Ħejju t-Triq
Minkejja li għandhom missjonijiet u awtorità differenti, is-Saċerdozju Aroniku u s-Saċerdozju Melkisedeku huma sieħba inseparabbli fil-ħidma tas-salvazzjoni.
Meta kelli 30 sena, jiena bdejt naħdem ma’ negozju bl-imnut fi Franza. Darba waħda l-president tal-kumpanija, raġel mill-aktar twajjeb li kien iħaddan reliġjon oħra, sejjaħli ġewwa l-uffiċċju tiegħu. Il-mistoqsija li għamilli ħasditni: “Għadni kif sirt naf li inti qassis fil-knisja tiegħek. Dan minnu?”
“Iva, veru,” weġibtu jien. “Jiena nħaddan is-saċerdozju.”
B’ ħarsa mil-aktar intirganti huwa reġa’ staqsieni, “Iżda inti studjajt it-teoloġija f’ xi seminarju?”
“Dażgur,” weġibtu jien, “minn 14 sa 18-il sena jiena studjajt il-lezzjonijiet tas-seminarju kważi kuljum!” Kien għoddu waqa’ mis-siġġu li kien bilqiegħda fuqu.
B’ sorpriża kbira għalija, bosta ġimgħat wara huwa sejjaħli lura fl-uffiċċju tiegħu biex joffrili pożizzjonij ta’ direttur maniġerjali f’ waħda mill-kumpaniji tal-grupp li kien imexxi. Jiena ħassejtni nistagħġeb u esprimejt miegħu t-tħassib tiegħi li kont għadni żgħir wisq u nieqes mill-esperjenza biex ningħata responsabbiltà importanti daqshekk. Bi tbissima mill-aktar benevolenti, huwa qalli, “Jista’ jkun li qed tgħid hu minnu, iżda ma jimpurtax. Jiena naf xi prinċipji inti tħaddan u naf x’ tgħallimt fil-knisja tiegħek. Jien għandi bżonnok.”
Huwa kien korrett dwar dak li kont tgħallimt fil-Knisja. Dawk l-ewwel snin kienu mill-aktar diffiċli, u ma nafx kontx nirnexxi li kieku ma kienx għall-esperjenza li jien ksibt fil-Knisja li fiha kont ilni nservi minn meta kont għadni żagħżugħ.
Jiena kelli l-barka li trabbejt ġo fergħa żgħira. Peress li l-membri kienu ftit, iż-żgħażagħ kienu mitlubin biex jipparteċipaw b’ mod attiv fl-aspetti kollha tal-fergħa. Verament kien ikolli x’ nagħmel u kont kuntent li kien hemm daqstant bżonni. Nhar ta’ Ħadd jiena kont ngħin fil-mejda tas-sagrament, naqdi fil-kworum tiegħi tas-saċerdozju kif ukoll kont inwettaq diversi sejħiet oħra. Matul il-ġimgħa ħafna drabi kont nakkumpanja lil missieri u lil xi rġiel oħra li jħaddnu s-saċerdozju hekk kif konna mmorru nwettqu t-tagħlim tad-dar tagħna għand il-membri, infarrġu lill-morda u lil dawk li qed isofru u ngħinu lil dawk fil-bżonn. Milli jidher ħadd ma ħares lejja bħala wieħed li kien għadu żgħir wisq biex iservi jew saħansitra biex imexxi. Għalija, dawn kienu ħwejjeġ li kienu jidhru mill-aktar normali u naturali.
Is-servizz li jiena tajt fis-snin li kont għadni żagħżugħ għenuni nibni t-testimonjanza tiegħi u ankrawli ħajti fl-evanġelju. Jiena kont imdawwar b’ irġiel twajbin u mimlijin kompassjoni, dedikati li jużaw is-saċerdozju tagħhom biex ibierku l-ħajja ta’ ħaddieħor. Jiena xtaqt insir bħalhom. Dak iż-żmien ma rrealizzajtx għal kollox li meta kont qed inservi magħhom jiena kont qed niġi mħarreġ ukoll kif kelli nkun mexxej fil-Knisja kif ukoll fid-dinja.
