Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Novembru 2017
Tliet Aħwa Nisa
Aħna responsabbli għall-mod kif ngħixu bħala dixxipli, u dan ftit li xejn għandu x’ jaqsam—jekk għandu x’ jaqsam—mal-mod kif jittrattana ħaddieħor.
Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, hija ħaġa mill-aktar sinifikattiva u meraviljuża li qed nibdew din il-konferenza ġenerali b’ sezzjoni dinjija tal-aħwa nisa. Immaġinaw: aħwa nisa ta’ kull età li ġejjin minn ambjenti u ġnus differenti u jitkellmu b’ ilsna differenti, magħqudin fil-fidi u l-imħabba għall-Mulej Ġesù Kristu.
Hekk kif m’ilux aħna ltqajna mal-maħbub profeta tagħna, il-President Thomas S. Monson, huwa esprima magħna kemm hu verament iħobb lill-Mulej. U jiena naf li l-President Monson huwa grat ħafna għall-imħabba tagħkom, għat-talb tagħkom u għad-devozzjoni tagħkom lejn il-Mulej.
Ħafna żmien ilu, f’ pajjiż imbiegħed, kienet tgħix familja magħmula minn tliet aħwa nisa.
L-ewwel oħt kienet imdejqa. Kull ħaġa, minn imneħirha sa geddumha u minn ġildha sa subgħajha ta’ saqajha, ma kenitx tajba biżżejjed għaliha. Meta kienet titkellem, kliemha ħafna drabi kien jinstama’ goff mhux ħażin u n-nies kienu jidħqu biha. Meta xi ħadd jikkritikaha jew “jinsa” jistedinha għal xi ħaġa, hija malajr tiħmar, titlaq minn fejn tkun u tmur issib xi post sigriet fejn tkun tista’ toħroġ tnehida ta’ dwejjaq u tibda ssaqsi bejnha u bejn ruħha għaliex ħajjitha kellha tkun daqstant ta’ dwejjaq u infeliċi.
It-tieni oħt kienet irrabjata. Hija dejjem kienet tikkunsidra lilha nfisha bħala persuna mill-aktar intelliġenti, iżda dejjem kien ikun hemm xi ħadd li kien iġib marki aħjar fl-eżamijiet tal-iskola. Hija kienet tikkunsidra lilha nfisha bħala mara ċajtiera, sabiħa, affaxxinanti u tal-moda. Iżda dejjem jidher li jkun hemm xi ħadd ċajtier, sabiħ, affaxxinanti jew tal-moda aktar minnha.
Hija qatt ma ġiet l-ewwel f’ xejn, u dil-ħaġa ma kenitx tista’ għaliha. Il-ħajja mhux suppost tittrattaha b’ dan il-mod!
Xi kultant kienet tiżvoga r-rabja tagħha ma’ ħaddieħor, u kien jidher li hi dejjem kienet tkun lesta li tisplodi għal xi ħaġa jew oħra.
Bla dubju, dan ma kienx iwassal biex in-nies jinġibdu aktar lejha jew li hi tkun aktar popolari. Xi kultant hija kienet tgħażżeż snienha, tross il-ponn u tgħid bejnha u bejn ruħha, “Ara l-ħajja veru inġusta!”
Imbagħad kien hemm it-tielet oħt. B’differenza għal ħutha, imdejqa u irrabjata, hija kienet—mela, kuntenta. U dan mhux għax hija kienet aktar intelliġenti jew aktar sabiħa jew aktar kapaċi minn ħutha. Le, xi kultant anke lilha n-nies kienu jevitaw jew jinjoraw. Xi kultant kienu jgħadduha biż-żmien minħabba dak li kienet tilbes jew li kienet tgħid. Xi kultant kienu jgħidulha affarijiet biex iweġġgħuha. Iżda hi ma kenitx tħalli dan jinkwetaha żżejjed.
Din l-oħt kienet tħobb tkanta. Ma tantx kienet intunata ħafna, u n-nies kienu jidħqu meta tagħmel dan, iżda dan ma kienx iwaqqafha milli tkompli għaddejja. Hija kienet tgħid, “Jiena mhux se nħalli nies oħra u l-opinjonijiet tagħhom iżommuni milli nkanta!”
