2019
Jaqaw m’intomx tagħtu kas ta’ din il-parti daqstant importanti tal-ministeru?
Ottubru 2019


Prinċipji tal-Ministeru, Ottubru 2019

Jaqaw m’intomx tagħtu kas ta’ din il-parti daqstant importanti tal-ministeru?

Il-ministeru ifisser li “tifirħu ma’ min jifraħ” daqs kemm ifisser li “tibku ma’ min jibki” (Rumani 12:15).

Immaġni
ministering

Illustrazzjonijiet minn Augusto Zambonato

Meta naħsbu dwar il-ministeru, hu faċli li naħsbu biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Nitkellmu dwar li ngħinu lill-armla fix-xogħol tal-ġnien, nieħdu xi bukkun lill-marid jew nagħtu xi ħaġa lil min għaddej minn żmien diffiċli. Aħna niftakru fil-kunsill ta’ Pawlu li “nibku ma’ min jibki,” iżda aħna qegħdin niffukaw biżżejjed fuq l-ewwel parti ta’ dak il-vers—li “nifirħu ma’ min jifraħ”? (Rumani 12:15). Li nifirħu ma’ dawk li lilhom nimministraw—kemm jekk dan ifisser li niċċelebraw is-suċċess tagħhom, u kemm jekk ifisser li ngħinuhom isibu l-ferħ fi żminijiet diffiċli—hija parti importanti milli nimministraw kif irid is-Salvatur.

Dawn huma tliet ideat li jistgħu jgħinuna (u waħda li għandna nevitaw) hekk kif aħna nfittxu li niffokaw fuq it-tajjeb li Alla jagħtina f’ħajjitna.

1. Kunu konxji

Bonnie H. Cordon, President Ġenerali tat-Tfajliet, tgħinna nifhmu li aħna jeħtieġ naraw lil dawk li lilhom nimministraw—naraw mhux biss it-tagħbija u t-taqbid tagħhom, iżda wkoll il-ħiliet, it-talenti, u s-suċċessi tagħhom. Hija qalet li aħna jeħtieġ li nkunu l-persuna li “għandhom fiduċja fiha u li jistgħu jiftħu qalbhom magħha—xi ħadd li hu konxju taċ-ċirkustanzi tagħhom u li jissapportjahom fit-tamiet u fl-aspirazzjonijiet tagħhom.”1

Fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, is-Salvatur qal li dawk li se jkunu fuq il-lemin Tiegħu se jistaqsu: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek?

“Meta rajniek barrani u lqajniek?” (Mattew 25:37–38).

“Ħuti, il-kelma ewlenija hija rajniek,” qalet Sister Cordon. “It-twajbin raw lil dawk fil-bżonn għaliex huma kienu qed iħarsu lejhom u jinnutawhom. Aħna wkoll nistgħu nżommu ħarsitna fuqhom biex inkunu nistgħu ngħinuhom u nfarrġuhom, biex niċċelebraw u saħansitra noħolmu magħhom.”2

2. Sibu raġuni biex tiċċelebraw

Iċċelebraw is-suċċessi, kbar u żgħar. Jista’ jkun li xi persuna tkun rebħet il-marda tal-kanċer jew irkuprat minn tmiem ta’ relazzjoni, jew sabet xi impjieg ġdid jew sabet xi żarbuna mitlufa, jew baqgħet għaddejja b’kuraġġ għal xahar sħiħ wara t-telfa ta’ xi maħbub tagħha jew irnexxielha tgħaddi ġimgħa mingħajr ma tieħu zokkor.

Ċemplulha biex tifirħulha, agħtuha kartolina, jew oħorġu magħha għall-ikel. Meta aħna naqsmu l-barkiet tagħna flimkien, ngħixu ħajja ta’ gratitudni, u niċċelebraw il-barkiet u s-suċċessi tal-oħrajn, aħna “nkunu qed nifirħu fil-ferħ ta’ ħutna” (Alma 30:34).

3. Araw id il-Mulej

Xi kultant li tifirħu mal-oħrajn ifisser li tgħinuhom isibu raġuni għalfejn huma għandhom jifirħu—huma x’inhuma d-diffikultajiet jew il-pjaċiri li nesperjenzaw f’ħajjitna. Il-verità sempliċi li Missierna tas-Smewwiet huwa konxju tagħna u lest jelevana taf tkun sors inkredibbli ta’ ferħ.

Intom tistgħu tgħinu lil oħrajn jaraw id il-Mulej f’ħajjithom billi taqsmu magħhom kif intom rajtu idu f’ħajjitkom. Kunu vulnerabbli biżżejjed li taqsmu magħhom kif Missierna tas-Smewwiet għenkom waqt l-isfidi tagħkom. Din it-testimonjanza tista’ tgħin lil ħaddieħor jagħraf kif Huwa għenhom (ara Mosiah 24:14).

4. Tillimitawx l-abbiltà tagħkom li tifirħu

Sfortunatament, xi kultant aħna nillimitaw l-abbiltà tagħna li nifirħu ma’ ħaddieħor, partikolarment meta aħna nħossuna insikuri dwar x’aħna kapaċi noffru jew fejn ninsabu f’ħajjitna. Minflok ma nsibu l-ferħ fl-hena ta’ ħaddieħor, aħna naqgħu fin-nassa tal-paragun. Kif għallem il-Presbiteru Quentin L. Cook tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu: “Li noqogħdu nipparagunaw il-barkiet hi ħaġa ċerta kif inbiegħdu l-ferħ. Aħna ma nistgħux inkunu grati u għajjurin fl-istess ħin.”3

“Kif nistgħu aħna negħlbu tendenza li hi daqstant komuni kważi f’kulħadd?” staqsa l-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “… Aħna nistgħu ngħoddu l-ħafna barkiet tagħna u nistgħu niċċelebraw il-kisbiet ta’ ħaddieħor. Fuq kollox, aħna nistgħu nservu lil ħaddieħor, l-aqwa eżerċizzju għall-qalb li qatt ġie preskritt.”4 Minflok ma’ noqogħdu nipparagunaw, aħna nistgħu nikkumplimentaw lil dawk li lilhom nimministraw. Liberament aqsmu magħhom dak li intom tapprezzaw fihom jew fil-membri tal-familja tagħhom.

Kif ifakkarna Pawlu, aħna lkoll membri tal-ġisem ta’ Kristu, u meta “membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Korintin 12:26). Bl-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet, aħna nistgħu nkunu konxji tal-esperjenzi tal-oħrajn, niċċelebraw is-suċċessi, kbar jew żgħar, ngħinuhom jagħrfu id il-Mulej, u negħlbu l-għira ħalli aħna nkunu nistgħu verament nifirħu flimkien fil-barkiet, fit-talenti, u fl-hena tal-oħrajn.

Noti

  1. Bonnie H. Cordon, “Insiru Rgħajja,” Konferenza Ġenerali, Ott. 2018.

  2. Bonnie H. Cordon, “Insiru Rgħajja.”

  3. Quentin L. Cook, “Rejoice!” Ensign, Nov. 1996, 30.

  4. Jeffrey R. Holland, “The Other Prodigal,” Liahona, Mejju 2002, 64.

Ipprintja