2019
Nista’ Jien Ngħin lil Xi Ħadd Jinbidel?
Awwissu 2019


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Awwissu 2019

Nista’ Jien Ngħin lil Xi Ħadd Jinbidel?

Iva. Iżda l-irwol tiegħek jaf ikun differenti milli ħsibt.

Aħna ġejna maħluqin bil-kapaċità li ninbidlu. L-għan tal-esperjenza mortali tagħna hu li nersqu dejjem aktar viċin il-potenzjal divin tagħna. Wieħed mill-akbar għanijiet tagħna fil-ministeru hu li ngħinu lil oħrajn jersqu lejn Kristu u jagħmlu t-tibdil neċessarju biex jerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu. Iżda minħabba l-għażla ħielsa tagħhom, l-irwol tagħna li ngħinuhom isiru aktar bħal Kristu huwa wieħed limitat.

Dawn huma seba’ lezzjonijiet importanti mingħand is-Salvatur dwar kif aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn fl-isforzi tagħhom li jinbidlu u jsiru jixbhu aktar lilu.

  1. Tibżgħux Tistednuhom biex Jinbidlu

    Is-Salvatur ma beżax jistieden lil ħaddieħor biex iħalli l-ħajja passata warajh u jħaddan it-tagħlim Tiegħu. Huwa stieden lil Pietru u lil Ġakbu biex jitilqu l-impjiegi tagħhom biex “jagħmel minnhom sajjieda tal-bnedmin” (Mark 1:17). Huwa stieden lill-mara li nqabdet f’adulterju meta qalilha “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġwanni 8:11). Huwa stieden lir-raġel żagħżugħ u għani biex jiċċaħħad mill-ġibda tiegħu għall-affarijiet tad-dinja u jimxi warajh (ara Mark 10:17–22). Aħna wkoll nistgħu, bi qlubija u b’imħabba, nistiednu lil ħaddieħor jagħmel it-tibdil neċessarju u jimxi wara s-Salvatur.

  2. Ftakru li Hi l-Għażla Tagħhom li Jinbidlu

    It-tip ta’ bidla li jistedinna nagħmlu s-Salvatur ma nistgħux nisfurzawha fuq ħaddieħor. Is-Salvatur għallem u stieden, iżda qatt ma sforza lil ħadd. Ir-raġel żagħżugħ u għani “telaq b’qalbu sewda” (Mattew 19:22). F’Kafarnahum, ħafna mid-dixxipli Tiegħu għażlu li “jitilquh,” u Huwa staqsa lit-Tnax jekk ridux jitilqu huma wkoll (ara Ġwanni 6:66–67). Xi wħud mid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista għażlu li jimxu wara s-Salvatur, oħrajn le (ara Ġwanni 1:35–37; 10:40–42). Aħna nistgħu nistiednu lil ħaddieħor biex isir aktar jixbah lilu, iżda aħna ma nistgħux niddeċiedu għalihom li jinbidlu. U jekk huma għadhom m’għażlux li jinbidlu, aħna m’għandniex naqtgħu qalbna—jew inħossuna bħallikieku fallejna.

  3. Itolbu biex Ħaddieħor Ikollu l-Abbiltà li Jinbidel

    Waqt it-Talba ta’ Interċessjoni Tiegħu, Ġesù talab lil Alla biex id-dixxipli Tiegħu jitbiegħdu mill-ħażen, isiru aktar jixbhu lilu u lill-Missier, u jimtlew bl-imħabba ta’ Alla (ara Ġwanni 17:11, 21–23, 26). U peress li kien jaf li Pietru kien jeħtieġ ċerta qawwa fl-isforzi tiegħu biex hu jkun jista’ jikber fl-irwol tiegħu, is-Salvatur talab għalih (ara Luqa 22:32). It-talb tagħna għal ħaddieħor jista’ jagħmel differenza (ara Ġakbu 5:16).

  4. Għallmuhom biex Jafdaw fil-Qawwa Tiegħu

    Huwa biss permezz tas-Salvatur li aħna nistgħu verament ninbidlu u nersqu dejjem aktar qrib il-potenzjal divin li aħna lkoll għandna. Huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz [Tiegħu]” (Ġwanni 14:6). Hija l-qawwa Tiegħu li tista’ “tqawwi fejn hu dgħajjef” (Ether 12:27). Kienet il-fidi fil-qawwa tal-att tal-fidwa Tiegħu li wasslet biex Alma ż-Żgħir jinbidel (ara Alma 36:16–23). Aħna nistgħu ngħallmu lill-oħrajn biex jafdaw fis-Salvatur ħalli huma wkoll jista’ jkollhom f’ħajjithom il-qawwa Tiegħu li tirraffina.

  5. Ittrattawhom Skont Dak li Kapaċi Jsiru

    L-imħabba u l-aċċettazzjoni jistgħu jkunu aġenti mill-aktar effettivi għall-bidla. Il-mara ħdejn il-bir kienet qed tgħix ma’ raġel li ma kienx żewġha. Id-dixxipli ta’ Ġesù “stagħġbu jarawh jitkellem mal-mara” (Ġwanni 4:27), iżda Ġesù aktar kien jimpurtah minn dak li hi kienet kapaċi ssir. Huwa għallimha u ta l-opportunità li tinbidel, kif fil-fatt għamlet. (Ara Ġwanni 4:4-42.)

