Is-Sbuħija tal-Qdusija
Missierna tas-Smewwiet ipprovdielna dak kollu li hu meħtieġ biex aħna nkunu nistgħu nitqaddsu kif inhu qaddis Hu.
Hekk kif kont qed inħejji għal din il-laqgħa, jien ħassejt bħal qalbi titqanqal għal ħafna minn ħuti n-nisa fidili li jiena ltqajt magħhom minn bosta pajjiżi fid-dinja, kemm li jinsabu viċin kif ukoll ‘il bogħod. Għalija, l-aħjar mod kif nista’ niddiskrivihom hu permezz ta’ salm ta’ ringrazzjament mis-Sultan David: “Agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu. Ġibulu l-offerti u idħlu quddiemu; inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis.”1
Jiena rajt is-sbuħija tal-qdusija f’ dawk l-aħwa li għandhom qalbhom iċċentrata fuq dak kollu li hu tajjeb, li jixtiequ jsiru jixbhu aktar lis-Salvatur. Huma offrew ruħhom kollha, qalbhom kollha, moħħhom kollu u l-qawwa u s-saħħa tagħhom kollha lill-Mulej bil-mod li bih huma jgħixu ħajjithom kuljum.2 Il-qdusija niksbuha meta aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nobdu l-kmandamenti u nonoraw il-patti li aħna għamilna ma’ Alla. Il-qdusija niksbuha billi nagħmlu dawk l-għażliet li permezz tagħhom aħna jkollna dejjem magħna l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna.3 Il-qdusija niksbuha meta aħna nwarrbu fil-ġenb it-tendenzi naturali tagħna u nsiru “qaddisin permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu l-Mulej.”4 “Kull mument ta’ ħajjitna għandu jkun qdusija lill-Mulej.”5
L-Alla tas-smewwiet talab lil ulied Iżrael, “Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis, u ma għandkomx titniġġsu.”6
Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem: “Missierna tas-Smewwiet huwa Alla li jistenna ħafna minna. … Huwa jipproponi li jqaddisna ħalli aħna nkunu nistgħu ‘ngħixu fil-glorja ċelestjali’ (D&C 88:22) u ‘ngħammru fil-preżenza tiegħu’ (Moses 6:57).”7 Lectures on Faith jispjega, “L-ebda esseru ma jista’ jgawdi l-glorja tiegħu mingħajr ma jkun jippossedi l-perfezzjoni u l-qdusija tiegħu.”8 Missierna tas-Smewwiet jafna lkoll. Huwa jħobbna, u Huwa pprovda għalina dak kollu meħtieġ biex aħna nkunu nistgħu nitqaddsu kif inhu qaddis Hu.
Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet, u kollha kemm aħna għandna fina wirt divin ta’ qdusija. Missierna tas-Smewwiet iddikjara, “Araw, Jiena Alla; Bniedem ta’ Qdusija hu ismi.”9 Fid-dinja primortali, aħna konna nħobbu lil Missierna u konna nadurawh. Aħna lkoll xtaqna li nkunu bħalu. B’imħabba perfetta ta’ missier Huwa offra lil Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Huwa Bin il-Bniedem ta’ Qdusija.10 Ismu “hu Qaddis”,11 il-Qaddis ta’ Israel.12
It-tama tagħna għall-qdusija hija ċċentrata fuq Kristu, fil-ħniena Tiegħu u l-grazzja Tiegħu. B’ fidi f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, aħna nistgħu nindafu, mingħajr tebgħa, meta aħna niċħdu lilna nfusna minn kull ħażen13 u sinċerament nindmu. Aħna nitgħammdu permezz tal-ilma għall-maħfra tad-dnubiet. Ruħna titqaddes meta aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu b’ qalbna kollha. Kull ġimgħa, aħna nieħdu sehem fl-ordinanza tas-sagrament. Fi spirtu ta’ ndiema b’ xewqa sinċiera għas-sewwa, aħna nagħmlu patt li aħna lesti li nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu, niftakru fih u nobdu l-kmandamenti Tiegħu biex aħna dejjem ikollna magħna l-Ispirtu Tiegħu. Maż-żmien, hekk kif aħna kontinwament nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insiru ħaġa waħda mal-Missier, mal-Iben u l-Ispirtu s-Santu, aħna nsiru werrieta tan-natura divina tagħhom.14
Il-Qdusija Niksbuha billi Nżommu l-Patti Tagħna
Aħna nagħrfu li huma ħafna l-isfidi, it-tentazzjonijiet u t- tribulazzjonijiet li jistgħu jżommuna milli nitbiegħdu minn dak kollu li quddiem Alla hu virtuż u ta’ min ifaħħru. Iżda l-esperjenzi mortali tagħna joffrulna l-opportunità li aħna nagħżlu l-qdusija. Ħafna drabi huma l-istess sagrifiċċji li aħna nagħmlu ħalli nkunu nistgħu nżommu l-patti tagħna li jwasslu biex jissantifikawna u jqaddsuna.
