Librerija
Tjubija, Karità u Mħabba


Tjubija, Karità u Mħabba

Ejjew neżaminaw ħajjitna u niddeterminaw li nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur billi nkunu mimljin tjubija, imħabba u karità.

Għeżież ħuti, jiena nħossni onorat bil-privileġġ li għandi li nindirizzakom f’ din il-ġabra dinjija ta’ rġiel fidili li jħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla. Illejla jiena se nittratta suġġett li dwaru kont tkellimt qabel.

Il-profeta Mormon ta ħarsa lejn waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-Salvatur u li d-dixxipli Tiegħu jkunu tajjeb li jimitaw. Huwa qal:

“Jekk il-bniedem ikun umli f’ qalbu, u jistqarr bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu l-Kristu, huwa għandu jkollu fih il-karità; għax jekk m’għandux il-karità huwa mhu xejn; għalhekk l-ewwel għandu jkollu fih il-karità.

“U l-karità taf tistabar u tħenn u mhijiex għajjura, u ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla. …

“Għalhekk, għeżież ħuti, jekk ma tippossedux il-karità, intom m’intom xejn, għaliex il-karità ma tintemm qatt. Għalhekk, uru dejjem il-karità, li hija l-akbar ħaġa, għaliex kollox għad jgħaddi—

“Iżda l-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u kull min fl-aħħar jinsab li jippossediha, ikun tajjeb għalih.”1

L-aħwa, aħna ma nistgħux nonoraw is-saċerdozju ta’ Alla jekk aħna ma nurux il-ħniena bejnietna.

Il-ħabib u l-kollega għażiż tiegħi, il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin kien verament bniedem twajjeb. Huwa qal:

“Il-tjubija hija l-essenza tal-ħajja ċelestjali. It-tjubija hija l-mod kif jaġixxi l-bniedem li jrid jixbah lil Kristu. It-tjubija għandha tkun l-essenza tal-kliem u l-għemejjel kollha tagħna, kemm fuq ix-xogħol, fl-iskola, fil-knisja u speċjalment fi djarna.

“Ġesù, is-Salvatur tagħna, kien l-akbar eżempju tat-tjubija u l-kompassjoni.”2

L-iskrittura tgħallimna li l-eżerċizzju xieraq tas-saċerdozju huwa dipendenti fuq kemm aħna ngħixu l-prinċipji tat-tjubija, tal-karità u l-imħabba. Mid-Duttrina u Patti naqraw ukoll:

“L-ebda qawwa jew influwenza ma tista’ tinkiseb permezz tal-virtù tas-saċerdozju, tinkiseb biss permezz tal-persważjoni, … tal-ġentilezza u l-manswetudni, u tal-imħabba ġenwina;

“Permezz tat-tjubija u l-għarfien pur, li għandu jkabbar verament ir-ruħ mingħajr ebda ipokresija, u mingħajr ħażen.”3

L-Aħwa, ejjew neżaminaw ħajjitna u niddeterminaw li nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur billi nkunu mimljin tjubija, imħabba u karità. U hekk kif nagħmlu dan, aħna nkunu f’ pożizzjoni li nsejħu lill-qawwiet tas-smewwiet għalina nfusna, għall-familji tagħna u għal dawk kollha li huma vjaġġaturi bħalna f’ dan il-vjaġġ li xi kultant jaf ikun diffiċli lejn id-dar tagħna fis-smewwiet. Jiena nwiegħed dan f’ isem il-Mulej, Ġesù Kristu, amen.