Ejjew Inħallu l-Ispirtu s-Santu Jiggwidana
Il-ħidma divina tal-Ispirtu s-Santu hi li jispirana, jixhed magħna, jgħallimna u jħeġġiġna biex nimxu fid-dawl tal-Mulej.
Ħuti, jiena, bħalkom kollha, nagħraf li aħna qed naraw b’ għajnejna l-ħidma tal-Mulej timxi ‘l quddiem b’ ċertu ritmu permezz tal-President Thomas S. Monson u l-messaġġ li huwa tana dalgħodu. President Monson, aħna nħobbuk, insostnuk u dejjem nitolbu għalik, “għażiż profeta tagħna.”1
F’ din it-tmiem il-ġimgħa, ilkoll kemm aħna ħassejna l-Ispirtu b’ abbundanza. Kemm jekk intom tinsabu hawnhekk f’ din is-sala maestuża jew inkella qed issegwu mid-dar tagħkom jew forsi tinsabu miġburin f’ xi waħda mid-djar tal-laqgħat fl-inħawi mbiegħda tad-dinja, intom kellkom l-opportunità li tħossu l-Ispirtu tal-Mulej. Dak l-Ispirtu jikkonferma f’ qalbkom u f’ moħħkom il-veritajiet li ġew mgħallmin waqt din il-konferenza.
Ikkunsidraw ftit il-kliem ta’ din l-għanja mill-aktar familjari:
Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jiggwidana;
Ejjew inħalluh jgħallimna x’ inhi l-verità.
Huwa jixhed magħna dwar Kristu,
Idawwal moħħna bl-ispirazzjoni tas-sema.2
Permezz tar-rivelazzjoni tal-aħħar jiem aħna nafu li d-Divinità hija magħmula minn tliet esseri distinti u separati: Missierna tas-Smewwiet; l-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, Ġesù Kristu; u l-Ispirtu s-Santu. Aħna nafu li “il-Missier għandu ġisem tad-demm u l-għadam, tanġibbli daqs tal-bniedem; l-Iben l-istess; iżda l-Ispirtu s-Santu m’għandux ġisem tad-demm u l-għadam, iżda huwa personaġġ ta’ Spirtu. Li kieku ma kienx hekk, l-ispirtu s-Santu ma jkunx jista’ jgħammar ġewwa fina.”3
Il-messaġġ tiegħi llum jiffoka fuq l-importanza tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna. Missierna tas-Smewwiet kien jaf li fil-mortalità aħna konna se niffaċċjaw għadd ta’ sfidi, tribulazzjoni u nkwiet; Huwa kien jaf li aħna konna se nitqabdu b’ ċerti mistoqsijiet, diżappunti, tentazzjonijiet u dgħjufijiet. Biex jagħtina ċerta qawwa mortali u gwida divina, Huwa pprovdielna l-Ispirtu s-Santu.
L-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna flimkien mal-Mulej. Il-ħidma divina tal-Ispirtu s-Santu hi li jispirana, jixhed magħna, jgħallimna u jħeġġiġna biex nimxu fid-dawl tal-Mulej. Aħna għandna r-responsabbiltà sagra li nitgħallmu nagħrfu l-influwenza Tiegħu f’ ħajjitna u nwieġbu għal din l-influwenza.
Ftakru fil-wegħda tal-Mulej: “Jiena se noffrilkom mill-Ispirtu tiegħi, li għandu jdawwal moħħkom, li għandu jimla ruħkom bil-ferħ.”4 Inħobbha wisq din l-assigurazzjoni. Il-ferħ li jimla rwieħna jagħtina perspettiva eterna b’ kuntrast mal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dak il-ferħ jasal għandna fil-forma tal-paċi li aħna nħossu qalb is-sofferenza jew l-uġigħ il-qalb. Jipprovdilna l-faraġ u l-kuraġġ, jgħinna nifhmu l-veritajiet tal-evanġelju u jespandi l-imħabba tagħna lejn il-Mulej u lejn ulied Alla kollha. Minkejja li aħna verament għandna bżonn dawk il-barkiet, f’ diversi modi d-dinja waslet biex insiet u abbandunat dawn l-istess barkiet.
Kull ġimgħa, hekk kif aħna nieħdu sehem fis-sagrament imqaddes, aħna nagħmlu patt li “dejjem niftakru fih,” fil-Mulej Ġesù Kristu u fis-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu. Meta aħna nżommu dan il-patt sagru, aħna niġu mogħtija l-wegħda li aħna “dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu magħna.”5
Aħna kif nistgħu nagħmlu dan?
L-ewwel, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu denji tal-Ispirtu.
