Prinċipji tal-Ministeru, Ottubru 2019
Jaqaw m’intomx tagħtu kas ta’ din il-parti daqstant importanti tal-ministeru?
Il-ministeru ifisser li “tifirħu ma’ min jifraħ” daqs kemm ifisser li “tibku ma’ min jibki” (Rumani 12:15).
Meta naħsbu dwar il-ministeru, hu faċli li naħsbu biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Nitkellmu dwar li ngħinu lill-armla fix-xogħol tal-ġnien, nieħdu xi bukkun lill-marid jew nagħtu xi ħaġa lil min għaddej minn żmien diffiċli. Aħna niftakru fil-kunsill ta’ Pawlu li “nibku ma’ min jibki,” iżda aħna qegħdin niffukaw biżżejjed fuq l-ewwel parti ta’ dak il-vers—li “nifirħu ma’ min jifraħ”? (Rumani 12:15). Li nifirħu ma’ dawk li lilhom nimministraw—kemm jekk dan ifisser li niċċelebraw is-suċċess tagħhom, u kemm jekk ifisser li ngħinuhom isibu l-ferħ fi żminijiet diffiċli—hija parti importanti milli nimministraw kif irid is-Salvatur.
Dawn huma tliet ideat li jistgħu jgħinuna (u waħda li għandna nevitaw) hekk kif aħna nfittxu li niffokaw fuq it-tajjeb li Alla jagħtina f’ħajjitna.
1. Kunu konxji
Bonnie H. Cordon, President Ġenerali tat-Tfajliet, tgħinna nifhmu li aħna jeħtieġ naraw lil dawk li lilhom nimministraw—naraw mhux biss it-tagħbija u t-taqbid tagħhom, iżda wkoll il-ħiliet, it-talenti, u s-suċċessi tagħhom. Hija qalet li aħna jeħtieġ li nkunu l-persuna li “għandhom fiduċja fiha u li jistgħu jiftħu qalbhom magħha—xi ħadd li hu konxju taċ-ċirkustanzi tagħhom u li jissapportjahom fit-tamiet u fl-aspirazzjonijiet tagħhom.”1
Fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, is-Salvatur qal li dawk li se jkunu fuq il-lemin Tiegħu se jistaqsu: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek?
“Meta rajniek barrani u lqajniek?” (Mattew 25:37–38).
“Ħuti, il-kelma ewlenija hija rajniek,” qalet Sister Cordon. “It-twajbin raw lil dawk fil-bżonn għaliex huma kienu qed iħarsu lejhom u jinnutawhom. Aħna wkoll nistgħu nżommu ħarsitna fuqhom biex inkunu nistgħu ngħinuhom u nfarrġuhom, biex niċċelebraw u saħansitra noħolmu magħhom.”2
2. Sibu raġuni biex tiċċelebraw
Iċċelebraw is-suċċessi, kbar u żgħar. Jista’ jkun li xi persuna tkun rebħet il-marda tal-kanċer jew irkuprat minn tmiem ta’ relazzjoni, jew sabet xi impjieg ġdid jew sabet xi żarbuna mitlufa, jew baqgħet għaddejja b’kuraġġ għal xahar sħiħ wara t-telfa ta’ xi maħbub tagħha jew irnexxielha tgħaddi ġimgħa mingħajr ma tieħu zokkor.
Ċemplulha biex tifirħulha, agħtuha kartolina, jew oħorġu magħha għall-ikel. Meta aħna naqsmu l-barkiet tagħna flimkien, ngħixu ħajja ta’ gratitudni, u niċċelebraw il-barkiet u s-suċċessi tal-oħrajn, aħna “nkunu qed nifirħu fil-ferħ ta’ ħutna” (Alma 30:34).
3. Araw id il-Mulej
Xi kultant li tifirħu mal-oħrajn ifisser li tgħinuhom isibu raġuni għalfejn huma għandhom jifirħu—huma x’inhuma d-diffikultajiet jew il-pjaċiri li nesperjenzaw f’ħajjitna. Il-verità sempliċi li Missierna tas-Smewwiet huwa konxju tagħna u lest jelevana taf tkun sors inkredibbli ta’ ferħ.
Intom tistgħu tgħinu lil oħrajn jaraw id il-Mulej f’ħajjithom billi taqsmu magħhom kif intom rajtu idu f’ħajjitkom. Kunu vulnerabbli biżżejjed li taqsmu magħhom kif Missierna tas-Smewwiet għenkom waqt l-isfidi tagħkom. Din it-testimonjanza tista’ tgħin lil ħaddieħor jagħraf kif Huwa għenhom (ara Mosiah 24:14).
4. Tillimitawx l-abbiltà tagħkom li tifirħu
Sfortunatament, xi kultant aħna nillimitaw l-abbiltà tagħna li nifirħu ma’ ħaddieħor, partikolarment meta aħna nħossuna insikuri dwar x’aħna kapaċi noffru jew fejn ninsabu f’ħajjitna. Minflok ma nsibu l-ferħ fl-hena ta’ ħaddieħor, aħna naqgħu fin-nassa tal-paragun. Kif għallem il-Presbiteru Quentin L. Cook tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu: “Li noqogħdu nipparagunaw il-barkiet hi ħaġa ċerta kif inbiegħdu l-ferħ. Aħna ma nistgħux inkunu grati u għajjurin fl-istess ħin.”3
“Kif nistgħu aħna negħlbu tendenza li hi daqstant komuni kważi f’kulħadd?” staqsa l-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “… Aħna nistgħu ngħoddu l-ħafna barkiet tagħna u nistgħu niċċelebraw il-kisbiet ta’ ħaddieħor. Fuq kollox, aħna nistgħu nservu lil ħaddieħor, l-aqwa eżerċizzju għall-qalb li qatt ġie preskritt.”4 Minflok ma’ noqogħdu nipparagunaw, aħna nistgħu nikkumplimentaw lil dawk li lilhom nimministraw. Liberament aqsmu magħhom dak li intom tapprezzaw fihom jew fil-membri tal-familja tagħhom.
Kif ifakkarna Pawlu, aħna lkoll membri tal-ġisem ta’ Kristu, u meta “membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Korintin 12:26). Bl-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet, aħna nistgħu nkunu konxji tal-esperjenzi tal-oħrajn, niċċelebraw is-suċċessi, kbar jew żgħar, ngħinuhom jagħrfu id il-Mulej, u negħlbu l-għira ħalli aħna nkunu nistgħu verament nifirħu flimkien fil-barkiet, fit-talenti, u fl-hena tal-oħrajn.
© 2019 by Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in the USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/18. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/18. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, October 2019. Maltese. 15771 159