Librerija
Għanjiet li Kantajna u Oħrajn li Għadna Le


Għanjiet li Kantajna u Oħrajn li Għadna Le

Jiena nisħaq ma’ kull wieħed u waħda minna biex b’ mod permanenti u b’ fedeltà nibqgħu lkoll nagħmlu parti mill-kor.

“Ix-xemx qed tiddi f’ ruħi llum,” Eliza Hewitt kitbet, “ferm glorjuża b’ qawwa hi, aktar milli tidher fis-smewwiet għax tiegħi Ġesù hu d-dawl.”1 Jiena naħseb li impossibbli nkantaw din l-għanja meraviljuża u antika Kristjana mingħajr ma nitbissmu. Iżda llum nixtieq niddiskuti magħkom vers partikolari f’ dan l-innu li jista’ jgħinna f’ dawk il-jiem meta nsibuha diffiċli biex inkantaw jew nitbissmu u meta “mumenti ta’ ferħ u sliem” jidhru li mhux se “jkollna.” Jekk għal xi ħin intom issibuha diffiċli tkantaw mal-melodiji li tisimgħu lil oħrajn ikantaw, nitlobkom biex iżżommu f’ moħħkom dan il-vers minn din l-għanja li jirriassigurana, “Ġesù li jisma’ kollox jisimek tkanta l-għanjiet li ma tistax.”2

Fost ir-realtajiet li aħna nħabbtu wiċċna magħhom bħala wlied Alla li ninsabu ngħixu f’ dinja mitlufa hi li aħna se nesperjenzaw mumenti diffiċli f’ ħajjitna, mumenti fejn il-fidi tagħna u l-ħeġġa tagħna se jiġu verament ittestjati. Dawn l-isfidi jistgħu jkunu riżultat ta’ xi nuqqas tagħna, xi nuqqas ta’ ħaddieħor jew sempliċiment għax għadna ma ksibniex xi ħaġa f ħajjitna, iżda hi x’inhi r-raġuni, aħna nħossu li lilna qed iżommuna milli nkantaw għanjiet li veru nixtiequ nkantaw u jispiċċaw biex idallmu l-wegħda li nesperjenzaw “żmien ir-rebbiegħa ġewwa ruħna”3 li Eliza Hewitt issemmi f’ wieħed mill-versi tagħha.

Għalhekk x’ nistgħu nagħmlu fi żminijiet bħal dawn? Ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li ngħożżu l-kunsill li tana l-Appostlu Pawlu u “nittamaw għal dak li m’aħniex narawh, u nistennew bis-sabar.”4 F’ dawn il-mumenti meta l-melodija tal-fidi tagħna bilkemm nibqgħu nisimgħuha, jaf li jkollna bżonn ngħaddu ħin b’ ħalqna magħluq u sempliċiment noqogħdu nisimgħu lil ħaddieħor ikanta, u nippruvaw niksbu l-qawwa mill-mużika meraviljuża ta’ madwarna. Ħafna minna li “m’aħniex mużikalment daqshekk tajbin” wasalna biex kabbarna l-kunfidenza tagħna u biex tjibna fil-kant tagħna billi sempliċiment poġġejna ħdejn xi ħadd li għandu leħen aktar b’ saħħtu u sod minn tagħna. Mingħajr dubju dan ifisser li meta aħna nkunu qed inkantaw l-għanjiet tal-eternità, aħna għandna nibqgħu viċini kemm hu umanament possibbli tas-Salvatur u l-Feddej tad-dinja—li Hu intunat b’ mod mill-aktar perfett. Imbagħad aħna nkunu nistgħu nkabbru l-kuraġġ tagħna minħabba l-abbiltà Tiegħu li jisma’ s-silenzju tagħna u naslu biex nimtlew bit-tama minħabba l-interċessjoni messjanika u melodjuża Tiegħu f’ isimna. Verament hu “meta l-Mulej ikun viċin” li “l-ħamiema tal-paċi tkanta f’ qalbna u l-fjur tal-grazzja jidher.”5