Jiena rajt il-qdusija fuq wiċċ Evangeline, tifla ta’ 13-il sena ġewwa l-Ghana. Wieħed mill-modi kif hija żżomm il-patti tagħha hu billi tkabbar is-sejħa tagħha bħala president tal-klassi tat-Tfajliet iż-żgħar li tissejjaħ il-klassi tal-Beehive. B’ umiltà hija spjegatli dwar iż-żjajjar li kienet tagħmel fid-djar ta’ sħabha, it-tfajliet anqas attivi, biex tkun tista’ tistaqsi lill-ġenituri tagħhom jekk iħalluhomx jattendu l-knisja. Il-ġenituri jgħidulha li diffiċli li dan isir peress li nhar ta’ Ħadd it-tfal jeħtieġ li jagħmlu x-xogħol tad-dar. Għalhekk Evangeline tmur u tgħinhom bix-xogħol tad-dar tagħhom, u grazzi għall-isforzi tagħha sħabha ħafna drabi jispiċċaw jitħallew jattendu l-knisja.
Jekk aħna nżommu l-patti marbutin magħhom, l-ordinanzi sagri tas-saċerdozju jaslu biex jibdluna, iqaddsuna u jħejjuna biex nidħlu fil-preżenza tal-Mulej.15 Biex b’ hekk aħna nkunu nistgħu nġorru t-tagħbija ta’ xulxin; u nsaħħu lil xulxin. Aħna niksbu maħfra tad-dnubiet meta aħna noffru l-għajnuna spiritwali u temporali lill-foqra, lil min hu bil-ġuħ u għeri u lill-morda.16 Aħna nżommu lilna nfusna bla tebgħa mid-dinja meta aħna nqaddsu jum il-Ħadd u b’ mod den nirċievu s-sagrament fil-jum imqaddes tal-Mulej.17
Aħna nbierku l-familji tagħna u nagħmlu minn darna post qaddis. Aħna nrażżnu l-passjonijiet tagħna ħalli nkunu nistgħu nimtlew b’ imħabba pura u dejjiema.18 Aħna nilħqu lil ħaddieħor bi tjubija, b’ kompassjoni u billi nieqfu bħala xhieda ta’ Alla. Aħna nsiru nies ta’ Sijon, nies ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, nies puri li jgħammru flimkien f’ għaqda u tjubija.19 “Għaliex Sijon għandu jikber fis-sbuħija u l-qdusija.”20
Ħuti, ejjew fit-tempju. Jekk aħna rridu nkunu nies qaddisa mħejjija biex nirċievu lis-Salvatur fil-miġja Tiegħu, aħna għandna nqumu u nilbsu fuqna l-ilbies sabiħ tagħna.21 Bil-qawwa u bl-unur, aħna nabbandunaw it-triqat tad-dinja u nżommu l-patti tagħna sabiex aħna nkunu nistgħu “nitlibbsu bis-safa, iva sewwasew bil-mantar tal-ġustizzja.”22
Il-Qdusija Niksbuha meta Naċċettaw l-Ispirtu s-Santu bħala l-Gwida Tagħna
Il-qdusija hija don tal-Ispirtu. Aħna naċċettaw dan id-don meta aħna nagħżlu li nagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jkabbru f’ ħajjitna l-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu.
Meta Marta laqgħet lil Ġesù Kristu f’ ħajjitha, hija ħasset fiha xewqa tremenda li taqdi lill-Mulej bl-aħjar mod li kienet taf. Oħtha, Marija, għażlet li tpoġġi bilqiegħda “f’ riġlejn il-Mulej” u tisma’ l-kelma Tiegħu. Meta Marta ħasset li mhux sew li oħtha ma kenitx qed tgħinha sservi, hija ilmentat, “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss?”
