“Nimministraw permezz tal-Programm Tfal u Żgħażagħ,” Liahona, Ottubru 2020
Prinċipji tal-Ministeru, Ottubru 2020
Nimministraw permezz tal-Programm Tfal u Żgħażagħ
Li nistiednu lil ħaddieħor biex jikber u li nibqgħu ngħinuh tul il-vjaġġ tiegħu hi l-essenza vera tal-ministeru.
Jeżistu bosta opportunitajiet kif aħna nistgħu nimministraw permezz tal-Programm Tfal u Żgħażagħ. Jista’ jkun li intom stess għandkom tfal jew żgħażagħ ġewwa darkom. Jista’ jkun li inti mexxej fil-programm jew wieħed li timministra lil familji bi tfal u żgħażagħ. Jew forsi inzertajt li taf lil xi tfal u żgħażagħ (xi ħaġa li tapplika kważi għalina lkoll). Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, hemm diversi modi kif tista’ tuża l-programm jew il-prinċipji tiegħu biex tbierek lill-ħajja ta’ ħaddieħor.
Niżviluppaw Lilna Nfusna Flimkien
Fil-qalba tal-programm Tfal u Żgħażagħ hemm l-idea li kuljum nippruvaw insiru nixbhu aktar lis-Salvatur, li mministra b’mod perfett. Ħafna minn dawk li ħadu sehem fil-programm tgħallmu li, aktar ma inti tavvanza f’diversi oqsma ta’ ħajtek, aktar tkun preparat biex tgħin u timministra lil ħaddieħor.
Iżda bil-programm Tfal u Żgħażagħ, li tbierek lil ħaddieħor m’hemmx għalfejn toqgħod tistenna sakemm titgħallem xi ħaġa. L-att tat-tagħlim innifsu jipprovdi opportunitajiet biex timministra.
Għal wieħed żagħżugħ jismu Prophet li jgħix ġewwa l-Gana, li jfassal l-għan li hemm fit-Tfal u Żgħażagħ li jitgħallem idoqq il-pjanu kien biss il-bidu. “L-għan tiegħi hu li ngħin ukoll lil ħaddieħor isir jaf dak li qed nitgħallem jien,” qal Prophet.
Minkejja li hu għadu mhuwiex għalliem, l-għan tiegħu diġà żviluppa f’xi ħaġa ferm akbar milli qatt immaġina. Flimkien ma’ Prophet issa hemm 50 student ieħor jattendu l-lezzjonijiet tal-pjanu fid-dar tal-laqgħat. U min qed jgħallem lil Prophet u lil dawk il-50 student ieħor? Alexander M. u Kelvin M., li t-tnejn għandhom 13-il sena. “Nixtiequ nuru għemejjel twajba ma’ ħaddieħor,” qal Kevin.
Tliet darbiet fil-ġimgħa ż-żewġ żgħażagħ jgħallmu l-lezzjonijiet tal-pjanu b’xejn lil dawk li jmorru biex jitgħallmu. Kien hemm benefiċċju ieħor għal-lezzjonijiet tal-pjanu. Bosta mill-istudenti li ġew f’kuntatt mal-Knisja permezz tal-lezzjonijiet tal-pjanu aktar tard studjaw l-evanġelju u ddeċidew li jitgħammdu.
Hekk kif nagħmlu sforz li ntejbu lilna nfusna, aħna nistgħu nimministraw lil ħaddieħor billi nistednuhom biex jingħaqdu magħna.
Riċetta Rebbieħa għall-Ministeru
Bħala presidenza tal-Primarja tal-wited, Sabrina Simões Deus Augusto minn Curitiba, il-Brażil, rat b’għajnejha stess kif l-aspett tal-iżvilupp personali tal-programm bierek lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-wited tagħha. Iżda hi rat ukoll ħafna modi kif setgħet tuża dak li tgħallmet dwar l-iżvilupp personali fil-ħidma tagħha bħala oħt li timministra.
“Meta jien niżviluppa xi talent,” qalet Sister Augusto, “jien nista’ nuża dak it-talent biex inbierek lil xi persuna li nkun qed nimministralha.”
Sister Augusto għallmet lil waħda mill-aħwa li kienet assenjata lilha kif tagħmel it-tartuf taċ-ċikkulata. Dik l-oħt issa tagħmel u tbigħ it-tartuf biex taqla’ xi ħaġa żejda għall-familja. “Xhur wara, jiena ġejt imbierka meta oħt oħra għallmitni nagħmel il-ħobż tal-għasel biex inkun nista’ nbigħu,” qalet Sister Augusto. “Li niżviluppaw u naqsmu t-talenti tagħna jista’ jbierek il-ħajja tagħna lkoll u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħna bħala aħwa li nimministraw.”
© 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, October 2020. Language. 16725 159