2019
Niżviluppaw l-Empatija biex Nimministraw
Frar 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Frar 2019

Niżviluppaw l-Empatija biex Nimministraw

Li nimministraw ifisser li nelevaw lill-oħrajn. Aħna nistgħu nelevaw lill-oħrajn hekk kif aħna nippruvaw nifhmu huma x’ qegħdin jesperjenzaw u nuruhom li aħna lesti nkunu hemm għalihom biex nissapportjawhom.

Peress li Missierna tas-Smewwiet iridna nsiru bħalu, l-isfidi li aħna niffaċċjaw f’ din il-ħajja jistgħu jkunu għalina opportunitajiet ta’ tagħlim, jekk dejjem aħna nafdaw fih u nibqgħu mexjin fit-triq Tiegħu. Sfortunatament, jaf ikun partikolarment diffiċli li nibqgħu mexjin fit-triq Tiegħu meta aħna nħossuna li ninsabu qed niffaċċjaw dawk l-isfidi weħidna.

Iżda l-pjan qatt ma kien li aħna nitħallew nimxu fit-triq weħidna. Is-Salvatur kiseb empatija perfetta u ċċekken aktar minn kulħadd biex Huwa jkun jaf kif għandu jgħinna fis-sofferenza u fil-mard tagħna (ara Alma 7:11–12; Doctrine and Covenants 122:8). Huwa jistenna li kull wieħed u waħda minna nimxu wara l-eżempju Tiegħu u nuru aħna wkoll l-empatija. Il-membri kollha tal-Knisja għamlu patt li “jibku ma’ dawk li jibku; iva, u jfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ” (Mosiah 18:9). Minkejja l-isfidi li aħna niffaċċjaw, aħna mgħallmin tul l-iskrittura biex inħarsu lil hinn minna, għax hemm miktub “qawwu l-idejn mitruħa u saħħu l-irkupptejn imriegħda” u “aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq” (Lhud 12:12–13; ara wkoll Isaija 35:3–4; Doctrine and Covenants 81:5–6).

Hekk kif aħna naqbdu id l-oħrajn, inħalluhom jistrieħu fuqna u nimxu flimkien magħhom, aħna nkunu qed ngħinuhom jibqgħu mexjin biżżejjed fit-triq sabiex is-Salvatur mhux biss biex jikkonvertihom—wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ministeru—iżda wkoll ifejjaqhom (ara Doctrine and Covenants 112:13).

X’Inhi l-Empatija?

L-empatija hi li tifhem is-sentimenti u l-ħsibijiet ta’ ħaddieħor kif ukoll tifhem il-kundizzjoni tagħhom mill-perspettiva tagħhom aktar mill-perspettiva tiegħek.1

Li nkunu empatetiċi hija importanti ħafna fl-isforzi tagħna li nimministraw lil ħaddieħor u nwettqu l-għan tagħna bħala aħwa fil-ministeru. Dan jagħtina ċ-ċans li nilbsu ż-żarbun ta’ ħaddieħor.

Nimxu biż-Żarbun ta’ Ħaddieħor

Din hija storja dwar raġel Qaddis tal-Aħħar Jiem li ħafna drabi kien ipoġġi bilqiegħda waħdu fl-aħħar ringiela tal-kappella. Meta membru tal-kworum tal-presbiteri miet, ħabta u sabta, l-isqof kien mar biex jagħti barka saċerdotali lill-membri tal-familja ta’ dak il-presbiteru sabiex ifarraġhom. L-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna marru jeħdulhom l-ikel. Numru ta’ ħbieb u ġirien marru jżuru lill-membri ta’ din il-familja u, b’ intenzjoni tajba, qalulhom, “Jekk nistgħu ngħinukom f’ xi ħaġa, għidulna.”