Aħna għandna bosta ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku li llejla qed jattendu jew qed isegwu din il-laqgħa. Hekk kif inħares lejn din l-udjenza, jiena qed nara li ħafna minnkom tinsabu bilqiegħda ħdejn irġiel maturi, forsi jista’ jkun missierkom, nannukom, ħukom il-kbir jew xi wieħed mill-mexxejja tagħkom tas-saċerdozju—li lkoll kemm huma jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku. Huma jħobbukom, u l-biċċa l-kbira minnhom ġew hawn illejla biex ikunu magħkom.
Din il-ġabra ta’ ġenerazzjonijiet diversi toffri viżjoni mill-aktar meraviljuża ta’ unità u fratellanza li teżisti bejn dawn iż-żewġ saċerdozji ta’ Alla. Minkejja li għandhom missjonijiet u awtorità differenti, is-Saċerdozju Aroniku u s-Saċerdozju Melkisedeku huma sieħba inseparabbli fil-ħidma tas-salvazzjoni. Imorru id’ f’ id u jeħtieġu verament lil xulxin.
Il-mudell perfett tar-relazzjoni mill-viċin li teżisti bejn dawn iż-żewġ saċerdozji jinsab fir-relazzjoni li kien hemm bejn Ġesù u Ġwanni l-Battista. Qatt tistgħu timmaġinaw lil Ġwanni l-Battista mingħajr Ġesù? Kif kienet tkun il-missjoni tas-Salvatur mingħajr il-ħidma preparatorja li wettaq Ġwanni?
Ġwanni l-Battista ġie mogħti waħda mill-aktar missjonijiet nobbli li qatt eżistew: “Li jħejji t-triq tal-Mulej,”1 li jgħammdu bl-ilma, u li jħejji nies li jkunu lesti li jilqgħuh. Dan “ir-raġel ġust … u … qaddis,”2 li ġie ordnat għas-saċerdozju minuri, kien perfettament konxju kemm tal-importanza kif ukoll tal-limitazzjoni tal-missjoni u l-awtorità tiegħu.
Folol sħaħ ta’ nies kienu jmorru wara Ġwanni biex jisimgħuh u biex jitgħammdu minnu. Kienu ħafna li kienu jonoraw u jqimuh bħala bniedem ta’ Alla. Iżda meta deher Ġesù, Ġwanni b’ umiltà ssottometta ruħu għal Dak li kien akbar minnu u ddikjara, “Jiena ngħammed bl-ilma: imma f’ nofskom hemm wieħed, … li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.”3
Għall-parti Tiegħu, Kristu Ġesù, l-Imnissel Waħdieni tal-Missier, li kien iħaddan l-ogħla saċerdozju, b’ umiltà għaraf l-awtorità ta’ Ġwanni. Dwaru, is-Salvatur qal, “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.”4
Aħsbu ftit x’ kapaċi nwettqu fil-kworums tagħna tas-saċerdozju jekk ir-relazzjoni ta’ bejn dawk li jħaddnu dawn iż-żewġ saċerdozji tkun ispirata mill-eżempju li tawna Ġesù u Ġwanni l-Battista. Għeżież ħuti żgħażagħ tas-Saċerdozju Aroniku, l-irwol tagħkom, bħal ta’ Ġwanni, hu li “tħejju t-triq”5 għall-ħidma kbira tas-Saċerdozju Melkisedeku. Intom qed twettqu dan f’ diversi modi. Intom tamministraw l-ordinanzi tal-magħmudija u tas-sagrament. Intom tgħinu fil-preparazzjoni tal-poplu tal-Mulej billi tippridkaw l-evanġelju, billi “żżuru d-dar ta’ kull membru,”6 u billi “dejjem tieħdu ħsieb il-knisja.”7 Intom tipprovdu l-għajnuna lill-foqra u lil dawk fil-bżonn billi tiġbru l-offerti tas-sawm, u billi tipparteċipaw fil-ħidma li tieħdu ħsieb id-djar tal-laqgħat tal-Knisja kif ukoll ċerti riżorsi temporali oħra. L-irwol tagħkom huwa wieħed importanti, bżonnjuż u sagru.