Il-fatt li hija kienet kompliet tkanta kien wassal biex l-ewwel oħt tagħha tħossha mdejqa u t-tieni oħt tħossha rrabjata.
Tgerbu s-snin, u eventwalment kull waħda minn dawn l-aħwa waslet fi tmiem tal-ħajja tagħha fid-dinja.
L-ewwel oħt, li skopriet għal diversi drabi li l-ħajja qatt ma tieqaf tiddiżappuntak, eventwalment mietet imdejqa.
It-tieni oħt, li kuljum kienet issib xi ħaġa ġdida li ma togħġobix, mietet irrabjata.
U t-tielet oħt, li għaddiet ħajjitha tkanta l-għanja tagħha bil-qawwa tagħha kollha u bi tbissima mimlija kunfidenza fuq wiċċha, mietet kuntenta.
Bla dubju, il-ħajja qatt ma tkun daqshekk sempliċi, u n-nies mhumiex daqshekk sempliċi u riġidi daqs dawn it-tliet aħwa f’ din l-istorja. Iżda anke eżempji estremi bħal dawn jistgħu jgħallmuna xi ħaġa dwarna nfusna. Jekk intom bħall-maġġoranza, jista’ jkun li għaraftu xi parti minkom f’ waħda minn dawn l-aħwa, jew forsi fi tnejn minnhom, jew forsi anke fit-tlieta li huma. Ejjew nagħtu ħarsa lejn kull waħda minnhom.
Il-Vittma
L-ewwel oħt kienet tħares lejha nnifisha bħala vittma—bħala xi ħadd li kulħadd imqabbad miegħu.1 Kien jidher li f’ ħajjitha bdiet isseħħ ħaġa wara l-oħra li bdiet twassalha biex tħossha daqstant miżerabbli. B’ dan il-mod li bih kienet tħares lejn il-ħajja, hija kienet qed tħalli f’ idejn ħaddieħor jiddeċiedi kif għandha tħossha jew ġġib ruħha. Meta aħna nagħmlu dan, aħna nispiċċaw niżżeffnu ma’ kull riħ ta’ opinjoni—u f’ dan iż-żmien fejn il-midja soċjali hi preżenti f’ kollox, dawk l-irjieħ jinsabu jonfħu b’ intensità ta’ uragan.
Għeżież ħuti, għalfejn għandkom tafdaw il-ferħ tagħkom f’ idejn ħaddieħor, jew f’ idejn xi grupp ta’ individwi, li ftit li xejn jimpurtahom minnkom jew mill-ferħ tagħkom?
Jekk taraw li qegħdin tinkwetaw dwar x’ jgħid ħaddieħor, ippermettuli nissuġġerixxi din l-antidot: ftakru intom min intom. Ftakru li intom ġejjin mid-dar irjali tas-saltna ta’ Alla, ulied nisa ta’ Ġenituri tas-Smewwiet, li jsaltnu fuq l-univers kollu.
Intom għandkom fikom id-DNA spiritwali ta’ Alla. Intom għandkom doni uniċi li oriġinaw fil-ħolqien spiritwali tagħkom u li ġew żviluppati matul l-eżistenza vasta tal-ħajja primortali tagħkom. Intom ulied Missierna tas-Smewwiet tant ħanin u etern, il-Mulej tal-Eżerċti, Dak li ħoloq l-univers, firex il-kwiekeb iteptpu mal-immensità tal-ispazju mill-aktar vast, u poġġa l-pjaneti fl-orbiti assenjati lilhom.
Intom tinsabu f’ idejh.
Tinsabu f’ idejn mill-aktar sodi.
Idejn kollha mħabba.
Idejn li jimpurtahom minnkom.
U l-ebda ħaġa li xi ħadd jista’ jgħid fuqkom ma tista’ qatt tbiddel dan. Kliemhom ma jiswa xejn imqabbel ma’ dak li qal fuqkom Alla.
Intom l-ulied prezzjużi Tiegħu.
Huwa jħobbkom.