    Meta aħna nittrattaw lil ħaddieħor skont kif inhu fil-preżent minflok x’kapaċi jsir, aħna nkunu qed inżommuh lura milli jinbidel. Aħna pjuttost għandna naħfru u ninsew l-iżbalji tal-passat. Aħna nistgħu nemmnu li ħaddieħor jista’ jinbidel. Aħna nistgħu nagħlqu għajnejna għad-dgħjufija tagħhom u nindikawlhom il-karatteristiċi pożittivi li huma stess jafu ma jistgħux jaraw fihom infushom. “Aħna għandna r-responsabbiltà li nħarsu lejn l-individwi mhux kif inhuma fil-preżent iżda pjuttost kif jistgħu jsiru.”1

  6. Ħalluhom Jieħdu l-Ħin Tagħhom

    Il-bidla tieħu ż-żmien. Aħna lkoll għandna “inkunu paċenzjużi sakemm aħna nipperfezzjonaw ruħna” (Doctrine and Covenants 67:13). Ġesù ħa paċenzja b’ħaddieħor u kompla jgħallem anke lil dawk li kienu jopponuh, fejn Hu kien jixhed dwar l-irwol Tiegħu mogħti lilu minn Missieru u kien iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom (ara Mattew 12:1–13; Ġwanni 7:28–29). Aħna nistgħu nkunu paċenzjużi mal-oħrajn u nħeġġuhom biex ikunu paċenzjużi magħhom infushom.

  7. Taqtgħux Qalbkom Jekk Huma Jerġgħu Lura għall-Ħajja ta’ Qabel

    Wara li miet Kristu, anke Pietru u xi wħud mill-Appostli l-oħra kienu reġgħu lura għall-ħajja li kienu familjari magħha (ara Ġwanni 21:3). Kristu fakkar lil Pietru li hu kien jeħtieġ li “jirgħa n-nagħaġ [Tiegħu]” (ara Ġwanni 21:15–17), u Pietru reġa’ lura għall-ministeru. Faċli ferm li wieħed jerġa’ lura għall-ħajja ta’ qabel. Jeħtieġ li aħna nkomplu nappoġġjawhom billi ninkuraġġuhom b’ġentilezza u nistednuhom b’ispirazzjoni biex huma jkomplu jimxu wara s-Salvatur u jagħmlu l-almu tagħhom biex isiru aktar jixbhuh.

Agħtu Ċans lil Ħaddieħor Jikber

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu rrakkonta din l-istorja dwar kif aħna nistgħu nagħtu ċans biex ħaddieħor jikber: “Darba tgħallimt rakkont dwar raġel żagħżugħ li għal ħafna snin kien, tista’ tgħid, il-vittma ta’ kull ċajta fl-iskola. Huwa kellu ċerti żvantaġġi, u kien faċli ferm li sħabu jaqbdu miegħu. Aktar tard f’ħajtu huwa mar jgħix post ieħor. Eventwalment huwa ngħaqad mal-armata u hemm kellu ċerti esperjenzi ta’ suċċess fejn jidħol studju u biex b’mod ġenerali jinqata’ mill-passat. Wara kollox, kif jagħmlu ħafna fil-militar, huwa skopra s-sbuħija u l-majestà tal-Knisja u sar attiv u kuntent li kien parti minnha.

“Imbagħad, wara numru ta’ snin, huwa reġa’ mar lura fil-belt fejn kien joqgħod meta kien żagħżugħ. Bosta minn dawk tal-ġenerazzjoni tiegħu kienu marru joqogħdu x’imkien ieħor iżda mhux kollha. Apparentament, meta huwa reġa’ lura bħala bniedem li kien irnexxa sew u tista’ tgħid bħala bniedem mibdul, ħafna minn dawk ta’ moħħhom magħluq kienu għadhom hemm, jistennew ir-ritorn tiegħu. Għan-nies tal-belt tiegħu, huwa kien għadu sempliċiment ‘it-tali.’ …

“Ftit ftit l-isforz Pawlin ta’ dan ir-raġel, li jħalli l-passat warajh u jaħtaf il-premju li Alla kellu lest għalih, gradwalment beda jiddgħajjef sakemm huwa miet fl-istess ċirkustanzi li kien fihom fiż-żogħżija tiegħu. … Ħasra kbira u ħaġa verament ta’ niket li huwa reġa’ spiċċa mdawwar b’ … dawk li kienu jaħsbu li l-passat tiegħu kien aktar interessanti mill-futur tiegħu. Huma rnexxielhom iċaħħduh mit-trasformazzjoni li kien wettaq fih Kristu. U huwa miet imnikket, għalkemm ftit li xejn kien tort tiegħu …

Agħtu ċans lin-nies jindmu. Agħtuhom ċans jikbru. Emmnu li n-nies jistgħu jinbidlu u jitjiebu.”2

Noti

  1. Thomas S. Monson, “See Others as They May Become,” Liahona, Nov. 2012, 70.

  2. Jeffrey R. Holland, “The Best Is Yet to Be,” Liahona, Jan. 2010, 19, 20.

Ipprintja