F’ dawk il-ġranet li fihom inħossuna li m’aħniex daqstant intonati, jew li intonati ftit anqas milli naħsbu li qed naraw jew nisimgħu f’ ħaddieħor, jiena nitlob biex aħna lkoll, speċjalment iż-żgħażagħ tal-Knisja, niftrakru li huwa minħabba pjan divin li l-ilħna kollha fil-kor ta’ Alla mhumiex kollha l-istess. Hemm bżonn tal-varjetà—soprani u alti, baritoni u baxxi—biex il-mużika tkun sabiħa. Ippermettuli nisraq linja kkwotata f’ ittra mill-isbaħ li kienet parti minn korrispondenza bejn żewġ nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem mill-aktar meraviljużi: “Il-ħlejjaq ta’ Alla kollha għandhom post fil-kor.”6 Meta aħna nħarsu b’ apatija lejn il-karatteristiċi uniċi tagħna jew nippruvaw nikkonformaw ma’ xi sterjotipi fittizji—sterjotipi influwenzati minn kultura konsumista bla valuri u li tiġi idolizzata fuq il-midja soċjali—aħna nispiċċaw nitilfu s-sabiħ tat-ton u l-leħen li Alla xtaq li jkollna meta Huwa ħoloq dinja b’ daqstant diversità.

Issa, dan ma jfissirx li kulħadd f’ dan il-kor divin jista’ sempliċiment jibda jkanta l-oratorju personali tiegħu jew tagħha! Id-diversità mhux xi ħoss konfuż u jeħtieġ li fil-korijiet ikun hemm id-dixxiplina—u għall-għan tagħna llum, Presbiteru Hales, jien nasal ngħid id-dixxipli—iżda la darba naċċettaw il-kliem żvelat b’ mod divin u l-orkestrazzjoni armonjuża li ġew miktubin qabel ma nħolqot id-dinja, imbagħad Missierna tas-Smewwiet jieħu gost ferm li aħna nkantaw bil-leħen uniku tagħna, mhux b’ leħen ħaddieħor. Emmnu fikom infuskom, u emmnu fih. Tiddegradawx il-valur tagħkom jew il-kontribuzzjoni tagħkom. Fuq kollox, tabbandunawx l-irwol tagħkom fil-kor. Għalfejn? Għaliex intom uniċi; intom ħadd ma jista’ jieħu postkom. In-nuqqas imqar ta’ leħen wieħed idgħajjef lil kull kantant ieħor f’ dan il-kor mortali tagħna, u dan ifisser ukoll in-nuqqas ukoll ta’ dawk li jaħsbu li mhumiex aċċettati mis-soċjetà jew fil-Knisja.

Iżda anke hekk kif jiena qed inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom biex ikollkom il-fidi f’ dawk l-għanjiet li jafu huma xi ftit diffiċli biex tkantawhom, jiena l-ewwel wieħed li nammetti li għal raġunijiet differenti jiena wkoll insibha diffiċli b’ ċerta tipi ta’ għanjiet li suppost qegħdin—iżda għadna m’aħniex— inkantaw.

Meta jiena nara l-inugwaljanza ekonomika tant kbira li hawn fid-dinja, jien inħossni ftit ħati nkanta flimkien mas-Sinjura Hewitt dwar “barkiet li Alla qed jagħtini bħalissa, u għall-ferħ li hemm imħejji għalija fis-smewwiet.”7 Dak il-kor ma jistax ikanta verament b’ ferħ daqstant kbir sakemm aħna b’ mod onorabbli ma nibdewx nieħdu ħsieb tal-foqra. Il-faqar ekonomiku huwa sofferenza li dejjem qed tiżdied, sena wara sena u ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni. Jagħmel il-ħsara lill-ġisem, iweġġa’ l-ispirtu u l-familji, u jeqred il-ħolm. Jekk ilkoll kemm aħna jirnexxilna nagħmlu xi ħaġa aktar milli qed nagħmlu biex innaqqsu l-faqar, kif ikkmandana nagħmlu ripetutament Ġesù, forsi xi wħud minn ħutna anqas iffortunati fid-dinja jkunu jistgħu jkantaw ftit min-noti tal-għanja “Ix-xemx qed tiddi f’ ruħi llum,” forsi għall-ewwel darba f’ ħajjithom.