Anke meta intom tiżolqu, anke meta intom titbiegħdu minnu, Alla xorta jħobbkom. Jekk tħossukom mitlufin, abbandunati jew minsijin—tibżgħux. Ir-Ragħaj it-Tajjeb żgur isibkom. Huwa jerfagħkom fuq spallejh. Huwa jġorrkom lura d-dar.2
Għeżież ħuti, jekk jogħġobkom araw li tħallu dawn il-veritajiet divini jippenetraw il-fond ta’ qalbkom. U intom issibu li għandkom bosta raġunijiet għalfejn ma tkunux imdejqin, għaliex intom għandkom destin etern li tridu taraw li jiġi fis-seħħ.
L-għażiż Salvatur tad-dinja ta ħajtu ħalli intom tagħżlu li dan id-destin isir realtà. Intom ħadtu fuqkom ismu, intom id-dixxipli Tiegħu. U minħabba fih, intom tistgħu tlibbsu lilkom innifiskom bl-ilbies tal-glorja eterna.
Dik Li Tobgħod
It-tieni oħt kienet tħossha rrabjata għad-dinja. Bħal oħtha l-imdejqa, hija kienet tħoss li l-problemi ta’ ħajjitha kienu kollha kkawżati minn xi ħadd ieħor. Hija kienet tagħti tort lill-familja tagħha, lil sħabha, lill-imgħallem tagħha u lill-ħaddiema sħabha tax-xogħol, lill-pulizija, lill-ġirien, lill-mexxejja tal-Knisja, lill-moda ta’ żmienha, saħansitra anke lill-intensità tar-radjazzjoni solari jew sempliċiment lil xortiha ħażina. U hija tiżvoga kontrihom ilkoll.
Hija ma kenitx tħares lejha nnifisha bħala xi persuna ħażina. Mhux talli hekk talli kienet tħoss li hija kienet tkun qed tiddefendi ruħha. Hi kienet temmen li n-nies l-oħra kollha kienu motivati mill-egoiżmu, mill-fittaġni u mill-mibegħda. Hi, mill-banda l-oħra, kienet timmotiva ruħha minn intenzjonijiet tajbin—mill-ġustizzja, l-integrità u l-imħabba
Sfortunatament, il-mod kif kienet taħsibha l-oħt irrabjata huwa mod komuni ħafna. Dan ġie nnutat fi studju riċenti li kien jesplora l-kunflitt li hemm bejn ċerti gruppi rivali. Bħala parti mill-istudju, ir-riċerkaturi intervistaw nies Palestinjani u Iżraeljani ġewwa l-Lvant Nofsani, kif ukoll nies Repubblikani u Demokratiċi ġewwa l-Istati Uniti. Huwa sabu li “kull naħa kienet tikkunsidra li l-grupp tagħha kien immotivat mill-imħabba aktar milli mill-mibegħda, iżda meta ġew mistoqsijin għalfejn il-grupp rivali kien jinsab f’ dak il-kunflitt, huma kienu jsemmu l-mibegħda bħala l-fattur ewlieni li kien jimmotiva lill-grupp l-ieħor.”3
Fi kliem ieħor, kull grupp jikkunsidra lilu nnifsu bħala “in-nies it-tajbin”—ġusti, twajbin u onesti. B’ kuntrast għal dan, huma kienu jħarsu lejn ir-rivali tagħhom bħala “in-nies il-ħżiena”—mhux infurmati, diżonesti, saħansitra ulied il-ħażen.
Fis-sena li fiha twelidt jien, id-dinja kienet għaddejja minn gwerra terribbli li kkawżat lid-dinja niket enormi u dulur mill-aktar kbir. Din il-gwerra ġiet ikkawżata mill-pajjiż li ġej minnu jiena—minn grupp ta’ nies li kienu jidentifikaw ċerti gruppi oħra bħala nies ħżiena u li kienu jinkoraġġixxu l-mibegħda lejhom.
Huma għalqu ħalq lil dawk kollha li ma kellhomx grazzja magħhom. Huma umiljawhom u ddemonizzawhom. Huma kienu jikkunsidrawhom bħala kreaturi inferjuri—saħansitra anqas minn bniedem uman. La darba inti tiddegrada xi grupp ta’ nies, hemm ċans akbar li inti tiġġustifika ċertu kliem u atti ta’ vjolenza kontrihom.
Inħossni nitkexkex meta naħseb dwar dak li ġara fis-seklu għoxrin ġewwa l-Ġermanja.
