Prinċipji tal-Ministeru, Jannar 2019
L-Għan li Jibdel il-Ministeru Tagħna
Filwaqt li l-ministeru għandu bosta għanijiet, l-isforzi tagħna fil-ministeru għandhom jiġu ggwidati minn xewqa li ngħinu biex ħaddieħor jikseb konverżjoni individwali aktar profonda u jsir jixbah aktar lis-Salvatur.
Meta aħna nħobbu lill-oħrajn kif iħobbhom is-Salvatur, aħna nkunu rridu ngħinuhom kif kien jgħinhom Hu. Bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Hu l-akbar eżempju ta’ kif għandu jkun ministeru sinifikanti.
Fl-isforzi tagħna biex nimmudellaw il-ministeru tagħna fuq Tiegħu, huwa importanti li niftakru li l-isforzi Tiegħu li jħobb, jgħin, iservi u jbierek kellhom għan ogħla milli sempliċiment jilħaq il-bżonnijiet immedjati ta’ dak li jkun. M’hemmx dubju li Huwa kien jaf x’kienu l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum u kellu kompassjoni għas-sofferenza li kienu jkunu għaddejjin minnha. Għalhekk Huwa fejjaq, tema’, ħafer u għallem. Iżda Huwa ried jagħmel aktar milli sempliċiment jaqta’ l-għatx tal-mument (ara Ġwanni 4:13–14). Huwa ried li dawk ta’ madwaru jimxu warajh (ara Luqa 18:22; Ġwanni 21:22), isiru jafuh (ara Ġwanni 10:14; Doctrine and Covenants 132:22–24), u jilħqu l-potenzjal divin tagħhom (ara Mattew 5:48). Dan japplika ukoll għal żmienna (ara Doctrine and Covenants 67:13).
Hawn diversi modi kif aħna nistgħu ngħinu nbierku lil ħaddieħor, iżda meta l-għan aħħari tal-ministeru tagħna jkun li ngħinu lil ħaddieħor isir jaf aħjar lis-Salvatur u jsir bħalu, aħna nibdew naħdmu lejn il-jum li fih ma jkollniex noqogħdu ngħallmu lil għajrna biex huma jsiru jafu lill-Mulej għaliex ilkoll kemm aħna nkunu nafuh (ara Ġeremija 31:34).
L-Enfasi Ewlenija tas-Salvatur kienet Tmur Lil hinn mill-Bżonnijiet Immedjati
-
Bosta individwi għamlu sforz mill-aktar kbir biex wasslu lill-ħabib tagħhom li kien mifluġ ħdejn Ġesù biex jitfejjaq. Finalment is-Salvatur fejjaq lir-raġel, iżda Huwa aktar kien interessat f’ li jaħfirlu dnubietu (ara Luqa 5:18–26).
-
Meta n-nies ħadu quddiem is-Salvatur waħda mara li kienet inqabdet f’ adulterju, ir-riluttanza Tiegħu li jikkundannaha wasslet biex Huwa salvalha l-ħajja fiżika tagħha. Iżda Huwa ried ukoll isalvaha spiritwalment, billi qalilha “mur, tidnibx iżjed” (ara Ġwanni 8:2–11).
-
Marija u Marta bagħtu jgħidu lil Ġesù biex imur ifejjaq lil sieħbu, Lazzru. Ġesù, li min jaf kemm-il darba kien fejjaq oħrajn, dam biex mar għandhom tant li Lazzru laħaq miet. Ġesù kien jaf x’ riedet il-familja, iżda li Huwa qajjem lil Lazzru mill-mewt, wassal biex Huwa saħħaħ it-testimonjanza tagħhom dwar id-divinità Tiegħu (ara Ġwanni 11:21–27).
X’ eżempji oħra tistgħu żżidu ma’ din il-lista?
Aħna X’ Nistgħu Nagħmlu?
Jekk l-għan tagħna hu li ngħinu lil ħaddieħor isir jixbah aktar lis-Salvatur, dan iwassal biex jibdel il-mod kif aħna nimministraw. Dawn huma xi modi kif dan l-għarfien jista’ jiggwida l-isforz tagħna li nimministraw.
Idea 1: Norbtu s-Servizz mas-Salvatur
L-isforzi tagħna li nagħmlu t-tajjeb huma kollha vallapena, iżda aħna nistgħu nfittxu ċerti opportunitajiet li jgħinuna nkabbru s-servizz tagħna billi norbtu dan l-istess servizz mas-Salvatur. Per eżempju, jekk il-familja li intom timministraw tinsab fil-mard, verament taf tkun ta’ għajnuna li intom teħdulha xi platt sħun, iżda l-espressjoni sempliċi tagħkom ta’ mħabba tista’ tiġi mmultiplikata permezz tat-testimonjanza tagħkom dwar l-imħabba tas-Salvatur lejhom. L-għajnuna tagħkom fil-ġnien tagħhom żgur tkun apprezzata, iżda taf tkun waħda aktar sinifikanti jekk intom toffru wkoll li tagħtuhom barka saċerdotali.
Il-Presbiteru Neil L. Andersen tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem: “Persuna b’ qalb tajba tista’ tgħin lil xi ħadd jibdel ir-rota tal-karozza, twassal lil xi ħadd minn sħabha għand it-tabib, tmur tiekol ma’ xi ħadd li jinsab imnikket, jew titbissem, issellem u tferraħ lil xi ħadd.