Jiena wkoll insibha diffiċli nkanta kliem xemxi u ferrieħi meta hawn tant nies madwarna li qed isofru minn mard mentali u emozzjonali, jew li min minħabba diffikultajiet kbar f’ saħħithom iħossuhom verament limitati x’ jistgħu jagħmlu. Sfortunatament, it-tagħbija ta’ dan il-mard xi kultant tibqa’ tippersisti minkejja l-isforzi qalbenin ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom, fosthom il-membri tal-familja tagħhom. Jiena nitlob biex ma nħallux lil dawn ulied Alla jsofru fis-silenzju u biex aħna wkoll niġu mogħnija bil-kapaċità Tiegħu li nisimgħu l-għanjiet li huma ma jistgħux ikantaw.

U xi darba nittama li kor kbir minn madwar id-dinja jasal biex ikanta f’ armonija flimkien, fejn ikun magħmul minn nies ta’ razez u gruppi etniċi differenti fejn huma lkoll jiddikjaraw li l-użu tal-armamenti u l-kummenti dispreġġattivi mhumiex mod kif għandna nittrattaw il-kunflitt umani. Id-dikjarazzjonijiet tas-sema dejjem qalulna li l-uniku mod kif il-problemi soċjali diffiċli nistgħu nirrisolvuhom b’ mod sodisfaċenti hu billi nħobbu lil Alla u nżommu l-kmandamenti Tiegħu, u b’hekk nispiċċaw niftħu l-bieb għal triq ta’ fidwa dejjiema li twassalna biex inħobbu lil xulxin bħala ġirien ta’ xulxin. Il-profet Għeter għallem li aħna għandna “nittamaw għal dinja aħjar.” Wara li elf sena wara Moroni, imxebba’ kif kien bil-gwerra u l-vjolenza, qara dan il-ħsieb, huwa ddikjara li “l-aqwa mod” biex dan iseħħ fid-dinja hu permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.8

Kemm aħna grati li f’ nofs dawn l-isfidi kollha, minn żmien għall-ieħor, tfeġġ f’ ħajjitna għanja oħra differenti li, għal raġuni għal kollox differenti, ma nkunux kapaċi nkantaw. Dan hu meta nħossu ġewwa fina sentimenti mill-aktar profondi u personali, saħansitra mill-aktar sagri, li la nkunu kapaċi nesprimu jew li m’għandniex nesprimu—bħall-imħabba ta’ Kordelja għal missierha, li dwar dan hija kitbet, “Imħabbti … aktar prezzjuża minn ilsieni. … ma nistax nesprimi qalbi permezz ta’ fommi.”9 Meta dawn is-sentimenti jaslu għandna bħala xi ħaġa mill-aktar qaddisa, aħna ma nkunux kapaċi nlissnuhom—isiru spiritwalment ineffabbli—bħat-talba li Ġesù offra lit-tfal Nefiti. Dak li kienu xhieda ta’ din il-ġrajja kitbu:

“L-ebda għajn qatt ma rat, u l-ebda widna qatt ma semgħet ... ħwejjeġ daqstant kbar u meraviljużi daqs meta aħna rajna u smajna lil Ġesù jkellem lil Missier; 

“… L-ebda lsien ma jista’ jlissen, u l-ebda bniedem ma jista’ jikteb, u l-ebda qalb ta’ bniedem ma tista’ tħoss ħwejjeġ tant kbar u meraviljużi bħalma aħna rajna u smajna lil Ġesù jgħid.10

Ħadd ma jlissen il-kliem li jingħad f’ mumenti mqaddsa bħal dawn għaliex li aħna nlissnuhom, anki jekk dan xi darba jkun possibbli, jaf jiġi kkunsidrat bħala profanazzjoni.

