2019
Il-Ministeru Ifisser li Tħares Lejn l-Oħrajn kif Iħares Lejhom is-Salvatur
Ġunju 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Ġunju 2019

Il-Ministeru Ifisser li Tħares Lejn l-Oħrajn kif Iħares Lejhom is-Salvatur

Ġesù qatta’ ħafna mill-ħin Tiegħu ma’ dawk li kienu jidhru differenti; Huwa ra l-potenzjal divin tagħhom.

Fl-isforz tagħna li nimministraw bħas-Salvatur, aħna nafu niġu mitlubin biex nimministraw lil xi ħadd li hu differenti minna. Dan jippreżentalna opportunità biex aħna nikbru u nitgħallmu.

Differenzi minħabba kultura, edukazzjoni, razza, stat ekonomiku, età, jew imġieba passata jew preżenti jafu jagħmluha aktar faċli li aħna niġġudikaw lil xi ħadd qabel ma biss inkunu sirna nafuh. Dan il-ġudizzju minn qabel huwa l-qofol tal-preġudizzju, u s-Salvatur widdibna kontrih (ara 1 Samwel 16:7; Ġwanni 7:24).

Nistgħu aħna ma nħarsux lejn dawn id-differenzi u nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom is-Salvatur? Kif nistgħu nitgħallmu nħobbu lil oħrajn għal dak li huma u dak li jistgħu jsiru?

Nixħtu Ħarsitna u Nħobbu

Fil-Bibbja nsibu l-istorja familjari tar-raġel żagħżugħ u għani li staqsa kif seta’ jikseb il-ħajja eterna: “Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu, Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja” (Mark 10:21).

Meta xi snin ilu l-Presbiteru S. Mark Palmer tas-Sebgħin kien qed jistudja l-iskrittura, parti mill-istorja li qatt ma kien ikkunsidra qabel f’daqqa waħda bdiet tidher għalih verament sinifikanti.

‘Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba.’

“Hekk kif jiena smajt dan il-kliem, f’moħħi bħal rajt lill-Mulej jieqaf għal ftit u jixħet ħarstu fuq dan iż-żagħżugħ. Jixħet ħarstu—bħallikieku qed iħares lejh b’mod profond li ppenetralu ruħu, fejn seta’ jagħraf it-tjubija tiegħu u l-potenzjal tiegħu, kif ukoll jagħraf x’kienu l-akbar bżonnijiet li huwa kellu.

Imbagħad il-kliem sempliċi—Ġesù ħabbu. Huwa ħass imħabba u kompassjoni enormi għal dan iż-żagħżugħ twajjeb, u sforz l-imħabba tiegħu u permezz ta’ din l-imħabba, Ġesù ried aktar minnu. Ippruvajt nimmaġina kif seta’ ħassu dan il-ġuvni mdawwar b’ din l-imħabba tant kbira saħansitra anke meta huwa kien qed jiġi miltub biex jagħmel xi ħaġa daqstant diffiċli, fejn ġie mitlub li jbiegħ kull ma kellu u jagħtih lill-foqra. …

“Jiena staqsejt lili nnifsi ‘Jien kif nista’ nimtela b’imħabba tixbah lil dik ta’ Kristu sabiex ħaddieħor ikun jista’ jħoss l-imħabba ta’ Alla permezz tiegħi u juri x-xewqa li jinbidel?’ Kif nista’ nħares lejn l-individwi ta’ madwari bl-istess mod li l-Mulej xeħet ħarstu fuq iż-żagħżugħ għani, u nħares lejhom għal dak li huma verament u dak li jistgħu jsiru, minflok ma nħares lejhom skont dak li huma qed jagħmlu jew li mhumiex qed jagħmlu? Kif nista’ nsir nixbah aktar lis-Salvatur?”1

Nitgħallmu Nħarsu lejn Ħaddieħor

Jekk aħna nitgħallmu nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom is-Salvatur aħna niksbu barkiet kbar. Li ġejjin huma xi ftit suġġerimenti li jistgħu jgħinuna hekk kif aħna naħdmu lejn dan l-għan.

  • Siru Afuhom
    Agħmlu sforz biex issiru tafu lin-nies b’mod ġenwin u personali. Agħrfu li jieħu ż-żmien u hemm bżonn ta’ ċertu sforz sinċier biex intom tibnu ċerti relazzjonijiet. (Għal aktar għajnuna ara l-artiklu “Nibnu Relazzjonijiet Sinifikanti” mill-Prinċipji tal-Ministeru ta’ Awwissu 2018.)

  • Eżaminaw Lilkom Infuskom
    Agħtu każ ta’ ċertu ġudizzju li jista’ jkun qed tagħmlu, kemm jekk konxji minnu u kemm jekk le. Innutaw is-suppożizzjonijiet li qegħdin tagħmlu dwar ħaddieħor u ppruvaw ifhmu għalfejn intom tħossukom kif tħossukom.