Meta xi nies jopponu jew ma jaqblux magħna, tiġina t-tentazzjoni li nassumu li fihom hemm xi ħaġa ħażina żgur. U dan jaf ikun biss pass żgħir lejn li aħna nibdew nassumu li huma jkollhom mottivi mill-aktar ħżiena għal kull ħaġa li jgħidu u jagħmlu.
M’hemmx dubju li aħna għandna dejjem niddefendu dak li hu xieraq, u jkun hemm mumenti meta aħna jkollna nsemmgħu leħinna għal dik il-kawża. Madankollu, meta aħna nagħmlu dan b’ rabja jew b’ mibegħda f’ qalbna—meta aħna niżvogaw f’ ħaddieħor biex inweġġgħuh, numiljawh jew nagħlqulu ħalqu—iċ-ċans hu li aħna ma nkunux qed nagħmlu dan b’ intenzjoni tajba.
X’ jgħallem is-Salvatur?
“Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom;
“Biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.”4
Dan hu li jrid is-Salvatur. Huwa l-ewwel pass biex aħna nkissru l-ostakli li joħolqu tant rabja, tant mibegħda, tant firda u tant vjolenza fid-dinja.
“Iva,” tafu tgħidu, “Jiena lest li nħobbhom lill-għedewwa tiegħi—dejjem jekk huma jkunu lesti li jagħmlu l-istess.”
Iżda dan m’għandu x’ jaqsam xejn, mhux hekk? Aħna responsabbli għall-mod kif ngħixu bħala dixxipli, u dan ftit li xejn għandu x’ jaqsam—jekk għandu x’ jaqsam—mal-mod kif jittrattana ħaddieħor. Aħna ovvjament nittamaw li huma wkoll jirreċiprokaw dan billi jifhmuna u jkunu karitattevoli, iżda l-imħabba tagħna lejhom ma tiddependix minn kif huma jħossuhom dwarna.
Iżda l-isforz tagħna li nħobbu l-għedewwa tagħna jaf iwassal biex irattab qalbhom u jinfluwenzahom għat-tajjeb. Jista’ jkun li ma jwassalx għal dan. Iżda dan m’għandux jibdel l-impenn tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu.
Għalhekk, bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, aħna għandna nħobbu l-għedewwa tagħna.
Aħna għandna negħlbu r-rabja jew il-mibegħda.
Aħna għandna nimlew qalbna b’ imħabba lejn l-ulied kollha ta’ Alla.
Aħna nagħmlu li nistgħu biex inbierku lil ħaddieħor u ngħinuh—anke lil dawk li jafu “jippersegwitawna.”5
Id-Dixxiplu Awtentiku
It-tielet oħt tirrappreżenta d-dixxiplu awtentiku ta’ Ġesù Kristu. Hija wettqet xi ħaġa li taf tkun verament diffiċli biex inwettquha: hija kompliet tafda f’ Alla anke meta ħabbtet wiċċha mar-ridikulaġni u t-tbatija. B’ xi mod hija baqgħet soda fil-fidi u t-tama tagħha, minkejja ż-żuffjett u ċ-ċiniżmu minn nies ta’ madwarha. Hija kienet tgħix ħajja kuntenta mhux għaliex iċ-ċirkustanzi tagħha kienu pjaċevoli iżda għaliex hija kienet pjaċevoli.
Ħadd minna ma jimxi f’ dan il-vjaġġ tal-ħajja mingħajr oppożizzjoni. B’ daqstant forzi jippruvaw ibegħduna mill-verità, aħna kif nistgħu nżommu l-viżjoni tagħna ffokata dejjem fuq il-ferħ glorjuż imwiegħed lill-fidili?
Jiena nemmen li t-tweġiba nistgħu nsibuha f’ ħolma li wieħed profeta kellu bosta snin ilu. Il-profeta kien jismu Leħi, u l-ħolma tiegħu nsibuha fil-ktieb mill-aktar prezzjuż u meraviljuż, il-Ktieb ta’ Mormon.
Fil-ħolma tiegħu, Leħi ra quddiemu għalqa kbira, u fiha kien hemm siġra mill-isbaħ, li s-sbuħija tagħha diffiċli tiddeskriviha. Huwa ra wkoll gruppi kbar ta’ nies resqin lejn is-siġra. Huma riedu jduqu l-frott glorjuż tagħha. Huma ħassew u emmnu li l-frott tagħha kien se jimliehom b’ ferħ kbir u paċi dejjiema.
