2019
X’tgħallimna l-Istorja tal-Milied dwar il-Ministeru
Diċembru 2019


Prinċipji tal-Ministeru, Diċembru 2019

X’tgħallimna l-Istorja tal-Milied dwar il-Ministeru

“Dan huwa l-istaġun tant għażiż tas-sena. Kantaw għanja; il-Milied dalwaqt magħna. Irrakkontaw l-istorja vera tat-twelid ta’ Ġesù, meta, bħala tarbija, huwa ġie fid-dinja” (“The Nativity Song,” Children’s Songbook, 52).

Immaġni
ministering

Dettall minn Araw il-Ħaruf ta’ Alla, minn Walter Rane

Żmien il-Milied hu żmien sabiħ meta n-nagħaġ, ir-rgħajja, il-maxturi, u l-kwiekeb f’daqqa waħda jieħdu tifsira ġdida. Huma jsiru protagonisti importanti fir-rakkont ta’ waħda mill-aktar ġrajjiet importanti fl-istorja umana: it-twelid ta’ Ġesù Kristu. Bosta familji jesebixxu presepju fi djarhom. Oħrajn jiddedikaw ħin biex jaqraw l-istorja tat-twelid Tiegħu jew jieħdu sehem f’xi reċta. Bħall-istejjer kollha dwar Kristu, l-istorja tat-twelid Tiegħu hi mimlija lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minnhom dwar il-ministeru, dwar kif nistgħu naqsmu d-dawl Tiegħu biex indawlu d-dinja. “L-istorja tal-Milied hi storja ta’ mħabba,” qal il-President Henry B. Eyring, it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza.

“… Fl-istejjer tat-twelid ta’ Kristu, aħna nistgħu naraw u nħossu Hu min kien u Hu min hu. Dan itaffi t-tagħbija tagħna tul it-triq. U jwassalna biex ninsew lilna nfusna u ntaffu t-tagħbija ta’ ħaddieħor.”1

“Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Luqa 2:7)

Sid il-lukanda naqas milli jsib post għas-Salvatur, iżda aħna m’hemmx għalfejn nagħmlu l-istess żball! Aħna nistgħu nsibu post għas-Salvatur ġewwa qalbna billi nsibu post għal ħutna madwar l-imwejjed tagħna, fi djarna, u fit-tradizzjonijiet tagħna. Bosta tradizzjonijiet tal-familja jistgħu jsiru aktar ħelwin u aktar memorabbli billi ninkludu fihom nies oħra. Daiana u l-familja tagħha għandhom tradizzjoni li jistiednu lil xi ħadd biex iqatta’ l-Milied magħhom. Kull meta jasal Diċembru, huma jiddiskutu u jiddeċiedu lil min jixtiequ jistiednu.2 Forsi l-familja tagħkom tista’ tibda wkoll tradizzjoni simili. Jista’ jkun li xi ħadd li lilu intom timministraw jieħu gost jingħaqad mal-familja tagħkom meta tkantaw flimkien l-għanjiet tal-Milied favoriti tagħkom. Waqt l-ikla tal-Milied tagħkom tafu wkoll issibu post għal xi ħadd li m’għandux familja fl-inħawi tagħkom.

X’mod aħjar minn dan biex niċċelebraw lis-Salvatur milli nimxu wara l-eżempju Tiegħu tal-inklużjoni? Ftakru li Huwa jistieden “lil kulħadd biex imur għandu u jgawdi mit-tjubija tiegħu; u huwa ma jirrifjuta lill-ebda bniedem li jmur għandu, iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara; u huwa jiftakar il-ġnus; u kulħadd l-istess għal Alla, kemm il-Lhudi kif ukoll il-Ġentil” (2 Nephi 26:33). Sibu post u oħolqu l-inklużjoni.

“F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl” (Luqa 2:8)

Kien bix-xieraq li r-rgħajja kienu fost tal-ewwel li jagħtu merħba lis-Salvatur tarbija. Il-profeti tal-qedem irreferew għal Ġesù Kristu bħala “ir-Ragħaj ta’ Iżrael” (Salm 80:1) u “ir-Ragħaj fuq id-dinja kollha” (1 Nephi 13:41). U Kristu nnifsu qal, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi” (Ġwanni 10:14). Li nagħrfu n-nagħaġ tagħna u nieħdu ħsiebhom hija parti importanti fil-ħidma tagħna li ngħassu u nimministraw kif jagħmel is-Salvatur.

