Prinċipji tal-Ministeru, Awwissu 2019
Nista’ Jien Ngħin lil Xi Ħadd Jinbidel?
Iva. Iżda l-irwol tiegħek jaf ikun differenti milli ħsibt.
Aħna ġejna maħluqin bil-kapaċità li ninbidlu. L-għan tal-esperjenza mortali tagħna hu li nersqu dejjem aktar viċin il-potenzjal divin tagħna. Wieħed mill-akbar għanijiet tagħna fil-ministeru hu li ngħinu lil oħrajn jersqu lejn Kristu u jagħmlu t-tibdil neċessarju biex jerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu. Iżda minħabba l-għażla ħielsa tagħhom, l-irwol tagħna li ngħinuhom isiru aktar bħal Kristu huwa wieħed limitat.
Dawn huma seba’ lezzjonijiet importanti mingħand is-Salvatur dwar kif aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn fl-isforzi tagħhom li jinbidlu u jsiru jixbhu aktar lilu.
-
Tibżgħux Tistednuhom biex Jinbidlu
Is-Salvatur ma beżax jistieden lil ħaddieħor biex iħalli l-ħajja passata warajh u jħaddan it-tagħlim Tiegħu. Huwa stieden lil Pietru u lil Ġakbu biex jitilqu l-impjiegi tagħhom biex “jagħmel minnhom sajjieda tal-bnedmin” (Mark 1:17). Huwa stieden lill-mara li nqabdet f’adulterju meta qalilha “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġwanni 8:11). Huwa stieden lir-raġel żagħżugħ u għani biex jiċċaħħad mill-ġibda tiegħu għall-affarijiet tad-dinja u jimxi warajh (ara Mark 10:17–22). Aħna wkoll nistgħu, bi qlubija u b’imħabba, nistiednu lil ħaddieħor jagħmel it-tibdil neċessarju u jimxi wara s-Salvatur.
-
Ftakru li Hi l-Għażla Tagħhom li Jinbidlu
It-tip ta’ bidla li jistedinna nagħmlu s-Salvatur ma nistgħux nisfurzawha fuq ħaddieħor. Is-Salvatur għallem u stieden, iżda qatt ma sforza lil ħadd. Ir-raġel żagħżugħ u għani “telaq b’qalbu sewda” (Mattew 19:22). F’Kafarnahum, ħafna mid-dixxipli Tiegħu għażlu li “jitilquh,” u Huwa staqsa lit-Tnax jekk ridux jitilqu huma wkoll (ara Ġwanni 6:66–67). Xi wħud mid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista għażlu li jimxu wara s-Salvatur, oħrajn le (ara Ġwanni 1:35–37; 10:40–42). Aħna nistgħu nistiednu lil ħaddieħor biex isir aktar jixbah lilu, iżda aħna ma nistgħux niddeċiedu għalihom li jinbidlu. U jekk huma għadhom m’għażlux li jinbidlu, aħna m’għandniex naqtgħu qalbna—jew inħossuna bħallikieku fallejna.
-
Itolbu biex Ħaddieħor Ikollu l-Abbiltà li Jinbidel
Waqt it-Talba ta’ Interċessjoni Tiegħu, Ġesù talab lil Alla biex id-dixxipli Tiegħu jitbiegħdu mill-ħażen, isiru aktar jixbhu lilu u lill-Missier, u jimtlew bl-imħabba ta’ Alla (ara Ġwanni 17:11, 21–23, 26). U peress li kien jaf li Pietru kien jeħtieġ ċerta qawwa fl-isforzi tiegħu biex hu jkun jista’ jikber fl-irwol tiegħu, is-Salvatur talab għalih (ara Luqa 22:32). It-talb tagħna għal ħaddieħor jista’ jagħmel differenza (ara Ġakbu 5:16).
-
Għallmuhom biex Jafdaw fil-Qawwa Tiegħu
Huwa biss permezz tas-Salvatur li aħna nistgħu verament ninbidlu u nersqu dejjem aktar qrib il-potenzjal divin li aħna lkoll għandna. Huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz [Tiegħu]” (Ġwanni 14:6). Hija l-qawwa Tiegħu li tista’ “tqawwi fejn hu dgħajjef” (Ether 12:27). Kienet il-fidi fil-qawwa tal-att tal-fidwa Tiegħu li wasslet biex Alma ż-Żgħir jinbidel (ara Alma 36:16–23). Aħna nistgħu ngħallmu lill-oħrajn biex jafdaw fis-Salvatur ħalli huma wkoll jista’ jkollhom f’ħajjithom il-qawwa Tiegħu li tirraffina.
-
Ittrattawhom Skont Dak li Kapaċi Jsiru
L-imħabba u l-aċċettazzjoni jistgħu jkunu aġenti mill-aktar effettivi għall-bidla. Il-mara ħdejn il-bir kienet qed tgħix ma’ raġel li ma kienx żewġha. Id-dixxipli ta’ Ġesù “stagħġbu jarawh jitkellem mal-mara” (Ġwanni 4:27), iżda Ġesù aktar kien jimpurtah minn dak li hi kienet kapaċi ssir. Huwa għallimha u ta l-opportunità li tinbidel, kif fil-fatt għamlet. (Ara Ġwanni 4:4-42.)
