2019
L-Għan li Jibdel il-Ministeru Tagħna
Jannar 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Jannar 2019

L-Għan li Jibdel il-Ministeru Tagħna

Filwaqt li l-ministeru għandu bosta għanijiet, l-isforzi tagħna fil-ministeru għandhom jiġu ggwidati minn xewqa li ngħinu biex ħaddieħor jikseb konverżjoni individwali aktar profonda u jsir jixbah aktar lis-Salvatur.

Meta aħna nħobbu lill-oħrajn kif iħobbhom is-Salvatur, aħna nkunu rridu ngħinuhom kif kien jgħinhom Hu. Bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Hu l-akbar eżempju ta’ kif għandu jkun ministeru sinifikanti.

Fl-isforzi tagħna biex nimmudellaw il-ministeru tagħna fuq Tiegħu, huwa importanti li niftakru li l-isforzi Tiegħu li jħobb, jgħin, iservi u jbierek kellhom għan ogħla milli sempliċiment jilħaq il-bżonnijiet immedjati ta’ dak li jkun. M’hemmx dubju li Huwa kien jaf x’kienu l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum u kellu kompassjoni għas-sofferenza li kienu jkunu għaddejjin minnha. Għalhekk Huwa fejjaq, tema’, ħafer u għallem. Iżda Huwa ried jagħmel aktar milli sempliċiment jaqta’ l-għatx tal-mument (ara Ġwanni 4:13–14). Huwa ried li dawk ta’ madwaru jimxu warajh (ara Luqa 18:22; Ġwanni 21:22), isiru jafuh (ara Ġwanni 10:14; Doctrine and Covenants 132:22–24), u jilħqu l-potenzjal divin tagħhom (ara Mattew 5:48). Dan japplika ukoll għal żmienna (ara Doctrine and Covenants 67:13).

Hawn diversi modi kif aħna nistgħu ngħinu nbierku lil ħaddieħor, iżda meta l-għan aħħari tal-ministeru tagħna jkun li ngħinu lil ħaddieħor isir jaf aħjar lis-Salvatur u jsir bħalu, aħna nibdew naħdmu lejn il-jum li fih ma jkollniex noqogħdu ngħallmu lil għajrna biex huma jsiru jafu lill-Mulej għaliex ilkoll kemm aħna nkunu nafuh (ara Ġeremija 31:34).

L-Enfasi Ewlenija tas-Salvatur kienet Tmur Lil hinn mill-Bżonnijiet Immedjati

  • Bosta individwi għamlu sforz mill-aktar kbir biex wasslu lill-ħabib tagħhom li kien mifluġ ħdejn Ġesù biex jitfejjaq. Finalment is-Salvatur fejjaq lir-raġel, iżda Huwa aktar kien interessat f’ li jaħfirlu dnubietu (ara Luqa 5:18–26).

  • Meta n-nies ħadu quddiem is-Salvatur waħda mara li kienet inqabdet f’ adulterju, ir-riluttanza Tiegħu li jikkundannaha wasslet biex Huwa salvalha l-ħajja fiżika tagħha. Iżda Huwa ried ukoll isalvaha spiritwalment, billi qalilha “mur, tidnibx iżjed” (ara Ġwanni 8:2–11).

  • Marija u Marta bagħtu jgħidu lil Ġesù biex imur ifejjaq lil sieħbu, Lazzru. Ġesù, li min jaf kemm-il darba kien fejjaq oħrajn, dam biex mar għandhom tant li Lazzru laħaq miet. Ġesù kien jaf x’ riedet il-familja, iżda li Huwa qajjem lil Lazzru mill-mewt, wassal biex Huwa saħħaħ it-testimonjanza tagħhom dwar id-divinità Tiegħu (ara Ġwanni 11:21–27).

X’ eżempji oħra tistgħu żżidu ma’ din il-lista?

Aħna X’ Nistgħu Nagħmlu?

