2021
Insibu Fina l-Qawwa li Naħfru
Ġunju 2021


“Insibu Fina l-Qawwa li Naħfru,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Ġunju 2021, 10–11.

Ejjew, Imxu Warajja

Insibu Fina l-Qawwa li Naħfru

Il-Mulej talabna biex naħfru lil ħaddieħor. Hu jgħinna nħarsu l-kmandamenti tiegħu, fosthom dan.

Doctrine and Covenants 64:10

Immaġni
mara tħares lejn persuna li qed tagħtiha idha

Illustrazzjonijiet minn James Madsen

Hemm xi kmandamenti li jidhru diffiċli aktar minn oħrajn li nżommuhom?

Dan hu wieħed li jintimida ħafna nies: “Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd” (Doctrine and Covenants 64:10).

Żommu ftit. Jiġifieri jeħtieġ li naħfru lil dawk kollha li inġurjawna? Huwa fil-verità possibbli dan?

Tifhem li possibbli taħfer lil xi ħadd li qallek xi ħaġa li ma kellux jgħidlek jew li kiellek l-aħħar bukkun li kien hemm fuq il-mejda tal-ikel. Iżda xi ngħidu għal min weġġgħak verament? Dawk l-offiżi serji li jistgħu jfixklulna jew saħansitra jibdlulna ħajjitna?

Xi kultant l-abbiltà li naħfru lil xi ħadd li weġġagħna b’mod terribbli taf tidher xi ħaġa li m’aħniex kapaċi nagħmlu.

Isimgħu l-aħbar it-tajba: Bl-għajnuna ta’ Ġesù Kristu, m’hemmx limitu x’nistgħu nagħmlu weħidna.

L-Għajnuna li Kellha Bżonn

Corrie ten Boom, mara Kristjana devota mill-Olanda, tgħallmet minn esperjenza dwar il-qawwa li titlob lil Alla biex jgħinha taħfer lil xi ħadd.

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, hi u oħtha Betsy kienu inkarċerati f’kamp ta’ konċentrament. Corrie u oħrajn esperjenzaw abbuż mill-aktar orribbli mill-gwardjani tal-ħabs Nażisti. Oħtha Betsy saħansitra mietet riżultat ta’ dak l-abbuż. Corrie baqgħet ħajja.

Wara l-gwerra, Corrie skopriet il-qawwa tal-fejqan li jesperjenza min jaħfer lil ħaddieħor. Hija spiss qasmet mal-oħrajn il-messaġġ tagħha. Madankollu darba waħda kellha tagħti prova ta’ kliemha.

Wara diskors pubbliku li għamlet, mar fuq Carrie wieħed mill-aktar gwardjani krudili li kien hemm fil-kampijiet.

Huwa qal lil Carrie li minn wara l-gwerra hu kien sar Kristjan u kien nidem mill-affarijiet terribbli li kien wettaq bħala gwardjan tal-ħabs.

Hu ħareġ idu u qalilha, “Tista’ taħfirli?”

Minkejja dak kollu li kienet tgħallmet u qasmet ma’ ħaddieħor dwar kemm għandna naħfru lil ħaddieħor, Corrie ma setgħetx taċċetta li tieħu b’id dan ir-raġel partikolari u taħfirlu—għallinqas mhux mingħajr għajnuna.

Aktar tard hi kitbet, “Anke waqt li ħassejtni ninħakem minn ħsibijiet ta’ rabja u vendikattiv, jien stajt nara d-dnub tagħhom. … Mulej Ġesù, jiena tlabt, aħfirli u għinni naħfirlu.

“Ippruvajt nitbissem, [u] tħabatt biex nerfa’ idi. Ma stajtx. Ma ħassejt xejn ġewwa fija, lanqas farka kompassjoni jew karità. U għalhekk erġajt tennejt għal darb’oħra talba f’qalbi. Ġesù, ma nistax naħfirlu. Agħtini l-maħfra tiegħek.

“Hekk kif qbadt idu, seħħet l-aktar ħaġa inkredibbli. Ħassejt bħal kurrent għaddej minn spallti għal driegħi sa idi li baqa’ ħiereġ minn ġewwa fija u daħal fih, filwaqt li f’qalbi feġġet imħabba għal dan l-istranġier li kważi ħakmitni kompletament.

“U għalhekk skoprejt li l-fejqan tad-dinja ma jiddependix biss fuq il-maħfra u t-tjubija tagħna, iżda fuq kollox fuq il-Mulej. Meta Huwa jgħidilna sabiex inħobbu lill-għadu tagħna, Hu jagħtina, flimkien mal-kmand tiegħu, l-imħabba innifisha.”1

Alla jinsab hemm biex jgħinkom tħarsu l-kmandamenti tiegħu, inkluż il-kmandament li taħfru—anke meta jkun diffiċli tagħmlu dan. Hu jista’ jgħinkom kif għen lil Corrie ten Boom.

Il-Fejqan li Jistħoqqilkom

Il-ħajja hija delikata mhux ħażin. Mhijiex faċli. U hi assolutament mimlija nies bil-volontà li tahom Alla.

F’dawk il-mumenti meta xi ħadd jagħmel xi għażla li tista’ tikkawżalkom uġigħ mill-aktar serju—anke jekk dan isir b’mod aċċidentali—intom tistgħu tirċievu l-qawwa tal-fejqan hekk kif titolbu għall-għajnuna u tagħmlu li tistgħu biex taħfru.

Li taħfru lil ħaddieħor jwasslilkom il-fejqan f’ruħkom. Bl-għajnuna ta’ Alla, hekk kif taħfru lil xi ħadd li weġġagħkom, intom tkunu qed tinħelsu minn piż terribbli li kellkom fuq spallejkom li seta’ kien qed jitfagħkom lura. Anke meta t-triq għall-fejqan vera taf tidher waħda diffiċli, flimkien ma’ Alla, m’għandkom qatt għalfejn timxuha weħdikom.

Ipprintja