Jogħġobni ferm il-kliem tal-aktar ċanfira ġentili li qatt nista’ nimmaġina. B’ imħabba perfetta u b’ kompassjoni infinita, is-Salvatur widdibha:
“Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;
“Imma waħda hi meħtieġa: u Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”23
Ħuti, jekk aħna rridu nkunu qaddisa, jeħtieġ li aħna nitgħallmu npoġġu bilqiegħda f’ riġlejn il-Qaddis ta’ Israel, u nħallu ħin għall-qdusija. Qegħdin aħna nwarrbu ftit it-telefon, il-lista twila ta’ ħwejjeġ li għandna nagħmlu, u l-inkwiet tad-dinja? Meta aħna nitolbu, nistudjaw u nisimgħu l-kelma ta’ Alla, aħna nkunu qed nistiednu l-imħabba Tiegħu li tnaddaf u tfejjaq ruħna. Ejjew niddedikaw ħin biex fih aħna nitqaddsu bl-Ispirtu, sagru u li jqaddisna. Bl-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna, aħna nkunu mħejjija biex nirċievu lis-Salvatur fis-sbuħija tal-qdusija.24
Il-Qdusija Niksbuha meta Aħna Nsiru Qaddisin permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu
Skont il-kliem ispirat tas-Sultan Benjamin, dawk li saru qaddisin permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu huma dawk li huma sottomessi, mansi, umli, paċenzjużi u kollhom imħabba.25 Huwa pprofetizza li Ġesù Kristu, “il-Mulej Omnipotenti li jsaltan, li kien, u għadu mill-eternità sal-eternità kollha, għandu jinżel mis-smewwiet fost ulied il-bnedmin, u għandu jgħammar f’ tabernaklu tat-tafal.” Huwa ġie biex ibierek lil min hu marid u magħtub, lit-torox u lill-għomja u jqajjem għall-ħajja lil dawk li mietu. Madankollu Huwa sofra “aktar milli bniedem qatt jista’ jsofri, sewwasew sal-mewt.”26 U għalkemm Huwa l-uniku bniedem li permezz tiegħu aħna nistgħu niksbu s-salvazzjoni, Huwa ġie mwaqqa’ għaċ-ċajt, imsawwat u msallab. Iżda l-Iben ta’ Alla qam mill-qabar sabiex aħna lkoll inkunu nistgħu negħlbu l-mewt. Huwa dak li se jieqaf biex jiġġudika d-dinja b’ ġustizzja. Huwa dak li se jifdina lkoll. Huwa l-Qaddis ta’ Israel. Ġesù Kristu huwa s-sbuħija tal-qdusija.
Meta n-nies tas-Sultan Benjamin semgħu kliemu, huma waqgħu mal-art, għax tant kienet kbira l-umiltà u l-qima tagħhom għall-grazzja u l-glorja ta’ Alla tagħna. Huma għarfu l-istat karnali tagħhom. Nagħrfu aħna d-dependenza sħiħa tagħna fuq il-grazzja u l-ħniena ta’ Kristu, il-Mulej? Nagħrfu aħna li kull rigal tajjeb, temporali u spiritwali, jasal għandna permezz ta’ Kristu? Niftakru aħna li skont il-pjan etern tal-Missier, aħna nistgħu niksbu l-paċi f’ din il-ħajja u l-glorja tal-eternità biss permezz ta’ Ibnu l-għażiż?
Jalla aħna ningħaqdu man-nies tas-Sultan Benjamin hekk kif huma għollew leħinhom b’ vuċi waħda, “Ikollok ħniena minna, u applika d-demm tal-fidwa ta’ Kristu sabiex aħna nirċievu maħfra ta’ dnubietna, u biex qalbna tiġi ppurifikata; għax aħna nemmnu f’ Ġesù Kristu, Iben Alla, li ħoloq is-sema u l-art u kull ħaġa oħra.”27
Jiena nixhed li hekk kif aħna mmorru quddiem il-Qaddis ta’ Israel, l-Ispirtu Tiegħu jiġi fuqna biex aħna nkunu nistgħu nimtlew bil-ferħ, nirċievu maħfra ta’ dnubietna u l-paċi tal-kuxjenza.
Missierna tas-Smewwiet tana lkoll il-kapaċità li nsiru bħalu. Jalla aħna nagħmlu lkoll l-almu tagħna biex inżommu l-patti tagħna u jkollna dejjem magħna l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna. B’ fidi f’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu nsiru qaddisin permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, li aħna nirċievu l-immortalità u l-ħajja eterna u lil Alla l-Missier nagħtuh il-glorja li jistħoqlu. Jalla ħajjitna tkun offerta sagra biex aħna nkunu nistgħu nieqfu quddiem il-Mulej fis-sbuħija tal-qdusija. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.