2020
Niġbru Flimkien lil Iżrael permezz tal-Ministeru
Jannar 2020


Immaġni
ministering

Prinċipji tal-Ministeru, Jannar 2020

Niġbru Flimkien lil Iżrael permezz tal-Ministeru

Il-ministeru huwa opportunità biex nimxu wara l-parir tal-profeta li niġbru flimkien lil Iżrael.

Il-President Russell M. Nelson stedinna biex ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael—“l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ bħalissa fid-dinja.”1

Għal dawk li jridu jkunu parti minn din il-ħidma tal-ġabra ta’ Iżrael, il-ministeru jista’ jkun opportunità meraviljuża. Huwa mod ispirat kif tista’ tibdel il-ħajja tan-nies. Kemm jekk qed nimministraw lil xi membri anqas attivi, kif ukoll jekk qed nistiednuhom biex jgħinuna hekk kif inservu lil dawk li mhumiex tat-twemmin tagħna, il-ministeru jipprovdilna opportunitajiet biex niġbru flimkien lil Iżrael.

Insalvaw lill-Membri li Jirritornaw

“Bl-imħabba bħala l-motivazzjoni tagħna, iseħħu l-mirakli, u aħna dejjem se nsibu modi kif inġibu lura lil ħutna ‘neqsin’ biex jerġgħu jibdew iħaddnu b’mod sħiħ l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.” —Jean B. Bingham2

“Jiena kont ili mhux attiva mill-inqas sitt snin meta jien u żewġi morna noqogħdu f’belt ġdida. Il-president il-ġdid tiegħi tas-Soċjetà tal-Għajnuna ltaqgħet miegħi, u staqsietni jekk setgħetx tibgħat waħda mill-aħwa biex iżżurni. Għalkemm kont ftit anzjuża, jien aċċettajt. Din l-oħt bdiet iżżurni kull xahar, minkejja li hi kienet allerġika għall-klieb—u jien għandi kelb veru minn tagħna! Hi għamlet sentejn timministrali, u dan veru ħalla impatt kbir fuqi.

“Minkejja li normalment iż-żjarat tagħha kienu jkunu purament soċjali, xi kultant kienet tistaqsini ċerti mistoqsijiet li kienu jwassluna biex niddiskutu ħwejjeġ spiritwali. Minħabba f’hekk kont inħossni xi ftit skomda, iżda dan wassalni biex niddeċiedi jekk kontx sejra nimxi ’l quddiem fl-evanġelju jew nibqa’ kif kont. Din id-deċiżjoni ma kenitx faċli għalija, iżda jien għażilt li niltaqa’ mal-aħwa nisa missjunarji.

“Dak inhar li attendejt il-laqgħa tas-sagrament għall-ewwel darba f’sitt snin, jien verament bżajt nidħol ġewwa. Meta dħalt fil-knisja, din l-oħt li kienet timministrali kienet tinsab tistennieni, u hi daħlet fil-kappella miegħi. Wara, hija mxiet lura miegħi sal-karozza, fejn staqsietni kif setgħet l-aħjar tgħinni meta jien kont qed nersaq dejjem aktar viċin tas-Salvatur.

“Il-ħin li din l-oħt li kienet timministrali kienet tqatta’ miegħi u l-imħabba tagħha għenu jiggwidawni biex nerġa’ nsir attiva, u jiena nikkunsidra l-isforzi tagħha bħala wieħed mill-akbar rigali li qatt irċevejt. Jiena verament grata li hi kienet hemm ħdejja fil-vjaġġ tiegħi lura għall-Knisja tas-Salvatur.”

Isem miżmum, British Columbia, il-Kanada

Prinċipji x’Nikkunsidraw

“Bdiet iżżurni kull xahar”

Kif tistgħu turu li verament jimpurtakom minn dawk li lilhom timministraw aktar minn affarijiet oħra? (ara Doctrine and Covenants 121:44).

“Mistoqsijiet”

Li tistaqsu l-mistoqsijiet xierqa jista’ jgħin biex intom tispiraw l-awtovalutazzjoni. Ftakru li l-ministeru tagħna għandu għan li jmur lil hinn minn li sempliċiment inkunu soċjali.3

“Tistennieni”

Kulħadd għandu jħossu milqugħ (ara 3 Nephi 18:32).

“Hemm ħdejja fil-vjaġġ tiegħi lura”

L-appoġġ tagħna jista’ jagħmel differenza sinifikanti lil dawk li bdew isibuha diffiċli jerġgħu lura għand is-Salvatur u jitfejqu (ara Lhud 12:12–13).

Ministeru u Ġabra

“Hu x’inhu l-mod li bih tħossukom komdi, aqsmu man-nies għalfejn Ġesù Kristu u l-Knisja Tiegħu huma importanti għalikom. …

“… L-irwol tagħkom hu li taqsmu ma’ ħaddieħor dak li hemm f’qalbkom u tgħixu b’mod konsistenti mat-twemmin tagħkom.” —Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf4

Li nimministraw u naqsmu l-evanġelju mal-oħrajn imorru id f’id. Dawn huma xi modi kif nistgħu niġbru flimkien lill-ħbieb u l-ġirien tagħna hekk kif nimministraw—jew nimministraw hekk kif niġbru flimkien lill-ħbieb u l-ġirien tagħna:

  • Inservu flimkien. Fittxu ċerti opportunitajiet biex tistiednu lill-ħbieb jew lill-ġirien ħalli jingħaqdu magħkom biex timministraw lil xi ħadd bil-bżonnijiet tiegħu. Staqsuhom jgħinukom tħejju xi ikel għal xi omm ġdida, iżżuru xi ġirien anzjani, jew tnaddfu d-dar ta’ xi ħadd marid.

  • Ngħallmu flimkien. Ikkunsidraw li tistiednu lil xi ħbieb jew ġirien li ma tantx jattendu l-knisja biex huma jilqgħu f’darhom lil xi ħadd li qed jiltaqa’ mal-missjunarji għal lezzjoni missjunarja. Jew il-ħabib tiegħek jista’ wkoll jissapportjak meta inti tilqa’ lil xi ħadd għal lezzjoni f’darek jew inkella jiġi miegħek għal lezzjoni fid-dar ta’ xi ħadd ieħor.

  • Araw li tilħqu lil ħaddieħor meta tarawh fil-bżonn. Offru li torganizzaw it-trasportazzjoni lejn il-Knisja. Stiednu lit-tfal għall-attivitajiet taż-żgħażagħ jew tal-Primarja. X’modi oħra hemm kif timministraw u tiġbru l-membri flimkien?

  • Użaw ir-riżorsi pprovduti mill-Knisja. Il-Knisja toffri bosta riżorsi għall-membri biex tgħinhom jaqsmu l-evanġelju mal-oħrajn. Tistgħu tfittxu fis-sezzjoni “Missionary” fil-Gospel Library app u żżuru ComeUntoChrist.org għal xi ideat kif tistgħu tiġbru flimkien lil Iżrael fil-komunitajiet tagħna.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), HopeOfIsrael.ChurchofJesusChrist.org.

  2. Jean B. Bingham, “Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur,” Konferenza Ġenerali, April 2018.

  3. Ara “Prinċipji tal-Ministeru: L-Għan li Jibdel il-Ministeru Tagħna,” Jan. 2019.

  4. Dieter F. Uchtdorf, “Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom,” Konferenza Ġenerali, April 2019.

Ipprintja