  • Ieqfu milli Tiġġudikaw
    Irrealizzaw li ċ-ċirkustanzi ma jiddefinixxux il-valur tal-individwu. Poġġu lilkom infuskom fis-sitwazzjoni tagħhom u kkunsidraw kif tridu li ħaddieħor iħares lejkom kieku intom kontu fl-istess ċirkustanzi tagħhom. Li nisseparaw l-għażliet u l-imġieba ta’ xi ħadd mill-valur intrinsiku u l-potenzjal divin tagħhom jista’ jgħinna nħarsu lejhom kif iħares lejhom is-Salvatur.

  • Itolbu biex Issiru Tħobbuhom
    Itolbu għalihom regolarment b’isimhom u biex ikollkom il-paċenzja li tiżviluppaw bejnietkom ħbiberija vera. Bl-għajnuna tat-talb agħtu ħarsa lejn is-servizz tagħkom. Jeżistu xi differenzi bejn dak li qegħdin tagħmlu u dak li huma jeħtieġu?

Ġesù qatta ħinu ma’ nies li kienu ġejjin minn sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja: is-sinjuri, il-foqra, nies li kienu ħakkiema, u nies komuni. Ħafna drabi Hu kien jispiċċa vittma ta’ nies li jiġġudikawh ħażin meta kienu jħarsu lejh u lejn iċ-ċirkustanzi apparentament foqra u insinifikanti Tiegħu. “Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh. … Bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.” (Isaija 53:2–3).

Viżjoni bħal ta’ Kristu

Waħda oħt irrakkontat din l-istorja dwar kif nistgħu nħarsu lejn għajrna kif iħares lejhom Kristu:

“Julia (isimha ġie mibdul) kienet toqgħod ħdejja u kienet tidher li ma kellha l-ebda ħbieb. Hija minn dejjem kienet tidher imdejqa u rrabjata. Minkejja dan kollu, jiena ddeċidejt li nagħmel ħabiba magħha. Mhux sempliċiment ħabiba każwali li kultant insellmilha, iżda li nsiru ħbieb vera. Jiena kont nieqaf inkellimha kull darba li kont niltaqa’ magħha u bdejt nieħu interess f’dak li kienet tkun qed tagħmel. Ftit ftit, jiena ħloqt ħbiberija mill-viċin magħha, u ġibtilha l-ferħ f’ħajjitha.

“Darba waħda, jiena ddeċidejt li mmur inżur lil Julia u nistaqsiha dwar id-deċiżjoni tagħha li ma tattendix il-knisja.

“Jiena sirt naf li hi ma kellha l-ebda familja jew qraba viċin. L-uniku ħuha li kellha, li kien joqgħod ‘il bogħod minnha mhux ħażin, u kien jikkomunika magħha bit-telefon darba fis-sena. Hekk kif jiena qgħadt nismagħha tesprimi l-imrar, ir-rabja u l-frustrazzjoni li kellha fiha għall-familja tagħha u għall-Knisja, jiena ħassejt fija b’qawwa sentiment li ma nistax niċħdu, ta’ kompassjoni u mħabba, lejn din l-oħt. Jiena ħassejt fija l-uġigħ u l-frustrazzjoni tagħha. Irrealizzajt kemm hija kienet qed tgħix ħajja ta’ solitudni. Kien bħallikieku smajt xi ħadd ilissen minn warajja: ‘Jiena nħobbha wkoll. Ara li tħobbha u tirrispettaha.’

“Jiena bqajt bilqiegħda nismagħha sakemm ma kellhiex aktar xi tgħid. Jiena mtlejt b’imħabba u kompassjoni lejha. Din kienet oħt li qatt ma kienet taf x’jiġifieri li tkun maħbuba. F’daqqa waħda jiena bdejt nifhimha ferm aktar. Irringrazzjajtha talli tagħtni ċ-ċans li nqatta’ ħin magħha, u qabel tlaqt għannaqtha u ħriġt minn hemm mimlija mħabba u rispett lejha. Hija probabbilment qatt ma se tkun taf x’effett ħalliet fuqi dik iż-żjara. Missierna tas-Smewwiet fetaħli għajnejja u għallimni li jiena kelli l-kapaċità li nħobb b’kompassjoni akbar. Jiena determinata ħafna li mhux biss inkun ħabiba tagħha iżda wkoll li hi ssir parti mill-familja tiegħi.

Hija ħaġa sagra li xi ħadd jistedinna f’ħajtu. Permezz tat-talb, tal-paċenzja u tal-għajnuna li niksbu mingħand l-Ispirtu, aħna nistgħu nitgħallmu nagħmlu dan b’viżjoni bħal ta’ Kristu.

Nota

  1. S. Mark Palmer, “Imbagħad Ġesù Xeħet Fuqu Ħarsa ta’ Mħabba,” Liahona, Mejju 2017, 115.

Ipprintja