Prinċipji tal-Ministeru, Diċembru 2019
X’tgħallimna l-Istorja tal-Milied dwar il-Ministeru
“Dan huwa l-istaġun tant għażiż tas-sena. Kantaw għanja; il-Milied dalwaqt magħna. Irrakkontaw l-istorja vera tat-twelid ta’ Ġesù, meta, bħala tarbija, huwa ġie fid-dinja” (“The Nativity Song,” Children’s Songbook, 52).
Żmien il-Milied hu żmien sabiħ meta n-nagħaġ, ir-rgħajja, il-maxturi, u l-kwiekeb f’daqqa waħda jieħdu tifsira ġdida. Huma jsiru protagonisti importanti fir-rakkont ta’ waħda mill-aktar ġrajjiet importanti fl-istorja umana: it-twelid ta’ Ġesù Kristu. Bosta familji jesebixxu presepju fi djarhom. Oħrajn jiddedikaw ħin biex jaqraw l-istorja tat-twelid Tiegħu jew jieħdu sehem f’xi reċta. Bħall-istejjer kollha dwar Kristu, l-istorja tat-twelid Tiegħu hi mimlija lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minnhom dwar il-ministeru, dwar kif nistgħu naqsmu d-dawl Tiegħu biex indawlu d-dinja. “L-istorja tal-Milied hi storja ta’ mħabba,” qal il-President Henry B. Eyring, it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza.
“… Fl-istejjer tat-twelid ta’ Kristu, aħna nistgħu naraw u nħossu Hu min kien u Hu min hu. Dan itaffi t-tagħbija tagħna tul it-triq. U jwassalna biex ninsew lilna nfusna u ntaffu t-tagħbija ta’ ħaddieħor.”1
“Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Luqa 2:7)
Sid il-lukanda naqas milli jsib post għas-Salvatur, iżda aħna m’hemmx għalfejn nagħmlu l-istess żball! Aħna nistgħu nsibu post għas-Salvatur ġewwa qalbna billi nsibu post għal ħutna madwar l-imwejjed tagħna, fi djarna, u fit-tradizzjonijiet tagħna. Bosta tradizzjonijiet tal-familja jistgħu jsiru aktar ħelwin u aktar memorabbli billi ninkludu fihom nies oħra. Daiana u l-familja tagħha għandhom tradizzjoni li jistiednu lil xi ħadd biex iqatta’ l-Milied magħhom. Kull meta jasal Diċembru, huma jiddiskutu u jiddeċiedu lil min jixtiequ jistiednu.2 Forsi l-familja tagħkom tista’ tibda wkoll tradizzjoni simili. Jista’ jkun li xi ħadd li lilu intom timministraw jieħu gost jingħaqad mal-familja tagħkom meta tkantaw flimkien l-għanjiet tal-Milied favoriti tagħkom. Waqt l-ikla tal-Milied tagħkom tafu wkoll issibu post għal xi ħadd li m’għandux familja fl-inħawi tagħkom.
X’mod aħjar minn dan biex niċċelebraw lis-Salvatur milli nimxu wara l-eżempju Tiegħu tal-inklużjoni? Ftakru li Huwa jistieden “lil kulħadd biex imur għandu u jgawdi mit-tjubija tiegħu; u huwa ma jirrifjuta lill-ebda bniedem li jmur għandu, iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara; u huwa jiftakar il-ġnus; u kulħadd l-istess għal Alla, kemm il-Lhudi kif ukoll il-Ġentil” (2 Nephi 26:33). Sibu post u oħolqu l-inklużjoni.
“F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl” (Luqa 2:8)
Kien bix-xieraq li r-rgħajja kienu fost tal-ewwel li jagħtu merħba lis-Salvatur tarbija. Il-profeti tal-qedem irreferew għal Ġesù Kristu bħala “ir-Ragħaj ta’ Iżrael” (Salm 80:1) u “ir-Ragħaj fuq id-dinja kollha” (1 Nephi 13:41). U Kristu nnifsu qal, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi” (Ġwanni 10:14). Li nagħrfu n-nagħaġ tagħna u nieħdu ħsiebhom hija parti importanti fil-ħidma tagħna li ngħassu u nimministraw kif jagħmel is-Salvatur.
Bid-dawl inemnem u t-tiżjin, hemm ħafna x’naraw fi żmien il-Milied. Iżda probabbilment l-aktar ħaġa sabiħa ta’ dan iż-żmien insibuha meta aħna niftakru biex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dawk li lilhom nimministraw u nieħdu ħsieb il-merħliet tagħna. Nafu nieħdu ħsiebhom billi ninnutaw xi ħaġa favorita tagħhom jew nistaqsuhom dwar x’pjanijiet għandhom għal żmien il-vaganzi. Nieħdu ħsiebhom meta naraw u nilħqu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor—kemm dawk ovvji u wkoll dawk anqas ovvji.
Meta Cheryl, bla mistenni, tilfet lil żewġha, Mick, hija ħassitha bħal ras maqtugħa. Hekk kif beda riesaq l-ewwel Milied tagħha mingħajru, is-solitudni aktar bdiet tikber. Fortunatament, Shauna, l-oħt li lilha timministra, kienet hemm għaliha. Shauna u żewġha, Jim, stiednu lil Cheryl għal numru ta’ ħarġiet li huma kellhom fi żmien il-vaganzi. Huma nnutaw li l-kowt ta’ Cheryl kien għadda żmienu u ddeċidew li jagħmlu xi ħaġa dwar dan. Ftit jiem qabel il-Milied, Shauna u Jim xtraw lil Cheryl rigal tal-Milied perfett: kowt ġdid u sabiħ. Huma kienu konxji tal-bżonnijiet fiżiċi ta’ Cheryl li jkollha kowt li jsaħħanha iżda kienu konxji wkoll tal-bżonnijiet emozzjonali tagħha li jkollha l-faraġ u l-kumpanija. Huma raw kif jieħdu ħsieb dawk il-bżonnijiet bl-aħjar mod li setgħu u tawna eżempju sabiħ kif aħna wkoll nistgħu nieħdu ħsieb il-merħliet tagħna.3
“Ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin, Ejjew immorru Betlehem” (Luqa 2:15)
“Ejjew immorru” hija stedina eżuberanti! Ir-rgħajja m’assumewx li sħabhom kienu se jkunu għajjenin wisq biex jagħmlu dan il-vjaġġ. Huma ma marrux lejn Betlehem waħidhom bil-kwiet. Bil-ferħ huma daru lejn xulxin u qalu, “Ejjew immorru!”