Ħuti, aħna ngħixu f’ dinja mortali mimlija b’ għanjiet li għalissa ma nistgħux, jew li m’aħiex inkantaw. Iżda jiena nitolb bil-ħerqa lil kull wieħed u waħda minna sabiex aħna nibqgħu nagħmlu parti mill-kor u ngħożżu għal dejjem dik l-għanja mill-aktar prezzjuża fost l-għanjiet oħra kollha—“l-għanja tal-imħabba feddejja.”11 Fortunatament, il-postijiet għal din l-għanja partikolari huma bla limitu. Hemm post għal dawk li jitkellmu lingwa differenti, jiċċelebraw kulturi diversi u li huma ġejjin minn kull pajjiż. Hemm post għal min mhux miżżeweġ, għall-miżżewġin, għal familji kbar u għal dawk mingħajr tfal. Hemm post għal dawk li darba kellhom xi mistoqsijiet dwar il-fidi u post ukoll għal dawk li għad għandhom dawn il-mistoqsijiet. Hemm post għal dawk li għandhom attrazzjoni sesswali differenti. F’ kelma waħda, hemm post għal kull min iħobb lil Alla u jonora l-kmandamenti Tiegħu bħala l-istandard invjolabbli li bih titkejjel l-imġieba personali tagħna, għaliex jekk l-imħabba ta’ Alla hija l-melodija tal-għanja li lkoll għandna nkantaw flimkien, bla dubju mela li x-xewqa li aħna lkoll għandna li nobduh hija l-armonija indispensabbli tagħha. Bil-kmandamenti divini tal-imħabba u l-fidi, l-indiema u l-kompassjoni, hemm post f’ dan il-kor għal dawk kollha li jixtiequ jkunu jagħmlu parti minnu.12 “Ejjew kif intom,” Missierna li tant iħobbna jgħid lil kull wieħed u waħda minna, iżda Huwa jżid, “Tippjanawx li tibqgħu kif intom.” Aħna nitbissmu u niftakru li Alla huwa determinat li jagħmel minna aktar milli aħna naħsbu li hu possibbli.

F’ dan l-oratorju mill-aqwa li hu l-pjan Tiegħu għall-eżaltazzjoni tagħna, jalla aħna b’ umiltà nimxu wara l-bakketta Tiegħu u nkomplu naħdmu fuq dawk l-għanjiet li għadna ma nistgħux inkantaw, sakemm aħna nkunu nistgħu noffru dawk “l-għanjiet lis-Sultan tagħna.”13 Imbagħad xi darba, kif tgħid l-għanja għażiża tagħna:

Ejjew inkantaw mal-armati tas-sema,

Osanna, osanna lill-Missier u l-Ħaruf! …

... Hekk kif Ġesù l-Mulej jinżel bil-karru kollu nar!14

Jiena nixhed li dik is-siegħa għad tasal, li Alla l-Missier Etern tagħna se jerġa’ jibgħat fid-dinja lill-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, din id-darba biex jiggverna u jsaltan bħala s-Sultan tas-Slaten għal dejjem. Jiena nixhed li din hi l-Knisja rrestawrata Tiegħu u l-vettura li permezz tagħha jitwassal it-tagħlim u l-ordinanzi tas-salvazzjoni tal-evanġelju lill-umanità kollha. Meta l-messaġġ Tiegħu “jippenetra kull kontinent u jżur kull klima,”15 ikun sewwasew meta Ġesù “juri l-wiċċ imbissem tiegħu.”16 Dak inhar ix-xemx verament se tkun qed tiddi b’ qawwa kbira fir-ruħ b’ mod etern. Li tasal din is-siegħa mwiegħda, jiena nitlob b’ ħerqa f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “There Is Sunshine in My Soul Today,” Hymns, no. 227.

  2. Hymns, no. 227.

  3. Hymns, no. 227.

  4. Rumani 8:25.

  5. Hymns, no. 227.

  6. Bill Staines, “All God’s Critters Got a Place in the Choir,” f’ Laurel Thatcher Ulrich and Emma Lou Thayne, All God’s Critters Got a Place in the Choir (1995), 4.

  7. Hymns, no. 227.

  8. Ara Ether 12:4, 11.

  9. William Shakespeare, King Lear, l-1 att, l-1 xena, linji 79–80, 93–94.

  10. 3 Nephi 17:16–17; enfażi miżjuda.

  11. Alma 5:26; ara wkoll Alma 2613.

  12. Ara 2 Nephi 26:33.

  13. Hymns, no. 227.

  14. “L-Ispirtu ta’ Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 28.

  15. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 142.

  16. Hymns, no. 227.

Ipprintja