L-Ispirtu s-Santu jakkumpanja lil dawk li “dejjem jiftakru lill-Mulej Alla tagħhom f’ kull jum ta’ ħajjithom.”6 Kif wissiena l-Mulej, Aħna għandna “inwarbu l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u nfittxu ħwejjeġ li jippartjenu għal dinja aħjar,”7 għaliex “l-Ispirtu tal-Mulej ma jgħammarx f’ tempji li mhumiex qaddisa.”8 Aħna għandna dejjem nippruvaw nobdu l-liġijiet ta’ Alla, nistudjaw l-iskrittura, nitolbu, nattendu t-tempju u ngħixu leali għat- tlettax-il artiklu tal-fidi, “li nkunu onesti, leali, kasti, benevolenti, virtużi u … nagħmlu t-tajjeb lill-bnedmin kollha.”
It-tieni, aħna għandna nkunu lesti li nirċievu l-Ispirtu.
Il-Mulej wiegħed, “Jiena nkellimkom f’ moħħkom u f’ qalbkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jinżel fuqkom u jgħammar f’ qalbkom.”9 Jiena bdejt nifhem dan meta kont għadni missjunarju żagħżugħ ġewwa Scotch Plains, fi New Jersey. F’ għodwa mill-aktar sħuna fix-xahar ta’ Lulju jiena u sieħbi ħassejna li kellna nwieġbu għal refernza li aħna konna rċevejna mill-Pjazza tat-Tempju. Aħna morna nħabbtu fuq il-bieb tad-dar ta’ Elwood Schaffer. Is-Sinjura Schaffer bl-edukazzjoni kollha qaltilna li ma kenitx interessata.
Hekk kif hija kienet qed tagħlaq il-bieb, jiena ħassejt li kelli nagħmel xi ħaġa li qatt ma kont għamiltha qabel u li qatt m’għamiltha aktar minn dak iż-żmien ‘l hawn! Jiena żammejt il-bieb b’ saqajja u staqsejtha, “Hemm xi ħadd ieħor li forsi huwa interessat li jisma’ l-messaġġ tagħna?” Bintha ta’ 16-il sena, Marti, kienet interessata u ġurnata qabel hija kienet għadha kif talbet b’ mod ferventi biex tikseb ċerta gwida f’ ħajjitha. Marti ltaqgħet magħna u maż-żmien ommha wkoll ipparteċipat fid-diskussjonijiet. It-tnejn li huma spiċċaw biex ingħaqdu mal-Knisja.
Grazzi għall-magħmudija ta’ Marti, 136 ruħ, inkluż bosta membri mill-familja tagħha spiċċaw biex tgħammdu wkoll u anke wettqu għadd ta’ patti tal-evanġelju. Kemm jiena grat li f’ dak il-jum sħun ta’ Lulju jiena kont smajt minn dak li kien ordnali l-Ispirtu u daħħalt sieqi fil-bieb. Marti u bosta mill-membri għeżież tal-familja tagħha jinsabu hawnhekk illum.
It-tielet, aħna għandna nagħrfu l-Ispirtu meta jiġi jżurna.
L-esperjenza tiegħi għallmitni li l-Ispirtu ħafna drabi jikkomunika magħna permezz ta’ sentiment li aħna nħossu ġewwa fina. Intom tistgħu tħossuh permezz ta’ kliem li intom familjari miegħu, li għalikom ikun jagħmel sens, li jħeġġiġkom biex tagħmlu xi ħaġa. Ikkunsidraw ir-rispons tan-Nefiti hekk kif huma semgħu lill-Mulej jitlob f’ isimhom: “U dawk li kienu fost il-miġemgħa semgħuh u taw xhieda ta’ dan; u qalbhom infetħet u huma fehmu f’ qalbhom il-kliem li huwa talab.”10 Huma ħassew f’ qalbhom il-kliem tat-talba Tiegħu. Il-leħen tal-Ispirtu s-Santu huwa leħen sieket u ċkejken.
Fit-Testment il-Qadim, Elija ħadha mal-qassisin ta’ Bagħal. Il-qassisin stennew li l- “leħen” ta’ Bagħal kien se jkun bħar-ragħad u li kien se jixwi s-sagrifiċċju tagħhom bin-nar. Iżda huma ma semgħu l-ebda leħen, u ma raw l-ebda nar.11
F’okkażżjoni oħra aktar tard, Elija talab. “U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżżiża.
“U wara t-theżżiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħass leħen sieket u ċkejken.”12
Intom tafuh dak il-leħen?
