, nisimgħu aktar mill-viċin, u rċevejt għadd ta’ suġġerimenti dwar kif nista’ ngħin lil kull tifel.”

Greg jieħu gost bid-diskussjonijiet aktar twal tal-evanġelju li Come, Follow Me jgħin biex jiġu iġġenerati fil-familja. “Uliedna huma kollha differenti fil-livell ta’ għarfien tagħhom tal-evanġelju,” huwa qal. “Come, Follow Me ipprovda mod għalina biex jgħin lil kull wieħed minnhom jitgħallem skont il-bżonnijiet tiegħu. Li narawhom jikbru fl-imħabba tagħhom għall-evanġelju kif ukoll narawhom jippruvaw jaraw kif jistgħu japplikaw l-għarfien tal-evanġelju f’ħajjithom kien għalina barka mill-aktar meraviljuża.”

Nota

  1. Come, Follow Me—for Sunday School: Book of Mormon 2020 (2019), 19.

Ipprintja