Iżda meta aktar tard fil-jum dak ir-raġel mistħi mar iżur lil din il-familja, huwa daqq il-qanpiena tal-bieb ta’ barra u meta l-mara armla marret tiftaħlu, huwa sempliċiment qalilha, “Jiena ġejt biex innaddaf iż-żraben tagħkom.” Fi ftit sigħat, iż-żraben kollha tal-familja kienu jinsabu nodfa u jleqqu bi tħejjija għall-funeral. Il-Ħadd ta’ wara, il-familja tal-presbiteru li kien miet poġġew ilkoll bilqiegħda ħdejn dan ir-raġel mistħi fl-aħħar ringiela.

Dan kien raġel li kien kapaċi jgħin fi ħwejjeġ li ħadd ma kien ħaseb dwarhom. Kemm hu kif ukoll huma ġew ilkoll imberkin permezz tal-ministeru ggwidat mill-empatija.

Kif Nistgħu Niżviluppaw l-Empatija?

Xi wħud verament jidhru li huma mberkin bid-don li kapaċi jempatizzaw. Iżda għal dawk li jsibuha diffiċli, għandi aħbar tajba. Tul dawn l-aħħar 30 sena, numru mhux ħażin ta’ riċerkaturi studjaw dwar l-empatija. Filwaqt li ħafna minnhom jittrattaw is-suġġett minn lenti differenti, il-biċċa l-kbir tagħhom jaqblu li l-empatija hija xi ħaġa li wieħed jista’ jitgħallimha.2

Aħna nistgħu nitolbu sabiex ikollna d-don tal-empatija. Biex inkunu nistgħu nitjiebu, ikun ta’ għajnuna li aħna jkollna għarfien aħjar dwar kif taħdem l-empatija. Is-suġġerimenti li ġejjin huma ġeneralment aċċettati bħala l-elementi bażiċi tal-empatija.3 Filwaqt li ħafna drabi dawn iseħħu mingħajr ma aħna biss nindunaw bihom, li nkunu konxji minnhom jagħtina ċ-ċans li naraw quddiemna ċerti opportunitajiet biex nitjiebu.

1.Nifhmu

L-empatija teħtieġ li aħna nifhmu xi ftit is-sitwazzjoni tal-oħrajn. Aktar ma nifhmu ċ-ċirkustanzi tagħhom, aktar ikun faċli biex nifhmu kif huma jħossuhom dwar dak li jkunu għaddejjin minnu u x’ nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom.

Li aħna, b’ mod attiv, nisimgħuhom, nistaqsuhom xi mistoqsijiet u niddiskutu magħhom u ma’ oħrajn, huma kollha affarijiet importanti biex nifhmu s-sitwazzjoni tagħhom. Tgħallmu aktar dwar dawn il-kunċetti fl-artikli preċedenti tal-Prinċipji tal-Ministeru:

  • “Ħames Affarijiet li Jagħmlu Dawk li Verament Jisimgħu x’ Għandu Xi Jgħid Ħaddieħor,” Liahona, Ġunju 2018, 6.

  • “Iddiskutu Flimkien il-Bżonnijiet Tagħhom,” Liahona, Sett. 2018, 6.

  • “Ninvolvu lil Ħaddieħor fil-Ministeru—kif Meħtieġ,” Liahona,Ott. 2018, 6.

Hekk kif nippruvaw nifhmu, tajjeb li nieħdu l-ħin tagħna biex nifhmu s-sitwazzjoni speċifika tagħhom minflok ma’ nibdew nassumu skont xi sitwazzjoni simili li jkun għadda minnha ħaddieħor. Inkella, nispiċċaw niddevjaw mill-għan tagħna u nwasslu biex huma jħossuhom li aħna bqajna ma fhimnihomx.