Meta aħna nittrattaw lil ħaddieħor skont kif inhu fil-preżent minflok x’kapaċi jsir, aħna nkunu qed inżommuh lura milli jinbidel. Aħna pjuttost għandna naħfru u ninsew l-iżbalji tal-passat. Aħna nistgħu nemmnu li ħaddieħor jista’ jinbidel. Aħna nistgħu nagħlqu għajnejna għad-dgħjufija tagħhom u nindikawlhom il-karatteristiċi pożittivi li huma stess jafu ma jistgħux jaraw fihom infushom. “Aħna għandna r-responsabbiltà li nħarsu lejn l-individwi mhux kif inhuma fil-preżent iżda pjuttost kif jistgħu jsiru.”1
-
Ħalluhom Jieħdu l-Ħin Tagħhom
Il-bidla tieħu ż-żmien. Aħna lkoll għandna “inkunu paċenzjużi sakemm aħna nipperfezzjonaw ruħna” (Doctrine and Covenants 67:13). Ġesù ħa paċenzja b’ħaddieħor u kompla jgħallem anke lil dawk li kienu jopponuh, fejn Hu kien jixhed dwar l-irwol Tiegħu mogħti lilu minn Missieru u kien iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom (ara Mattew 12:1–13; Ġwanni 7:28–29). Aħna nistgħu nkunu paċenzjużi mal-oħrajn u nħeġġuhom biex ikunu paċenzjużi magħhom infushom.
-
Taqtgħux Qalbkom Jekk Huma Jerġgħu Lura għall-Ħajja ta’ Qabel
Wara li miet Kristu, anke Pietru u xi wħud mill-Appostli l-oħra kienu reġgħu lura għall-ħajja li kienu familjari magħha (ara Ġwanni 21:3). Kristu fakkar lil Pietru li hu kien jeħtieġ li “jirgħa n-nagħaġ [Tiegħu]” (ara Ġwanni 21:15–17), u Pietru reġa’ lura għall-ministeru. Faċli ferm li wieħed jerġa’ lura għall-ħajja ta’ qabel. Jeħtieġ li aħna nkomplu nappoġġjawhom billi ninkuraġġuhom b’ġentilezza u nistednuhom b’ispirazzjoni biex huma jkomplu jimxu wara s-Salvatur u jagħmlu l-almu tagħhom biex isiru aktar jixbhuh.
Agħtu Ċans lil Ħaddieħor Jikber
Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu rrakkonta din l-istorja dwar kif aħna nistgħu nagħtu ċans biex ħaddieħor jikber: “Darba tgħallimt rakkont dwar raġel żagħżugħ li għal ħafna snin kien, tista’ tgħid, il-vittma ta’ kull ċajta fl-iskola. Huwa kellu ċerti żvantaġġi, u kien faċli ferm li sħabu jaqbdu miegħu. Aktar tard f’ħajtu huwa mar jgħix post ieħor. Eventwalment huwa ngħaqad mal-armata u hemm kellu ċerti esperjenzi ta’ suċċess fejn jidħol studju u biex b’mod ġenerali jinqata’ mill-passat. Wara kollox, kif jagħmlu ħafna fil-militar, huwa skopra s-sbuħija u l-majestà tal-Knisja u sar attiv u kuntent li kien parti minnha.
“Imbagħad, wara numru ta’ snin, huwa reġa’ mar lura fil-belt fejn kien joqgħod meta kien żagħżugħ. Bosta minn dawk tal-ġenerazzjoni tiegħu kienu marru joqogħdu x’imkien ieħor iżda mhux kollha. Apparentament, meta huwa reġa’ lura bħala bniedem li kien irnexxa sew u tista’ tgħid bħala bniedem mibdul, ħafna minn dawk ta’ moħħhom magħluq kienu għadhom hemm, jistennew ir-ritorn tiegħu. Għan-nies tal-belt tiegħu, huwa kien għadu sempliċiment ‘it-tali.’ …
“Ftit ftit l-isforz Pawlin ta’ dan ir-raġel, li jħalli l-passat warajh u jaħtaf il-premju li Alla kellu lest għalih, gradwalment beda jiddgħajjef sakemm huwa miet fl-istess ċirkustanzi li kien fihom fiż-żogħżija tiegħu. … Ħasra kbira u ħaġa verament ta’ niket li huwa reġa’ spiċċa mdawwar b’ … dawk li kienu jaħsbu li l-passat tiegħu kien aktar interessanti mill-futur tiegħu. Huma rnexxielhom iċaħħduh mit-trasformazzjoni li kien wettaq fih Kristu. U huwa miet imnikket, għalkemm ftit li xejn kien tort tiegħu …
“Agħtu ċans lin-nies jindmu. Agħtuhom ċans jikbru. Emmnu li n-nies jistgħu jinbidlu u jitjiebu.”2
© 2019 by Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in the USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/18. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/18. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, August 2019. Maltese. 15769 159