Il-President Monson għallem, “Hekk kif aħna nkunu mexjin fil-vjaġġ tal-ħajja, ejjew nitgħallmu l-lingwa tal-Ispirtu.”13 Il-kliem li jlissen l-Ispirtu huwa kliem li nistgħu nħossuh. Dawn huma sentimenti ġentili, li jħeġġuna biex nagħmlu xi ħaġa, biex ngħidu xi ħaġa, biex inwieġbu b’ ċertu mod. Jekk il-qima tagħna tkun waħda każwali jew inkella ma neħduhiex bis-serjetà, u naslu biex ninfluwenzaw ruħna malajr bil-ħwejjeġ tad-dinja, aħna niskopru li aħna neqsin mill-abbiltà li nħossu fina dan il-leħen. Nefi qal lil Laman u Lemwel, “Minn żmien għall-ieħor intom smajtu leħnu; u huwa kellimkom b’ leħen sieket u ċkejken, iżda intom tant kontu spiritwalment imtarrxin, li kliemu ma stajtux tħossuh.”14
Ġunju li għadda jiena kont ninsab fuq xogħol ġewwa l-Amerka t’ Isfel. Kellna skeda ta’ 10 ijiem mill-aktar impenjattiva fejn fihom morna nżuru l-Kolumbja, il-Peru u l-Ekwador. Terremot enormi qatel mijiet ta’ nies, korra għexieren ta’ eluf oħra, u għamel ħsara kbira jew qered bosta djar u komunitajiet sħaħ fl-ibliet Ekwadorjani ta’ Portoviejo u Manta. Jiena ħassejt li aħna kellna nżidu wkoll mal-iskeda tagħna żjara lill-membri li kienu joqogħdu f’dawk l-ibliet. Bil-ħsara kbira li kienet saret lit-toroq, aħna ma konniex ċerti stajniex naslu s’hemmhekk. Fil-fatt, aħna ġejna mgħarrfin li ma kienx possibli li mmorru hemm, iżda s-suġġeriment li ħassejt ġo fija kien għadu miegħi. Konsegwentament, aħna ġejna mberkin u rnexxielna nżuru ż-żewġt ibliet li huma.
Peress li aħna konna morna hemm ħabta u sabta, jiena stennejt li kienu se jkuun biss il-ftit mexxejja lokali tas-saċerdozju li kienu se jattendu l-laqgħat tagħna, laqgħat li kienu ġew organizzati mingħajr wisq preparazzjoni. Madankollu, kull ċentru tal-wited li aħna morna nżuru sibna fih kappelli ppakkjati sa wara l-palk. Xi wħud minn dawk li attendew kienu l-aktar membri b’ saħħithom u leali tar-reġjun, il-pijunieri li baqgħu dejjem sodi fil-Knisja, iħeġġu oħrajn biex jingħaqdu magħhom fis-servizzi ta’ qima tagħhom u biex huma wkoll iħossu l-Ispirtu f’ ħajjithom. Bilqiegħda fir-ringieli ta’ quddiem kien hemm il-membri li kienu tilfu l-maħbubin u l-ġirien tagħhom fit-terremot. Jiena ħassejt li kelli nagħti barka appostolika lil dawk kollha li kienu qed jattendu, waħda mill-ewwel li qatt tajt. Għalkemm jiena kont ninsab wieqaf fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ dik il-kamra, jien kont ħassejtni bħallikieku jdejja kienu jinsabu fuq ras kull wieħed u waħda preżenti, u jiena ħassejt li l-kliem li jien kont qed illissen kien kliem il-Mulej.
U dan mhux kollox. Ħassejt li kelli nkellimhom bl-istess mod kif kien għamel Ġesù Kristu meta huwa mar iżur lin-nies ġewwa l-Kontinent Amerikan. “Huwa ħa lit-tfal ċkejknin tagħhom, … u berikhom u talab lill-Missier għalihom.”15 Aħna konna ninsabu fl-Ekwador, konna qed inwettqu l-ħidma ta’ Missierna u dawn kienu wliedu.
Ir-raba’, aħna għandna naġixxu skont l-ewwel suġġeriment.
Tiftakru kliem Nefi. “Ħassejtni nitmexxa mill-Ispirtu, mingħajr ma kont naf minn qabel x’ kelli nagħmel. Madankollu,” huwa qal, “jiena għamilt kif ġejt mitlub.”16
U l-istess aħna. Jeħtieġ li nafdaw fl-ewwel suġġerimenti li nirċievu. Xi kultant aħna nippruvaw niġġustifikaw id-dubju tagħna; niddubitaw jekk aħniex verament inħossu xi ispirazzjoni spiritwali jew inkella naħsbu li dan mhu xejn ħlief sempliċiment l-istess ħsieb tagħna. Meta aħna nibdew niddubitaw għal darba tnejn is-sentimenti tagħna—u aħna lkoll nagħmlu dan—aħna nkunu qed ninjoraw l-Ispirtu; inkunu qed niddubitaw il-kunsill divin. Il-Profeta Joseph Smith għallem li jekk intom tisimgħu mill-ewwel suġġerimenti, ibqgħu ċerti li disa’ darbiet minn għaxra dak ikun il-leħen tal-Ispirtu.17
Issa oqogħdu attendi: tistennewx li għaliex intom tkunu smajtu mill-Ispirtu s-Santu quddiekom se sseħħ xi ħaġa drammatika. Ftakru, intom qed twettqu l-ħidma tal-leħen sieket u ċkejken.