Filwaqt li jaf mhux possibbli għalina li nistiednu lil sħabna biex jiġu u jaraw lis-Salvatur tarbija, aħna nistgħu nistednuhom biex iħossu l-ispirtu tal-Milied (jew l-ispirtu ta’ Kristu) billi jservu magħna. “Il-mod kif aħna nistgħu nkabbru l-ispirtu tal-Milied hu billi nilħqu b’mod ġeneruż lil dawk ta’ madwarna u noffru lilna nfusna,” qalet Bonnie L. Oscarson, li kienet President Ġenerali tat-Tfajliet.4 Immaġinaw li f’idejkom għandkom xemgħa. Ħaddieħor żgur jista’ jara u jibbenifika mid-dawl li ġej mix-xemgħa tagħkom, iżda immaġinaw is-sħana li huma jistgħu jħossu jekk intom tużaw ix-xemgħa tagħkom biex tixegħlu x-xemgħa tagħhom u tippermettulhom li jżommu huma stess id-dawl.
Kristu nnifsu għallem li dawk li jimxu warajh ikollhom id-dawl tal-ħajja (ara Ġwanni 8:12). Li nservu kif għamel Hu huwa mod kif aħna nistgħu nimxu warajh u ngawdu dak id-dawl imwiegħed. Għalhekk aqsmu d-dawl ma’ ħaddieħor billi tistednuhom biex iservu magħkom! Kif tistgħu intom u dawk li lilhom timministraw isservu flimkien? Flimkien tistgħu tħejju l-ikel favorit tagħkom jew tagħtu sorpriża lil xi ħadd permezz ta’ rigal żgħir jew daqsxejn ta’ nota. Flimkien tistgħu t-tnejn tħossu d-dawl li jiġi meta intom timxu wara l-eżempju ta’ servizz li tana Kristu.
“Bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija” (Luqa 2:17)
Hu faċli timmaġinaw l-eċċitament ta’ ferħ tar-rgħajja hekk kif huma qasmu l-aħbar meraviljuża tat-twelid ta’ Kristu ma’ kull min setgħu jagħmlu dan. Kif imħabbar mill-anġli, twieled il-Messija kif kien imwiegħed! Huwa ġie fostna! Fil-fatt, li naqsmu l-aħbar it-tajba tas-Salvatur hija tema ewlenija tal-istorja tan-Natività. L-anġli kantaw. Il-kewkba wriet it-triq. U r-rgħajja xandru dan ma’ kullimkien.
Aħna nistgħu nżidu leħinna mal-istorja tal-Milied billi naqsmu l-aħbar it-tajba u nixhdu dwar is-Salvatur. “Hekk kif intom għandkom il-privileġġ li tirrappreżentaw lis-Salvatur fl-isforzi tagħkom tal-ministeru, staqsu lilkom infuskom, ‘Jiena kif nista’ naqsam id-dawl tal-evanġelju ma’ dan l-individwu jew ma’ din il-familja?’” għallmet Sister Jean B. Bingham, President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna. “L-Ispirtu x’inhu jispirani li għandi nagħmel?”5
Dawn huma ftit suġġerimenti x’tikkunsidraw hekk kif tfittxu li tkunu tafu kif tistgħu taqsmu t-testimonjanza tagħkom tas-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu:
-
Sibu skrittura li tirrifletti s-sentimenti tagħkom dwar is-Salvatur jew li tesprimi għalfejn intom grati għalih. Aqsmuha ma’ dawk li lilhom timministraw.
-
Ibagħtu messaġġ bil-mowbajl jew permezz tal-midja soċjali b’vidjo tal-Milied. Tistgħu ssibu vidjos verament sbieħ f’ ChurchofJesusChrist.org!
-
Irrakkontaw lil xi ħabib memorja jew tradizzjoni speċjali li tfakkarkom dwar Kristu.
Araw li jkollkom fidi li l-Ispirtu s-Santu se jagħti xhieda tal-verità tat-testimonjanza tagħkom, l-istess kif Huwa ta xhieda lil Xmun u lil Anna li Ġesù tarbija kien is-Salvatur (ara Luqa 2:26, 38).
“Biex verament nonoraw il-miġja ta’ Ġesù Kristu fid-dinja, għandna nagħmlu kif għamel Hu u nilħqu lil għajrna b’kompassjoni u ħniena,” qal il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Dan nistgħu nagħmluh kuljum, permezz tal-kliem u l-għemil. Ejjew naraw li din issir it-tradizzjoni tagħna tal-Milied, ninsabu fejn ninsabu—li nkunu aktar ħanina, naħfru aktar lil ħaddieħor, niġġudikaw anqas, inkunu aktar grati, u aktar ġenerużi meta niġu biex naqsmu l-abbundanza tagħna ma’ dawk fil-bżonn.”6
© 2019 by Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in the USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/18. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/18. Traduzzjoni ta’ Ministering Principles, December 2019. Maltese. 15773 159