“Iżda dixxiplu tal-ewwel kmandament b’ mod naturali jmur oltre milli jwettaq dawn l-atti mill-aktar importanti ta’ servizz.”1
Idea 2: Niffokaw fuq it-Triq tal-Patt
Meta kien qed ikellem lill-membri għall-ewwel darba bħala President tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson qal, “Komplu mexjin fit-triq tal-patt.” Li tagħmlu u żżommu l-patti tagħkom “iwassal biex jinfetaħ bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli.”2
Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nitgħammdu, niġu kkonfermati u nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Membri rġiel denji jirċievu s-saċerdozju. Aħna mmorru t-tempju għall-għotja mqaddsa tagħna u niġu ssiġillati flimkien bħala familji eterni. Dawn l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-patti marbutin magħhom huma essenzjali għalina biex insiru bħalu ħalli nkunu nistgħu ngħixu Miegħu.
Aħna għandna rwol importanti x’ naqdu biex ngħinu lil ħaddieħor fit-triq tal-patt hekk kif aħna ngħinuhom iżommu l-patti tagħhom u jitħejjew biex aktar ‘il quddiem huma jagħmlu ċerti patti.3 Kif tistgħu tgħinu lill-individwi u l-familji li intom isservu biex huma jirċievu l-ordinanza li jmiss li huma jeħtieġu? Dan jaf ifisser li tgħinu tħejju wieħed missier biex jgħammed lit-tifla tiegħu, tispjegaw il-barkiet tal-patt li jmiss li dak li jkun jeħtieġ li jagħmel, jew taqsmu modi kif jista’ jkollna esperjenza aktar sinifikanti hekk kif aħna nġeddu l-patti tagħna waqt li nieħdu sehem fis-sagrament.
Idea 3: Stiednu u Ħeġġu
Meta jkun xieraq, iddiskutu ma’ dawk li tieħdu ħsieb dwar il-konverżjoni tagħhom u l-isforz tagħhom biex isiru jixbhu aktar lil Kristu. Uruhom x’inhuma l-ħiliet li intom taraw u tammiraw fihom. Ippruvaw araw fejn huma jaħsbu li jistgħu jitjiebu u tkellmu magħhom dwar kif intom tistgħu tgħinuhom. (Biex tkunu tafu aktar dwar kif tistgħu tiddiskutu flimkien ma’ dawk li intom timministraw, araw “Iddiskutu Flimkien il-Bżonnijiet Tagħhom,” Liahona, Sett. 2018, 6–9.)
Tibżgħux tistednuhom biex jimxu wara s-Salvatur u jagħtuh ċans jgħinhom jilħqu l-potenzjal divin tagħhom. Din l-istedina taf tibdlilhom ħajjithom, meta intom tesprimuha b’ kunfidenza fihom u b’ fidi fih.
Sitt Modi Kif Aħna Nistgħu Ngħinu lil Ħaddieħor Jersaq Aktar Viċin Kristu
Dawn li ġejjin huma suġġerimenti li jgħinukom tissapportjaw lill-oħrajn hekk kif huma jipprovaw itejbu ħajjithom u jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-patt. (Araw Preach My Gospel, kapitlu 1, għal aktar ideat.)
-
Aqsmu ma’ ħaddieħor. Kunu awtentiċi u ċari meta intom taqsmu magħhom kif lilkom is-Salvatur għenkom hekk kif intom ppruvajtu tersqu aktar viċin Tiegħu billi bdejtu tgħixu f’ ħajjitkom il-prinċipji tal-evanġelju minkejja d-diffikultajiet li kontu tiffaċċjaw.
-
Barkiet Imwiegħda In-nies jeħtieġu raġuni biex jinbidlu li hija aktar irreżistibbli mir-raġuni biex ma jinbidlux. Li tispjegaw il-barkiet assoċjati ma’ ċerta azzjoni jaf jipprovdilhom ċerta motivazzjoni mill-aktar qawwija (ara Doctrine and Covenants 130:20–21).
-
Stiednu. Li wieħed jgħix xi prinċipju tal-evanġelju jgħinu jikseb testimonjanza li dak il-prinċipju huwa veru (araw Ġwanni 7:17) u jwassal għal konverżjoni aktar profonda.4 Kważi kull interazzjoni li jkollkom għandha tinkludi stedina sempliċi biex huma jagħmlu xi ħaġa li tgħinhom jimxu ‘l quddiem.
-
Ippjanaw flimkien. X’ jeħtieġ li jsir biex huma jżommu b’ suċċess l-impenn tagħhom li jinbidlu? Intom kif tistgħu tgħinu? Hemm xi żmien stipulat sakemm huma jeħtieġ iwettqu dak li hu mitlub minnhom?
-
Issapportjawhom. Meta jkun ta’ għajnuna, ippruvaw żviluppaw netwerk ta’ nies li lesti jissapportjaw lill-individwu billi jgħinuh ħalli jibqa’ motivat u jirnexxi. Aħna lkoll neħtieġu lil min jissapportjana.
-
Segwu l-progress tagħhom. Agħtu ħarsa regolarment lejn il-progress tagħhom. Ibqgħu ffokati fuq il-pjan iżda jekk ikun hemm bżonn irraffinawh. Kunu paċenzjużi, persistenti u inkuraġġanti. Il-bidla taf tieħu ż-żmien.
Stedina biex Naġixxu
Ikkunsidraw modi kif l-isforzi tagħkom li timministraw—kemm f’ affarijiet kbar kif ukoll żgħar—jistgħu jgħinu lil ħaddieħor isaħħaħ il-konverżjoni tiegħu u jsir jixbah aktar lis-Salvatur.
© 2019 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/18. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/18. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, January 2019. Maltese. 15762 159