Bid-dawl inemnem u t-tiżjin, hemm ħafna x’naraw fi żmien il-Milied. Iżda probabbilment l-aktar ħaġa sabiħa ta’ dan iż-żmien insibuha meta aħna niftakru biex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dawk li lilhom nimministraw u nieħdu ħsieb il-merħliet tagħna. Nafu nieħdu ħsiebhom billi ninnutaw xi ħaġa favorita tagħhom jew nistaqsuhom dwar x’pjanijiet għandhom għal żmien il-vaganzi. Nieħdu ħsiebhom meta naraw u nilħqu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor—kemm dawk ovvji u wkoll dawk anqas ovvji.

Meta Cheryl, bla mistenni, tilfet lil żewġha, Mick, hija ħassitha bħal ras maqtugħa. Hekk kif beda riesaq l-ewwel Milied tagħha mingħajru, is-solitudni aktar bdiet tikber. Fortunatament, Shauna, l-oħt li lilha timministra, kienet hemm għaliha. Shauna u żewġha, Jim, stiednu lil Cheryl għal numru ta’ ħarġiet li huma kellhom fi żmien il-vaganzi. Huma nnutaw li l-kowt ta’ Cheryl kien għadda żmienu u ddeċidew li jagħmlu xi ħaġa dwar dan. Ftit jiem qabel il-Milied, Shauna u Jim xtraw lil Cheryl rigal tal-Milied perfett: kowt ġdid u sabiħ. Huma kienu konxji tal-bżonnijiet fiżiċi ta’ Cheryl li jkollha kowt li jsaħħanha iżda kienu konxji wkoll tal-bżonnijiet emozzjonali tagħha li jkollha l-faraġ u l-kumpanija. Huma raw kif jieħdu ħsieb dawk il-bżonnijiet bl-aħjar mod li setgħu u tawna eżempju sabiħ kif aħna wkoll nistgħu nieħdu ħsieb il-merħliet tagħna.3

“Ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin, Ejjew immorru Betlehem” (Luqa 2:15)

“Ejjew immorru” hija stedina eżuberanti! Ir-rgħajja m’assumewx li sħabhom kienu se jkunu għajjenin wisq biex jagħmlu dan il-vjaġġ. Huma ma marrux lejn Betlehem waħidhom bil-kwiet. Bil-ferħ huma daru lejn xulxin u qalu, “Ejjew immorru!”

Filwaqt li jaf mhux possibbli għalina li nistiednu lil sħabna biex jiġu u jaraw lis-Salvatur tarbija, aħna nistgħu nistednuhom biex iħossu l-ispirtu tal-Milied (jew l-ispirtu ta’ Kristu) billi jservu magħna. “Il-mod kif aħna nistgħu nkabbru l-ispirtu tal-Milied hu billi nilħqu b’mod ġeneruż lil dawk ta’ madwarna u noffru lilna nfusna,” qalet Bonnie L. Oscarson, li kienet President Ġenerali tat-Tfajliet.4 Immaġinaw li f’idejkom għandkom xemgħa. Ħaddieħor żgur jista’ jara u jibbenifika mid-dawl li ġej mix-xemgħa tagħkom, iżda immaġinaw is-sħana li huma jistgħu jħossu jekk intom tużaw ix-xemgħa tagħkom biex tixegħlu x-xemgħa tagħhom u tippermettulhom li jżommu huma stess id-dawl.

Kristu nnifsu għallem li dawk li jimxu warajh ikollhom id-dawl tal-ħajja (ara Ġwanni 8:12). Li nservu kif għamel Hu huwa mod kif aħna nistgħu nimxu warajh u ngawdu dak id-dawl imwiegħed. Għalhekk aqsmu d-dawl ma’ ħaddieħor billi tistednuhom biex iservu magħkom! Kif tistgħu intom u dawk li lilhom timministraw isservu flimkien? Flimkien tistgħu tħejju l-ikel favorit tagħkom jew tagħtu sorpriża lil xi ħadd permezz ta’ rigal żgħir jew daqsxejn ta’ nota. Flimkien tistgħu t-tnejn tħossu d-dawl li jiġi meta intom timxu wara l-eżempju ta’ servizz li tana Kristu.

“Bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija” (Luqa 2:17)

Hu faċli timmaġinaw l-eċċitament ta’ ferħ tar-rgħajja hekk kif huma qasmu l-aħbar meraviljuża tat-twelid ta’ Kristu ma’ kull min setgħu jagħmlu dan. Kif imħabbar mill-anġli, twieled il-Messija kif kien imwiegħed! Huwa ġie fostna! Fil-fatt, li naqsmu l-aħbar it-tajba tas-Salvatur hija tema ewlenija tal-istorja tan-Natività. L-anġli kantaw. Il-kewkba wriet it-triq. U r-rgħajja xandru dan ma’ kullimkien.

Aħna nistgħu nżidu leħinna mal-istorja tal-Milied billi naqsmu l-aħbar it-tajba u nixhdu dwar is-Salvatur. “Hekk kif intom għandkom il-privileġġ li tirrappreżentaw lis-Salvatur fl-isforzi tagħkom tal-ministeru, staqsu lilkom infuskom, ‘Jiena kif nista’ naqsam id-dawl tal-evanġelju ma’ dan l-individwu jew ma’ din il-familja?’” għallmet Sister Jean B. Bingham, President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna. “L-Ispirtu x’inhu jispirani li għandi nagħmel?”5

Dawn huma ftit suġġerimenti x’tikkunsidraw hekk kif tfittxu li tkunu tafu kif tistgħu taqsmu t-testimonjanza tagħkom tas-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu:

  • Sibu skrittura li tirrifletti s-sentimenti tagħkom dwar is-Salvatur jew li tesprimi għalfejn intom grati għalih. Aqsmuha ma’ dawk li lilhom timministraw.

  • Ibagħtu messaġġ bil-mowbajl jew permezz tal-midja soċjali b’vidjo tal-Milied. Tistgħu ssibu vidjos verament sbieħ f’ ChurchofJesusChrist.org!

  • Irrakkontaw lil xi ħabib memorja jew tradizzjoni speċjali li tfakkarkom dwar Kristu.

Araw li jkollkom fidi li l-Ispirtu s-Santu se jagħti xhieda tal-verità tat-testimonjanza tagħkom, l-istess kif Huwa ta xhieda lil Xmun u lil Anna li Ġesù tarbija kien is-Salvatur (ara Luqa 2:26, 38).

“Biex verament nonoraw il-miġja ta’ Ġesù Kristu fid-dinja, għandna nagħmlu kif għamel Hu u nilħqu lil għajrna b’kompassjoni u ħniena,” qal il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Dan nistgħu nagħmluh kuljum, permezz tal-kliem u l-għemil. Ejjew naraw li din issir it-tradizzjoni tagħna tal-Milied, ninsabu fejn ninsabu—li nkunu aktar ħanina, naħfru aktar lil ħaddieħor, niġġudikaw anqas, inkunu aktar grati, u aktar ġenerużi meta niġu biex naqsmu l-abbundanza tagħna ma’ dawk fil-bżonn.”6

Noti

  1. Henry B. Eyring, “Christmas Stories” (Devozzjonali tal-Milied tal-Ewwel Presidenza, 6 ta’ Diċ., 2009), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  2. Ara Daiana Melina Albornoz Díaz, “Sharing Christmas,” Liahona, Diċ. 2007, 17.

  3. Ara Cheryl Boyle, “He Would Have Bought It for You,” Ensign, Diċ. 2001, 57.

  4. Bonnie L. Oscarson, “Christmas Is Christlike Love” (Devozzjonali tal-Milied tal-Ewwel Presidenza, 7 ta’ Diċ., 2014), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  5. Jean B. Bingham, “Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur,” Konferenza Ġenerali, April 2018.

  6. Dieter F. Uchtdorf, “Scatter Your Crumbs” (Devozzjonali tal-Milied tal-Ewwel Presidenza, 3 ta’ Diċ., 2017), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

Ipprintja