2021
Is-Saċerdozju ta’ Alla
Awwissu 2021


“Is-Saċerdozju ta’ Alla,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Aww. 2021, 20-21.

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Awwissu 2021

Is- Saċerdozju ta’ Alla

Doctrine and Covenants 84

Dak kollu li ż-żgħażagħ kollha jeħtieġ li jkunu jafu dwar is-saċerdozju u l-konnessjoni tagħhom miegħu.

żgħażagħ

Qatt innotajtu kemm tista’ tkun ħaġa konfuża meta kelma waħda tintuża b’żewġ modi differenti? Per eżempju, fl-Ingliż il-kelma earth tirreferi kemm għall-pjaneta li ngħixu fiha kif ukoll għat-trab ta’ taħt saqajna. It-tnejn huma korretti, iżda dak li trid tfisser meta tuża t-terminu jiddependi fuq dak li qed titkellem dwaru f’dak il-mument. Biex il-ħaġa tiġi aktar konfuża, meta earth tfisser il-pjaneta tagħna, tinkludi wkoll l-idea ta’ trab, għax it-trab jinsab fuq id-dinja.

Niddefinixxu t-Terminu Saċerdozju

Terminu li fil-Knisja nużawh b’żewġ modi differenti hu saċerdozju. It-terminu jirreferi għall-qawwa u l-awtorità totali ta’ Alla. Madankollu, aħna nużaw ukoll saċerdozju b’mod aktar limitat—biex nirreferu għall-“qawwa u l-awtorità li Alla jagħti lil nies ordnati li jħaddnu s-saċerdozju biex jaġixxu f’kull ħaġa neċessarja għas-salvazzjoni ta’ wlied Alla.”1

Is-saċerdozju kkonferit fuq il-bniedem mhuwiex il-qawwa kollha ta’ Alla. Din it-tabella li ġejja turi dan il-punt.

F’din it-tabella tistgħu taraw xi eżempji tal-qawwa ta’ Alla, li hi infinita u bla limitu. Fiha taraw ukoll eżempji tal-qawwa u l-awtorità tas-saċerdozju ta’ Alla li Huwa jikkonferixxi fuq irġiel denji li juffiċjalizzaw fil-Knisja ta’ Kristu.

Eżempji tal-Awtorità tas-Saċerdozju f’Ħajjitkom

Il-barkiet kollha tas-saċerdozju huma disponibbli għall-ulied għeżież kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. It-tieni lista sempliċiment tirrappreżenta dawk il-barkiet li intom tiksbu permezz ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju jew li għandu l-awtorità tas-saċerdozju mogħtija lilu.

Din hi l-ordni li Alla waqqaf għall-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Knisja tiegħu f’din id-dinja. Eżempji oħra tal-awtorità tas-saċerdozju ta’ Alla jinkludu president tal-kworum tad-djakni jew tal-għalliema li għandu l-imfietaħ li jmexxi l-ħidma tal-kworum tiegħu, il-barkiet ta’ missier mogħtija ġewwa dar, u ordinanzi u patti tat-tempju.

Irġiel, Nisa, u s-Saċerdozju

Minkejja li l-ordinazzjoni għal uffiċċju tas-saċerdozju hi mogħtija biss lill-irġiel, il-President Dallin H. Oaks, l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, spjega prinċipju importanti: “Is-saċerdozju huwa qawwa u awtorità divina fdatha f’idejna biex nużawha għall-ħidma ta’ Alla għall-benefiċċju ta’ wliedu kollha. Is-Saċerdozju mhuwiex dawk li ġew ordnati għal xi uffiċċju tas-saċerdozju jew dawk li jeżerċitaw l-awtorità tiegħu. L-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju mhumiex is-saċerdozju. … M’għandniex nirreferu għal irġiel ordnati bħala is-saċerdozju.2

Minkejja li n-nisa mhumiex ordnati għas-saċerdozju, il-President Russell M. Nelson spjega, “Meta intom tiġu distinti biex isservu f’xi sejħa taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju … intom tiġu mogħtija awtorità saċerdotali li tiffunzjonaw f’dik is-sejħa.”3 Xi eżempji ta’ dan jinkludu l-presidenzi tal-klassi tat-Tfajliet, missjunarji nisa jxandru l-evanġelju, mexxejja fl-oqsma u l-utied li ġew distinti biex jgħallmu u jmexxu, u ħaddiema tal-ordinanzi fit-tempju.

Il-Qawwa tas-Saċerdozju Tbierek lil Kulħadd

Il-barkiet li intom il-ġuvintur u t-tfajliet tirċievu huma tagħkom permezz tal-patti li tagħmlu fil-magħmudija u l-patti li tagħmlu fit-tempju. Anke jekk m’għandkomx xi ħadd iħaddan is-saċerdozju fid-dar tagħkom, intom xorta tistgħu titbierku bil-qawwa tas-saċerdozju ta’ Alla f’ħajjitkom hekk kif iżżommu l-patti li għamiltu miegħu (ara 1 Nephi 14:14).

Hekk kif ngħixu skont il-patti tagħna, aħna nirċievu barkiet li jqawwuna u jberkuna. Aħna nistednukom biex tixtarru l-barkiet tas-saċerdozju f’ħajjitkom—il-barkiet li niksbu permezz tal-qawwa bla tmiem tas-saċerdozju ta’ Alla u dawk li niksbu speċifikament permezz tal-awtorità tas-saċerdozju li tiġi kkonferita u ddelegata fil-Knisja ta’ Alla.

Noti

  1. Dale G. Renlund u Ruth Lybbert Renlund, The Melchizedek Priesthood: Understanding the Doctrine, Living the Principles (2018), 11.

  2. Dallin H. Oaks, “Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek u l-Imfietaħ,” konferenza ġenerali ta’ Apr. 2020 (Ensign jew Liahona, Mejju 2020, 69).

  3. Il-President Russell M. Nelson, “Teżori Spiritwali,” konferenza ġenerali ta’ Ott. 2019 (Ensign jew Liahona, Nov. 2019, 78).