Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Artikli tal-Fidi


L-Artikli tal-Fidi
tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem

1 Aħna nemmnu f’ Alla, il-Missier Etern, u f’ Ibnu, Ġesù Kristu, u fl-Ispirtu s-Santu.

2 Aħna nemmnu li l-bnedmin se jiġu kkastigati għal dnubiethom, u mhux għat-trasgressjoni ta’ Adam.

3 Aħna nemmnu li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, il-bnedmin kollha jistgħu jiġu salvati, jekk huma jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.

4 Aħna nemmnu li l-ewwel prinċipji u ordinanzi tal-Evanġelju huma: l-ewwel, Fidi fil-Mulej Ġesù Kristu; it-tieni, l-Indiema; it-tielet, Magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet; ir-raba’, it-Tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu.

5 Aħna nemmnu li l-bniedem għandu jiġi msejjaħ minn Alla, permezz tal-profezija, u permezz tat-tqegħid tal-idejn minn dawk li għandhom l-awtorità, sabiex huwa jippriedka l-Evanġelju u jamministra fl-ordinanzi tiegħu.

6 Aħna nemmnu fl-istess organizzazzjoni li kienet teżisti fil-Knisja Primittiva, jiġifieri, appostli, profeti, ragħajja, għalliema, evanġelisti, etċ.

7 Aħna nemmnu fid-don tal-ilsna, tal-profezija, tar-rivelazzjoni, tal-viżjonijiet, tal-fejqan, tal-interpretazzjoni tal-ilsna, etċ.

8 Aħna nemmnu li l-Bibbja hija l-kelma ta’ Alla sakemm hija tradotta b’ mod korrett; nemmnu wkoll li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla.

9 Aħna nemmnu dak kollu li żvela Alla, dak kollu li qed jiżvela bħalissa, u nemmnu li għad irid jiżvela bosta ħwejjeġ kbar u importanti li jappartienu għas-Saltna ta’ Alla.

10 Aħna nemmnu fil-ġabra reali ta’ Iżrael u fir-restawrazzjoni tal-Għaxar Tribujiet; li Sijon (Ġerusalem il-Ġdida) se tinbena fuq il-kontinent Amerikan; li Kristu se jsaltan personalment fuq wiċċ id-dinja; u li d-dinja se tiġġedded u se tirċievi l-glorja ċelestjali tagħha.

11 Aħna nistennew li jkollna d-dritt li naduraw lil Alla s-Setgħan skond kif tgħidilna l-kuxjenza tagħna, u l-bnedmin kollha nagħtuhom id-dritt li jkollhom l-istess privileġġ, li nħalluhom iqimu kif, fejn, u lil min iridu huma.

12 Aħna nemmnu li għandna nkunu suġġett għas-slaten, presidenti, mexxejja u maġistrati, billi nobdu, nonoraw u nsostnu l-liġi.

13 Aħna nemmnu li għandna nkunu onesti, leali, kasti, benevolenti, virtużi u li nagħmlu t-tajjeb lill-bnedmin kollha; fil-fatt, nistgħu ngħidu li aħna nimxu wara l-kunsill ta’ Pawlu—Aħna nemmnu kollox, aħna nittamaw kollox, aħna b’ sabar issaportejna ħafna ħwejjeġ, u nittamaw li nkunu kapaċi nkomplu nissaportu kollox. Jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, ta’ riputazzjoni tajba jew li jixirqilha t-tifħir, aħna nfittxuha.

Joseph Smith.