2.Nimmaġinaw

Fl-isforzi tagħna li nżommu l-patti tagħna li nibku ma’ dawk li jibku u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, aħna nistgħu nitolbu għall-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nifhmu dak li jkun qed iħoss ħaddieħor u kif aħna nistgħu ngħinuh.4

La darba aħna nifhmu ċ-ċirkustanzi ta’ ħaddieħor, ilkoll kemm aħna—kemm jekk dan iseħħ b’ mod naturali jew le—inkunu nistgħu nippruvaw l-eżerċizzju li nimmaġinaw dak li aħna stess nistgħu naħsbu jew inħossu f’ dik is-sitwazzjoni. Li aħna nifhmu dawk il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet, flimkien mal-gwida tal-Ispirtu s-Santu, jista’ jgħin jiggwida r-rispons tagħna fis-sitwazzjoni tagħhom.

Hekk kif aħna nibdew nifhmu ċ-ċirkustanzi ta’ ħaddieħor u nimmaġinaw kif huma jistgħu jħossuhom, huwa importanti li aħna ma niġġudikawhomx b’ mod mhux xieraq (ara Mattew 7:1). Li aħna nkunu kritiċi dwar kif dak li jkun seta’ spiċċa f’ xi sitwazzjoni partikolari jista’ jwassal biex aħna ma nħossux biżżejjed l-uġigħ li tkun qed tikkawża dik is-sitwazzjoni.

3.Nirrispondu

Kif aħna nirrispondu huwa importanti għaliex huwa b’ dak il-mod li aħna nuru l-empatija tagħna. Hemm diversi modi kif aħna nistgħu nikkomunikaw il-mod kif aħna nkunu qed nifhmuhom, kemm b’ mod verbali kif ukoll mhux verbali. Huwa importanti li niftakru li l-għan tagħna mhuwiex neċessarjament li nsolvu l-problema. Ħafna drabi l-għan ikun sempliċiment li ngħinuhom u nsaħħuhom billi nuruhom li huma ma jinsabux weħidhom. Dan jaf ifisser li aħna ngħidu, “Napprezza ħafna li għedtli” jew “Jiddispjaċini. Nista’ nimmaġina kemm hi diffiċli.”

F’ kull każ, ir-rispons tagħna jeħtieġ ikun wieħed ġenwin. U meta jkun xieraq, li intom tħossukom vulnerabbli biżżejjed li tippermettu li ħaddieħor jara d-dgħjufijiet u l-inċertezzi tagħkom jista’ jwassal biex jinħoloq sens prezzjuż ta’ konnessjoni bejnietkom.

Stedina biex Naġixxu

Hekk kif tikkunsidraw iċ-ċirkustanzi ta’ dawk li intom timministraw, immaġinaw li intom tinsabu fis-sitwazzjoni tagħhom u x’ taħsbu li jkun ta’ għajnuna għalikom li kieku intom tkunu tinsabu minflokhom. Itolbu sabiex intom tifhmu kif huma qed iħossuhom u ppruvaw għinuhom. Ir-rispons tagħkom jaf ikun wieħed sempliċi, iżda jkun mill-aktar sinifikattiv.

Noti

  1. Ara W. Ickes, Empathic Accuracy (1997); u M. L. Hoffman, Empathy and Moral Development: Implications for Caring and Justice (2000).

  2. Ara, per eżempju, Emily Teding van Berkhout and John M. Malouff, “The Efficacy of Empathy Training: A Meta-Analysis of Randomized Controlled Trials,” Journal of Counseling Psychology (2016), 63(1), 32–41.

  3. Ara, per eżempju, Brené Brown, I Thought It Was Just Me (But It Isn’t) (2008); Theresa Wiseman, “A Concept Analysis of Empathy,” Journal of Advanced Nursing (1996), 23, 1162–67; and Ed Neukrug u oħrajn, “Creative and Novel Approaches to Empathy: a Neo-Rogerian Perspective,” Journal of Mental Health Counseling, 35(1) (Jan. 2013), 29–42.

  4. Ara Henry B. Eyring, “The Comforter,” Liahona, Mejju 2015, 17–21.

Ipprintja