Meta jiena kont qed inservi bħala president tal-missjoni ġewwa l-Belt ta’ New York, jiena kont flimkien ma’ xi missjunarji minn tagħna ġewwa restorant fil-Bronx. Ġiet tpoġġi ħdejna familja żagħżugħa. Dehru li setgħu jkunu investigaturi tal-evanġelju tad-deheb. Jiena stajt nara b’ għajnejja l-espressjoni tal-missjunarji tagħna hekk kif minn ħdejja ma qamux, biex imbagħad innutaw li dawn il-membri ta’ din il-familja lestew jieklu u ħarġu l-barra mill-post. Imbagħad jiena għedtilhom, “Presbiteri, illum nistgħu nieħdu tagħlima. F’ dan ir-restorant intom rajtu familja mill-aktar ħelwa. Tgħid x’ missna għamilna?”
Wieħed mill-presbiteri qalli fil-pront: “Jiena ħassejt fija li kelli nqum u mmur inkellimhom. Ħassejt fija li kelli nagħmel dan, iżda ma għamilt xejn.”
“Presbiteri,” għedtilhom jien, “aħna għandna dejjem naġixxu skont l-ewwel suġġeriment li nirċievu. Dak li inti ħassejt fik kien l-Ispirtu s-Santu!”
L-ewwel suġġerimenti huma ispirazzjoni pura mis-smewwiet. Meta huma jikkonfermaw jew jixhdu magħna, jeħtieġ li aħna nagħrfuhom għal dak li verament huma u m’għandna qatt ninjorawhom. Bosta drabi, dan ikun l-Ispirtu li jkun qed jispirana biex aħna mmorru jilħqu lil xi ħadd fil-bżonn, b’ mod partikolari lil xi ħadd mill-familja tagħna jew mill-ħbieb tagħna. “Għalhekk … il-leħen sieket u ċkejken, li b’ leħen baxx ikellimna u jippenetra kull ħaġa,”18 jiggwidana lejn numru ta’ opportunitajiet fejn nistgħu ngħallmu l-evanġelju, naqsmu t-testimonjanza tagħna dwar ir-Restawrazzjoni u Ġesù Kristu, noffru s-sapport u l-imħabba tagħna u nsalvaw lil xi wieħed jew waħda mill-ulied prezzjużi ta’ Alla.
Immaġinaw li intom tagħmlu parti minn dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna. F’ bosta komunitajiet dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna waqt xi traġedja, diżastru jew għawġ huma l-ħaddiema tat-tifi tan-nar, l-uffiċjali tal-pulizija u l-paramediċi. Huma jaslu fil-post bid-dawl jixgħel u jitfi, u ippermettuli nżid, aħna verament grati lejhom. Il-ħidma tal-Mulej hija anqas ovvja iżda teħtieġ l-istess rispons immedjat. Il-Mulej jaf il-bżonnijiet ta’ wliedu kollha—u Huwa jaf min hu lest li jgħin. Jekk fit-talb ta’ filgħodu tagħna lill-Mulej ngħidulu li aħna ninsabu lesti għall-ħidma, Huwa jsejħilna biex nirrispondu għas-sejħa. Jekk aħna nwieġbu għas-sejħa Tiegħu, Huwa jsejħilna kull meta jkollu bżonnha u aħna nsiru kif sejħilha l-President Monson “qaddejja kkummissjonati mill-Mulej.”19 Aħna nsiru l-ewwel nies li nagħtu l-ewwel għajnuna spiritwali billi nwasslu l-għajnuna divina lil ħaddieħor.
Jekk aħna noqogħdu attenti għas-suġġerimenti li nirċievu, aħna nikbru fl-ispirtu tar-rivelazzjoni u nirċievu aktar u aktar għarfien u direzzjoni spirati mill-Ispirtu. Il-Mulej qal, “Afdaw f’ dak l-Ispirtu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb.”20
Jalla aħna nieħdu bis-serjetà s-sejħa tal-Mulej li qalilna “agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom.”21 Huwa jmexxina permezz tal-Ispirtu s-Santu. Jalla aħna ngħixu viċin l-Ispirtu, u naġixxu fil-pront skont l-ewwel suġġerimenti tagħna, għax nafu li dawn huma ġejjin minn Alla. Jiena nagħti xhieda tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jiggwidana, jieħu ħsiebna u jkun dejjem magħna, f’ isem Ġesù Kristu, amen.