Ħuti adulti, kemm jekk intom missirijiet, isqfijiet, konsulenti tal-Ġuvintur jew sempliċiment irġiel li tħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku, intom tistgħu timxu wara l-eżempju tas-Salvatur billi dduru lejn ħutkom li jħaddnu s-saċerdozju minuri u tistednuhom biex jaħdmu flimkien magħkom. Fil-verità, din l-istedina ġejja mill-Mulej Innifsu. Huwa qal, “Għalhekk, ħudu magħkom lil dawk li huma ordnati fis-saċerdozju minuri, u ibagħtuhom qabilkom biex jagħmlu l-appuntamenti, u biex iħejju t-triq u biex imorru għal appuntamenti li intom stess ma tkunux tistgħu tmorru għalihom.”8
Hekk kif intom tistiednu lil ħutkom iżgħar minnkom biex “iħejju t-triq,” intom tgħinuhom jagħrfu u jonoraw l-awtorità sagra li huma jħaddnu. Billi tagħmlu dan, intom tgħinuhom iħejju t-triq tagħhom hekk kif huma jħejju għall-jum li fih huma jirċievu u jeżerċitaw l-ogħla saċerdozju.
Ippermettuli naqsam magħkom l-istorja vera ta’ Alex, qassis żagħżugħ mill-aktar kwiet, twajjeb u intelliġenti. Darba waħda f’ jum il-Ħadd, l-isqof ta’ Alex sabu waħdu fil-klassi verament imbikkem. Dan iż-żagħżugħ spjega kemm kien diffiċli għalih li jattendi l-knisja mingħajr missieru, li ma kienx membru. Imbagħad bid-dmugħ f’ għajnejh qal li probabbilment kien ikun aħjar għalih jekk huwa jitlaq mill-Knisja.
B’ imħabba ġenwina għal dan il-ġuvni, l-isqof immedjatament laqqa’ flimkien il-kunsill tal-qasam biex jaraw kif se jgħinu lil Alex. Il-pjan Tiegħu kien wieħed sempliċi: biex huma jżommu lil Alex dejjem attiv u jgħinuh jiżviluppa testimonjanza profonda tal-evanġelju, jeħtieġ li “jaraw li huwa jkun dejjem imdawwar b’ nies twajbin u jagħtuh affarijiet importanti xi jwettaq.”
L-aħwa tas-saċerdozju u l-membri kollha tal-qasam malajr daru madwar Alex u esprimew l-imħabba tagħhom lejh u li kollha kienu lesti jissapportjawh. Il-mexxej tal-grupp tal-qassisin il-kbar, raġel ta’ fidi kbira u li veru jaf iħobb, ġie magħżul biex ikun is-sieħeb tiegħu fit-tagħlim tad-dar. Il-membri tal-veskovat iddeċidew li jkunu huma responsabbli minnu u raw li hu jibda jaħdem magħhom mill-viċin.
L-isqof qal: “Lil Alex konna dejjem nagħtuh x’ jagħmel. Huwa għen meta kien ikun hemm xi tieġ jew xi funeral, assista f’ xi dedikazzjoni ta’ xi qabar, għammed diversi membri, ordna numru ta’ ġuvintur għal uffiċċji fis-Saċerdozju Aroniku, għallem għadd ta’ lezzjonijiet taż-żgħażagħ, għallem mal-missjunarji,u kien ikun il-bniedem li jiftaħ il-bini għall-konferenzi u li jsakkar tard filgħaxija wara l-konferenzi. Huwa wettaq diversi proġetti ta’ servizz, ġie miegħi iżur lill-membri anzjani fid-djar tal-anzjani, ta ħafna taħdidiet fil-laqgħa tas-sagrament, amministra s-sagrament lill-morda fl-isptar jew fi djarhom, u sar wieħed mill-ftit nies li verament stajt niddependi fuqu bħala isqof.”