Jekk l-għan tagħna hu li ngħinu lil ħaddieħor isir jixbah aktar lis-Salvatur, dan iwassal biex jibdel il-mod kif aħna nimministraw. Dawn huma xi modi kif dan l-għarfien jista’ jiggwida l-isforz tagħna li nimministraw.

Idea 1: Norbtu s-Servizz mas-Salvatur

L-isforzi tagħna li nagħmlu t-tajjeb huma kollha vallapena, iżda aħna nistgħu nfittxu ċerti opportunitajiet li jgħinuna nkabbru s-servizz tagħna billi norbtu dan l-istess servizz mas-Salvatur. Per eżempju, jekk il-familja li intom timministraw tinsab fil-mard, verament taf tkun ta’ għajnuna li intom teħdulha xi platt sħun, iżda l-espressjoni sempliċi tagħkom ta’ mħabba tista’ tiġi mmultiplikata permezz tat-testimonjanza tagħkom dwar l-imħabba tas-Salvatur lejhom. L-għajnuna tagħkom fil-ġnien tagħhom żgur tkun apprezzata, iżda taf tkun waħda aktar sinifikanti jekk intom toffru wkoll li tagħtuhom barka saċerdotali.

Il-Presbiteru Neil L. Andersen tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem: “Persuna b’ qalb tajba tista’ tgħin lil xi ħadd jibdel ir-rota tal-karozza, twassal lil xi ħadd minn sħabha għand it-tabib, tmur tiekol ma’ xi ħadd li jinsab imnikket, jew titbissem, issellem u tferraħ lil xi ħadd.

“Iżda dixxiplu tal-ewwel kmandament b’ mod naturali jmur oltre milli jwettaq dawn l-atti mill-aktar importanti ta’ servizz.”1

Idea 2: Niffokaw fuq it-Triq tal-Patt

Meta kien qed ikellem lill-membri għall-ewwel darba bħala President tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson qal, “Komplu mexjin fit-triq tal-patt.” Li tagħmlu u żżommu l-patti tagħkom “iwassal biex jinfetaħ bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli.”2

Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nitgħammdu, niġu kkonfermati u nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Membri rġiel denji jirċievu s-saċerdozju. Aħna mmorru t-tempju għall-għotja mqaddsa tagħna u niġu ssiġillati flimkien bħala familji eterni. Dawn l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-patti marbutin magħhom huma essenzjali għalina biex insiru bħalu ħalli nkunu nistgħu ngħixu Miegħu.

Aħna għandna rwol importanti x’ naqdu biex ngħinu lil ħaddieħor fit-triq tal-patt hekk kif aħna ngħinuhom iżommu l-patti tagħhom u jitħejjew biex aktar ‘il quddiem huma jagħmlu ċerti patti.3 Kif tistgħu tgħinu lill-individwi u l-familji li intom isservu biex huma jirċievu l-ordinanza li jmiss li huma jeħtieġu? Dan jaf ifisser li tgħinu tħejju wieħed missier biex jgħammed lit-tifla tiegħu, tispjegaw il-barkiet tal-patt li jmiss li dak li jkun jeħtieġ li jagħmel, jew taqsmu modi kif jista’ jkollna esperjenza aktar sinifikanti hekk kif aħna nġeddu l-patti tagħna waqt li nieħdu sehem fis-sagrament.

Idea 3: Stiednu u Ħeġġu

Meta jkun xieraq, iddiskutu ma’ dawk li tieħdu ħsieb dwar il-konverżjoni tagħhom u l-isforz tagħhom biex isiru jixbhu aktar lil Kristu. Uruhom x’inhuma l-ħiliet li intom taraw u tammiraw fihom. Ippruvaw araw fejn huma jaħsbu li jistgħu jitjiebu u tkellmu magħhom dwar kif intom tistgħu tgħinuhom. (Biex tkunu tafu aktar dwar kif tistgħu tiddiskutu flimkien ma’ dawk li intom timministraw, araw “Iddiskutu Flimkien il-Bżonnijiet Tagħhom,” Liahona, Sett. 2018, 6–9.)

