Il-Familja
Proklamazzjoni lid-Dinja
L-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tat-Tnax-il Appostlu tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem
Aħna, l-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tat-Tnax-il Appostlu tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, niddikjaraw solennement li ż-żwieġ bejn raġel u mara huwa ordnat minn Alla u li l-familja hija ċentrali fil-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ wliedu.
Il-bnedmin kollha—irġiel u nisa—huma maħluqa fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huma iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-sema, u għalhekk, kollha għandhom natura divina u destin divin. Is-sess tagħna huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan individwali primortali, mortali u etern tagħna.
Fid-dinja primortali, l-ulied spirti kienu jafu u jqimu lil Alla bħala l-Missier Etern tagħhom u aċċettaw il-pjan Tiegħu, li permezz tiegħu wliedu setgħu jiksbu ġisem fiżiku u jiksbu esperjenza fid-dinja biex jimxu ’l quddiem lejn il-perfezzjoni u fl-aħħarnett jirrealizzaw id-destin divin tagħhom bħala eredi tal-ħajja eterna. Il-pjan divin tal-ferħ jippermetti li r-relazzjonijiet fil-familja jibqgħu jeżistu lil hinn mill-qabar. L-ordinanzi u l-patti sagri tat-tempji mqaddsa jagħmluha possibbli li l-individwi jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u li l-familji jibqgħu magħqudin għall-eternità.
L-ewwel kmandament li Alla ta lil Adam u Eva kien marbut mal-potenzjal tagħhom li jkunu ġenituri bħala raġel u mara miżżewġin. Aħna niddikjaraw li l-kmandament ta’ Alla lil uliedu sabiex jitkattru u jimlew id-dinja għadu jgħodd. Niddikjaraw ukoll li Alla kkmanda li l-qawwiet sagri tal-prokreazzjoni għandhom jintużaw biss bejn raġel u mara, miżżewġin bil-liġi.
Niddikjaraw li l-mod li bih tinħoloq il-ħajja mortali huwa ġej minn Alla. Naffermaw il-qdusija tal-ħajja u l-importanza tagħha fil-pjan etern ta’ Alla.
Raġel u mara miżżewġin għandhom ir-responsabbiltà solenni li jħobbu u jgħożżu lil xulxin u lil uliedhom. “L-ulied huma wirt il-Mulej”(Salm 127:3). Il-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil uliedhom fl-imħabba u fis-sewwa, li jipprovdulhom għall-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom, li jgħallmuhom iħobbu u jaqdu lil xulxin, li josservaw il-kmandamenti ta’ Alla u li jkunu ċittadini li jobdu l-liġijiet kull fejn jgħixu. L-irġiel u n-nisa miżżewġin—ommijiet u missirijiet—jinżammu responsabbli quddiem Alla li jwettqu dawn l-obbligi.
Il-familja hija ordnata minn Alla. Iż-żwieġ bejn raġel u mara huwa essenzjali għall-pjan etern Tiegħu. It-tfal huma intitolati li jitwieldu fir-rabta taż-żwieġ, u li jitrabbew minn missier u omm li jonoraw il-wegħdiet taż-żwieġ b’fedeltà sħiħa. Il-kuntentizza fil-ħajja fil-familja tista’ tinkiseb l-aktar meta tkun ibbażata fuq it-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu. Iż-żwiġijiet u l-familji li jirnexxu huma stabbiliti u miżmuma fuq il-prinċipji tal-fidi, it-talb, l-indiema, ir-rispett, l-imħabba, il-kompassjoni, ix-xogħol, u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni xierqa. Fil-pjan divin, il-missirijiet għandhom jippresiedu fuq il-familji tagħhom bl-imħabba u s-sewwa, u huma responsabbli li jipprovdu l-bżonnijiet tal-ħajja u l-protezzjoni għall-familji tagħhom. L-ommijiet huma responsabbli l-ewwelnett mit-trobbija ta’ wliedhom. F’dawn ir-responsabbiltajiet sagri, il-missierijiet u l-ommijiet għandhom l-obbligu li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs. Diżabilitajiet, imwiet, jew ċirkostanzi oħra jistgħu jwasslu għall-ħtieġa li l-individwi jaddattaw irwieħhom skond is-sitwazzjoni. Il-familji estiżi għandhom jipprovdu l-appoġġ tagħhom meta jkun meħtieġ.
Inwissu lil dawk l-individwi li jiksru l-patti tal-kastità, li jabbużaw mis-sieħeb, mis-sieħba jew mill-ulied, jew li jonqsu milli jwettqu r-responsabbiltajiet fil-familja tagħhom, li xi darba jridu jagħtu kont ta’ għemilhom quddiem Alla. Aktar minn hekk, inwissu li d-diżintegrazzjoni tal-familja għad iġġib id-diżastri fuq l-individwi, fuq il-komunitajiet, u fuq in-nazzjonijiet, li wissewna dwarhom il-profeti kemm dawk tal-qedem kif ukoll dawk moderni.
Insejħu liċ-ċittadini responsabbli u lill-uffiċjali tal-gvern kullimkien sabiex jippromwovu dawk il-miżuri maħsuba sabiex isostnu u jsaħħu l-familja bħala l-istruttura fundamentali tas-soċjetà.