Ftit ftit, Alex inbidel. Il-fidi tiegħu fil-Mulej kibret. Huwa kiseb il-kunfidenza fih innifsu u fil-qawwa tas-saċerdozju li kien iħaddan. L-isqof ikkonkluda: “Alex kien u se jibqa’ jkun waħda mill-akbar barkiet tiegħi bħala isqof. Xi privileġġ kien għalija li ħdimt miegħu daqshekk mill-viċin. Jiena ġenwinament nemmen li ma kienx hawn ġuvni ieħor li mar iservi missjoni u li kien ippreparat permezz tas-servizz saċerdotali tiegħu aktar minnu.”9
Għeżież isqfijiet, fl-ordinazzjoni u d-distinzjoni tagħkom bħala isqfijiet tal-qasam tagħkom, intom ġejtu msejħin bis-sejħa sagra li sservu bħala president tas-Saċerdozju Aroniku u fil-kworum tagħkom tal-qassisin. Jiena konxju tal-piż kbir li intom iġġorru fuqkom, iżda intom għandkom taraw li waħda mill-ogħla prioritajiet tagħkom għandu jkun id-dmir tagħkom lejn dawn il-ġuvintur. Intom ma tistgħux ma tagħtux kashom jew tiddelegaw l-irwol tagħkom f’ din ir-responsabbiltà lil ħaddieħor.
Jien nistedinkom sabiex intom tgħaddu ħin tirriflettu dwar kull ġuvni li jħaddan is-Saċerdozju Aaroniku fil-qasam tagħkom. L-ebda wieħed minnhom m’għandu jħossu mwarrab jew li m’hemmx bżonnu. Hemm xi ġuvni li inti jew ħutek l-oħra tas-saċerdozju tistgħu tgħinuh? Araw li tistednuh biex iservi flimkien magħkom. Lilll-ġuvintur żgħażagħ ħafna drabi aħna nippruvaw nagħmlulhom kollox aħna u nispiċċaw biex nagħtuhom l-irwol ta’ spettaturi, meta fil-fatt l-aħjar mod kif jiżviluppaw il-fidi u l-imħabba tagħhom għall-evanġelju hu billi huma jkabbru s-saċerdozju tagħhom. Billi jipparteċipaw b’ mod attiv fil-ħidma tas-salvazzjoni, huma jersqu viċin aktar ta’ Alla u jkunu ferm aktar konxji tal-potenzjal divin tagħhom.
Is-Saċerdozju Aroniku huwa ferm aktar minn sempliċiment grupp ta’ ġuvintur tal-istess età, minn xi programm ta’ tagħlim jew ta’ xi attività, jew saħansitra xi terminu li jiddistingwi lill-ġuvintur tal-Knisja. Huwa qawwa u awtorità li huma jipparteċipaw fil-ħidma kbira tas-salvazzjoni tal-erwieħ—kemm l-erwieħ ta’ dawk il-ġuvintur li jħaddnu dan is-saċerdozju kif ukoll l-erwieħ ta’ dawk li huma jservu. Ejjew inpoġġu s-Saċerdozju Aroniku fil-post xieraq, f’ post speċjali—post ta’ servizz, tħejjija u sodisfazzjon għall-ġuvintur kollha tal-Knisja.
Għeżież ħuti tas-Saċerdozju Melkisedeku, nistedinkom biex issaħħu r-rabta essenzjali li tgħaqqad lil dawn iż-żewġ saċerdozji ta’ Alla. Qawwu liż-żgħażagħ tagħkom tas-Saċerdozju Aroniku biex huma jħejju t-triq għalikom. Għidulhom b’ kunfidenza, “Jien għandi bżonnok.” Lilkom iż-żgħażagħ tas-Saċerdozju Aroniku, jiena nitlob li, hekk kif intom isservu flimkien ma’ ħutkom akbar minnkom, intom tisimgħu leħen il-Mulej jgħidilkom: “Imberkin intom, għaliex se twettqu ħwejjeġ kbar. Araw intom ġejtu mibgħuta, sewwasew bħal Ġwanni, biex tħejju t-triq għalija.”10 F’ isem Ġesù Kristu, amen.