2021
Tibni l-Aqwa Verżjoni Tiegħek
Settembru 2021


“Tibni l-Aqwa Verżjoni Tiegħek,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Sett. 2021, 6-7.

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Settembru 2021

Tibni l- Aqwa Verżjoni Tiegħek

Ħames modi kif tibni ħajja kuntena u ferħana.

Doctrine and Covenants 95:13–14

Immaġni
X-Ray ta’ tfajla, pjanta ta’ tempju

Illustrazzjonijiet minn Juliet Percival

Meta l-Mulej talab lil Joseph Smith biex jibni t-Tempju ta’ Kirtland, hu ma ħalliehx jipprova jagħmel kollox waħdu bla ebda direzzjoni. Hu żvela pjan li kellu jwassal għal suċċess.

“Ara li tinbena d-dar, mhux skont il-pjan tad-dinja,” iddikjara l-Mulej. “Ara li tinbena skont kif se nurik jiena” (Doctrine and Covenants 95:13–14). Il-Mulej imbagħad tah struzzjonijiet kif kellu jibni t-tempju (ara Doctrine and Covenants 95:15–17).

Fortunatament, il-Mulej uriena ferm aktar minn sempliċiment kif nibnu t-tempji. Hu tana wkoll struzzjonijiet biex jgħinna nsiru l-aqwa persuna li nistgħu nkunu. Hekk kif nimxu warajhom, aħna nibnu ħajjitna “mhux skont il-pjan tad-dinja” iżda skont il-pjan li fassal il-Mulej.

Dawn huma ħames modi kif tibni ħajja kuntena u ferħana ċċentrata fuq Ġesù Kristu.

Ibni Pedament Sod

Kwalunkwe perit jew bennej jgħidlek li pedament sod huwa importanti ferm għal kwalunkwe bini. Ħelaman għallem li l-aqwa pedament għal ħajjitna hu “il-blata tal-feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla” (Helaman 5:12). Aħna nistgħu nagħmlu lil Kristu l-pedament tagħna billi nersqu lejh u nimxu wara t-tagħlim tiegħu. Kemm tħoss li qed tirnexxi f’li tagħmel lil Kristu bħala l-pedament ta’ ħajtek?

Aqdi lil Ħaddieħor

Immaġni
riġlejn

Mod importanti ħafna biex nibnu ħajjitna, skont il-President Dieter F. Uchtdorf, li kien it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, hu meta “aħna nkunu fuq riġlejna naqdu lill-Mulej u naqdu lil dawk ta’ madwarna.”1 Meta inti taqdi lil ħaddieħor, tkun qed tagħmel dak li għamel Ġesù u titgħallem biex issir aktar bħalu. U inti mhux biss tbierek il-ħajja tan-nies li sservi, iżda int tkun imbierek ukoll.

Oħloq Rutina Regolari ta’ Talb u Studju tal-Iskrittura

Immaġni
idejn jitolbu

Mod ieħor biex tibni ħajja kuntenta hu billi tibni relazzjoni ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Mod importanti kif tagħmel dan hu permezz tat-talb u l-istudju tal-iskrittura.

Il-President Uchtdorf qal: “Biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, jeħtieġ li ngħaddu ftit ħin sinifikanti weħidna miegħu. Li niffokaw fis-skiet kuljum fuq it-talb personali u l-istudju tal-iskrittura… ikun ta’ investiment għaqli tal-ħin u tal-isforzi tagħna biex nersqu aktar viċin ta’ Missierna fis-Smewwiet.”2

It-talb hu opportunità biex nikkomunikaw ma’ Missierna fis-Smewwiet. Huwa jafna, iħobbna, u jrid jisma’ x’għandna xi ngħidu! Meta aħna nitolbu b’sinċerità, noffru r-ringrazzjamenti tagħna, u nitolbuh għall-affarijiet li neħtieġu, Hu jismagħna u jkun dejjem lest li jwieġeb talbna bil-mod u fil-ħin tiegħu.

Fejn jidħol l-istudju tal-iskrittura, m’hemmx xi mod wieħed partikolari kif għandna nagħmlu dan. L-aktar ħaġa importanti hi li nistudjawha. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Li aħna ngħaddsu rasna kuljum fil-kelma ta’ Alla hi ħaġa kruċjali għas-sopravivenza spiritwali.”3 Li tgħaddi ħin kuljum tistudja l-iskrittura jgħinek, bla dubju, tibni ħajja ta’ fidi u qawwa.

Kun Imdawwar b’Nies li Jħeġġuk Tagħmel it-Tajjeb

Immaġni
tifel b’dirgħajh miftuħa

Missierna fis-Smewwiet iridna nagħmlu kuntatt u nibnu relazzjonijiet ma’ ħaddieħor—speċjalment mal-familja u l-ħbieb. Ħafna mfasslin minn dawk li nqattgħu ħinna magħhom. Kemm jekk huma membri tal-Knisja, kemm jekk le, inti għandek tkun imdawwar b’nies li jgħinuk tgħix l-evanġelju, tħares l-istandards tal-Mulej, u ssir persuna aħjar. Inti tista’ tgħin ukoll lil dawk ta’ madwarek jagħmlu l-istess. Min fost sħabek qed jgħinek tibni l-pedament tiegħek fuq is-sewwa?

Sib il-Ferħ fil-Bini tal-Pedament Tiegħek

Hemm bosta modi oħra kif tista’ tibni ħajtek biex tkun spiritwalment b’saħħtek u tħossok ferħan, fosthom li tmur il-knisja u tieħu sehem fis-sagrament, tagħmel u tħares il-patti, u timxi wara l-parir tal-profeti ħajjin.

Importanti tiftakar li dan kollu jeħtieġ ħafna xogħol u jieħu ż-żmien. Dejjem se ssib x’tibni u x’titgħallem, iżda inti m’għandekx tagħmel dan kollu waħdek. Il-Mulej se jgħinek kuljum hekk kif tipprova tagħmel l-almu tiegħek biex tibni ħajja li inti u Hu tistgħu tkunu kburin biha u li ġġiblek il-ferħ.

Noti

  1. Dieter F. Uchtdorf, “Waiting on the Road to Damascus,” konferenza ġenerali Apr. 201 (Ensign jew Liahona, Mejju 2011, 76).

  2. Dieter. F. Uchtdorf, “Of Things That Matter Most,” konferenza ġenerali Ott. 2010 (Ensign jew Liahona, Nov. 2010, 21).

  3. Russell M. Nelson, “Isimgħuh,” konferenza ġenerali Apr. 2020 (Ensign jew Liahona, Mejju 2020, 89).

Ipprintja