Tibżgħux tistednuhom biex jimxu wara s-Salvatur u jagħtuh ċans jgħinhom jilħqu l-potenzjal divin tagħhom. Din l-istedina taf tibdlilhom ħajjithom, meta intom tesprimuha b’ kunfidenza fihom u b’ fidi fih.

Sitt Modi Kif Aħna Nistgħu Ngħinu lil Ħaddieħor Jersaq Aktar Viċin Kristu

Dawn li ġejjin huma suġġerimenti li jgħinukom tissapportjaw lill-oħrajn hekk kif huma jipprovaw itejbu ħajjithom u jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-patt. (Araw Preach My Gospel, kapitlu 1, għal aktar ideat.)

  1. Aqsmu ma’ ħaddieħor. Kunu awtentiċi u ċari meta intom taqsmu magħhom kif lilkom is-Salvatur għenkom hekk kif intom ppruvajtu tersqu aktar viċin Tiegħu billi bdejtu tgħixu f’ ħajjitkom il-prinċipji tal-evanġelju minkejja d-diffikultajiet li kontu tiffaċċjaw.

  2. Barkiet Imwiegħda In-nies jeħtieġu raġuni biex jinbidlu li hija aktar irreżistibbli mir-raġuni biex ma jinbidlux. Li tispjegaw il-barkiet assoċjati ma’ ċerta azzjoni jaf jipprovdilhom ċerta motivazzjoni mill-aktar qawwija (ara Doctrine and Covenants 130:20–21).

  3. Stiednu. Li wieħed jgħix xi prinċipju tal-evanġelju jgħinu jikseb testimonjanza li dak il-prinċipju huwa veru (araw Ġwanni 7:17) u jwassal għal konverżjoni aktar profonda.4 Kważi kull interazzjoni li jkollkom għandha tinkludi stedina sempliċi biex huma jagħmlu xi ħaġa li tgħinhom jimxu ‘l quddiem.

  4. Ippjanaw flimkien. X’ jeħtieġ li jsir biex huma jżommu b’ suċċess l-impenn tagħhom li jinbidlu? Intom kif tistgħu tgħinu? Hemm xi żmien stipulat sakemm huma jeħtieġ iwettqu dak li hu mitlub minnhom?

  5. Issapportjawhom. Meta jkun ta’ għajnuna, ippruvaw żviluppaw netwerk ta’ nies li lesti jissapportjaw lill-individwu billi jgħinuh ħalli jibqa’ motivat u jirnexxi. Aħna lkoll neħtieġu lil min jissapportjana.

  6. Segwu l-progress tagħhom. Agħtu ħarsa regolarment lejn il-progress tagħhom. Ibqgħu ffokati fuq il-pjan iżda jekk ikun hemm bżonn irraffinawh. Kunu paċenzjużi, persistenti u inkuraġġanti. Il-bidla taf tieħu ż-żmien.

Stedina biex Naġixxu

Ikkunsidraw modi kif l-isforzi tagħkom li timministraw—kemm f’ affarijiet kbar kif ukoll żgħar—jistgħu jgħinu lil ħaddieħor isaħħaħ il-konverżjoni tiegħu u jsir jixbah aktar lis-Salvatur.

Noti

  1. Neil L. Andersen, “A Holier Approach to Ministering” (Brigham Young University devotional, 10 ta’ Apr., 2018), 3, speeches.byu.edu.

  2. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.

  3. Ara Henry B. Eyring, “Daughters in the Covenant,” Liahona, Mejju 2014, 125–28.

  4. Ara David A. Bednar, “Converted unto the Lord,” Liahona, Nov. 2012, 106–109.

Ipprintja