Kien hemm mogħdija dejqa li kienet twassal sa fejn is-siġra, u ma’ tulha kien hemm bastun tal-ħadid li kien jgħinhom jibqgħu fil-mogħdija. Iżda kien hemm ukoll dalma ċpar li minħabba fiha la setgħu jaraw sew il-mogħdija u lanqas is-siġra. U jista’ jkun li ta’ periklu akbar minn hekk kien il-ħoss tad-daħq jgħajjat u tar-ridikulaġni li kien ġej minn bini kbir u spazjuż fil-viċin. Verament xokkanti l-fatt li dan iż-żuffjett wassal biex saħansitra ikkonvinċa lil xi nies li kienu waslu sa ħdejn is-siġra u li kienu diġà daqu l-frott meraviljuż u huma spiċċaw biex inħakmu mill-mistħija u telqu lil hinn mill-mogħdija li kienu fiha.6
Jista’ jkun li huma bdew jiddubitaw jekk is-siġra kenitx verament daqshekk sabiħa kif kienu jarawha qabel. Jista’ jkun li huma bdew jiddubitaw ir-realtà ta’ dak li kienu esperjenzaw.
Forsi ħasbu li jekk huma jitbiegħdu mis-siġra, il-ħajja kienet se tkun aktar faċli. Forsi issa ħadd ma kien se jirredikulahom jew jidhaq bihom aktar.
U fil-fatt, in-nies li kienu qed jgħaddu ż-żmien bihom kienu jidhru li kienu nies kuntenti u qed igawdu mhux ħażin. Għalhekk jekk huma kienu se jiddeċiedu li jabbandunaw is-siġra, huma kienu se jiġu milqugħin fil-kongregazzjoni tal-bini kbir u spazjuż u jiġu mfaħħra minħabba d-deċiżjoni, l-intelliġenza u s-sofistikazzjoni tagħhom.
Ibqgħu fil-Mogħdija
Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, jekk intom issibuha xi ftit diffiċli biex tibqgħu żżommu sod mal-bastun tal-ħadid u timxu kostantement lejn is-salvazzjoni; jekk iż-żuffjett u r-ridikulaġni ta’ min jidher mimli bil-kunfidenza jwassalkom biex tibdew taqtgħu qalbkom; jekk tinsabu mħassbin minħabba ċerta mistoqsijiet jew duttrina li għadkom ma tistgħux tifhmu; jekk tħossukom imnikktin minħabba ċerti diżappunti, bil-ħerqa nitlobkom biex tiftakru fil-ħolma ta’ Leħi.
Ibqgħu fil-Mogħdija!
Qatt titilqu minn idejkom il-bastun tal-ħadid—il-kelma ta’ Alla!
U meta xi ħadd jipprova jumiljakom għaliex tkunu qegħdin tgawdu mill-imħabba ta’ Alla, injorawh.
Qatt tinsa li inti bint Alla; barkiet hemm merfugħin; tgħallem biex kliemu inti tgħix, biex ħdejh int terġa’ tmur!7
Il-wegħdiet ta’ tifħir u aċċettazzjoni mid-dinja mhux ta’ min joqgħod fuhom, mhumiex vera u ma jissodisfawkomx. Il-wegħdiet ta’ Alla huma ċerti, vera u jwasslu għall-ferħ—issa u għal dejjem.
Nistedinkom biex tikkunsidraw ir-reliġjon u l-fidi minn perspettiva ogħla. M’hemm xejn fil-bini kbir u spazjuż li tista’ tikkumparah mal-frott li wieħed jirċievi meta huwa jgħix l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Verament, “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”8
Jiena sirt naf għalija nnifsi li l-mogħdija li aħna nimxu fiha bħala dixxipli fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hija t-triq li twassal għall-ferħ. Hija t-triq li twassal għas-sigurtà u l-paċi. Hija t-triq li twassal għall-verità.
Jiena nixhed li permezz tad-don u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom stess tistgħu ssiru tafu dan.
