2018
Nilħqu lil Ħaddieħor b’ Kompassjoni
Lulju 2018


Immaġni
Ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Lulju 2018

Nilħqu lil Ħaddieħor b’ Kompassjoni

Hekk kif intom timxu wara l-eżempju ta’ kompassjoni tas-Salvatur, issibu li intom tistgħu verament tagħmlu differenza fil-ħajja tal-oħrajn.

Il-kompassjoni tfisser li aħna nkunu konxji mit-tbatija ta’ ħaddieħor kif ukoll ikollna xewqa li nnaqsu jew intaffu dik it-tbatija. Patt li aħna lesti nimxu wara s-Salvatur huwa patt ta’ kompassjoni li lesti “nġorru t-tagħbija ta’ xulxin” (Mosiah 18:8). Essajnment li nħarsu lil ħaddieħor huwa opportunità li fiha aħna nistgħu nimministraw kif kieku jimministra l-Mulej: b’“kompassjoni, fejn nagħmlu differenza” (Ġuda 1:22). Il-Mulej talabna, “Uru tjieba u kompassjoni bħal aħwa lil xulxin” (Żakkarija 7:9).

Il-Kompassjoni tas-Salvatur

Il-kompassjoni kienet waħda mill-forzi fil-ministeru tas-Salvatur (araw fil-ġenb: “Salvatur Mimli Kompassjoni”). Il-kompassjoni Tiegħu lejn għajru wasslitu biex jgħin lil dawk ta’ madwaru f’ diversi okkażżjonijiet. Wara li kien jagħraf il-bżonnijiet u x-xewqat tan-nies, Huwa kien iberikhom u jgħallimhom skont il-bżonnijiet tagħhom. Ix-xewqa tas-Salvatur li jelevana ‘l fuq mit-tbatija tagħna wasslet għall-akbar att ta’ kompassjoni: l-Att tal-Fidwa Tiegħu għad-dnubiet u s-sofferenza tal-umanità.

Il-kapaċità Tiegħu li jwieġeb għall-bżonnijiet tan-nies hija xi ħaġa li nistgħu naħdmu għaliha hekk kif aħna naqdu lil ħaddieħor. Hekk kif aħna ngħixu b’ mod xieraq u nisimgħu mis-suġġerimenti tal-Ispirtu, aħna nkunu ispirati li nilħqu lil ħaddieħor b’ mod sinifikanti.

Il-Patt Tagħna ta’ Kompassjoni

Missierna tas-Smewwiet irid li wliedu juru kompassjoni (ara 1 Korintin 12:25–27). Biex insiru veri dixxipli, jeħtieġ li aħna niżviluppaw u nuru l-kompassjoni lejn ħaddieħor, speċjalment lejn dawk fil-bżonn (D&C 52:40).

Meta aħna nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu permezz tal-patt tagħna tal-magħmudija, aħna nkunu qed nagħtu xhieda li aħna lesti li neżerċitaw il-kompassjoni. Il-President Henry B. Eyring, it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, għallem li d-don tal-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu dan: “Inti membru tal-patt tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. …

“Għalhekk intom tħossu fikom li tridu tgħinu lil xi persuna li qed issibha diffiċli tibqa’ miexja ‘l quddiem minħabba n-niket u d-diffikultà li qed tiffaċċja. Intom wegħidtu li intom se tgħinu lill-Mulej itaffi t-tagħbija tal-oħrajn u jfarraġhom. Intom ġejtu mogħtija l-qawwa li tgħinu ttaffu dik it-tagħbija meta intom irċevejtu d-don tal-Ispirtu s-Santu.”1

Per eżempju, waħda oħt ġewwa r-Russja kienet għaddejja minn sitwazzjoni diffiċli fil-familja tagħha li żammitha milli tattendi l-knisja għal aktar minn sena. Oħt oħra fl-istess fergħa wriet il-kompassjoni magħha billi kull nhar ta’ Ħadd kienet iċċemplilha biex taġġornaha dwar id-diskors, il-lezzjonijiet, is-sejħiet għall-missjoni, it-trabi li jkunu twieldu u xi aħbarijiet oħra tal-fergħa. Meta s-sitwazzjoni fil-familja ta’ din l-oħt, li ma setgħetx toħroġ mid-dar, irrisolviet ruħha, hija ħassitha li hi xorta waħda kienet għadha parti mill-fergħa minħabba t-telefonati ta’ kull ġimgħa tal-ħabiba tagħha.

Nota

  1. Henry B. Eyring, “The Comforter,” Liahona, Mejju 2015, 18.

Ipprintja