Intant, jekk it-triq għalikom issir waħda diffiċli, nittama li intom issibu refuġju u qawwa fl-organizzazzjonijiet meraviljużi tal-Knisja: il-Primarja, it-Tfajliet u s-Soċjetà tal-Għajnuna. Huma bħal post fejn wieħed jista’ jistrieħ daqsxejn tul it-triq, fejn intom tistgħu ġġeddu l-kunfidenza u l-fidi tagħkom għall-kumplament tal-vjaġġ. Huma refuġju, fejn intom tistgħu tħossu sens ta’ appartenenza u tirċievu ċertu inkuraġġiment mingħand ħutkom u sħabkom id-dixxipli.
Il-ħwejjeġ li titgħallmu fil-Primarja jħejjukom għal aktar veritajiet li titgħallmuhom bħala tfajliet. Il-mogħdija li fiha intom timxu bħala dixxipli fil-klassijiet tat-Tfajliet twassalkom għas-sħubija u għar-relazzjoni ta’ bejn l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Ma’ kull pass li tagħmlu tul it-triq, intom tingħataw aktar opportunitajiet biex turu l-imħabba tagħkom lejn ħaddieħor permezz ta’ għemejjel ta’ fidi, kompassjoni, karità, virtù u servizz.
L-għażla tagħkom li timxu fit-triq li fiha jimxu d-dixxipli twassalkom għal ferħ u sodisfazzjon inspjegabbli minħabba n-natura divina tagħkom.
Mhux se tkun faċli. Teħtieġ li intom toffru l-aqwa kwalitajiet tagħkom—l-intelliġenza, il-kreattività, il-fidi, l-integrità, il-kapaċitajiet, id-determinazzjoni u l-imħabba kollha li tistgħu toffru. Iżda għad jasal il-jum li fih intom tħarsu lura lejn l-isforzi tagħkom, u araw, verament intom se tkunu grati li bqajtu b’ saħħitkom, li bqajtu temmnu u li ma tlaqtux timxu lil hinn mill-mogħdija.
Ibqgħu Mexjin
Fil-ħajja jafu jseħħu ħwejjeġ li ma jkollkomx kontroll fuqhom. Iżda ultimament, intom għandkom il-qawwa li tagħżlu kemm id-destinazzjoni kif ukoll ħafna mill-esperjenzi li intom tesperjenzaw tul it-triq. Aktar mill-kapaċitajiet tagħkom, huma l-għażliet tagħkom li jagħmlu d-differenza fil-ħajja.9
Ma tistax tħalli ċ-ċirkustanzi jwassluk biex tkun imdejqa.
Ma tistax tħallihom iwassluk biex tkun irrabjata.
Jeħtieġ li inti tifraħ verament għax inti bint Alla. Inti tista’ ssib il-ferħ u l-hena fil-grazzja ta’ Alla u fl-imħabba ta’ Ġesù Kristu.
Inti tista’ tkun kuntenta.
Bil-ħerqa nitlobkom biex timlew qlubkom bi gratitudni għat-tjubija abbundanti u bla limitu ta’ Alla. Għeżież ħuti, intom tistgħu tagħmlu dan! Jiena nitlob bl-affezzjoni kollha ta’ ruħi li intom tagħżlu li tibqgħu mixjin lejn is-siġra tal-ħajja. Nitlob li intom tagħżlu li ssemmgħu leħinkom u tagħmlu minn ħajjitkom sinfonija ta’ tifħir, billi tifirħu f’ dak li l-imħabba ta’ Alla, il-meravilji tal-Knisja Tiegħu u l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jistgħu joffru lid-dinja.
L-għanja li jkantaw id-dixxipli vera taf tinstama’ xi ftit stunata jew saħansitra storbjuża wisq għal xi wħud. Ilu hekk mill-bidu taż-żminijiet.
Iżda għal Missierna tas-Smewwiet u għal dawk li jħobbuh u jonorawh, hija l-aktar għanja prezzjuża u sabiħa—l-għanja sublimi u purifikanti tal-imħabba feddejja u tas-servizz lejn Alla u lejn għajrna.10
Jiena nħallikom bil-barka tiegħi bħala Appostlu tal-Mulej li intom issibu l-qawwa u l-kuraġġ li b’ ferħ tirnexxu bħala ulied nisa ta’ Alla filwaqt li timxu ferħanin kuljum fil-mogħdija glorjuża li jimxu fiha d-dixxipli. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, November 2017. Maltese. 97931 159