2020
Nimministraw permezz tal-Laqgħa tas-Sagrament
Ġunju 2020


“Nimministraw permezz tal-Laqgħa tas-Sagrament,” Liahona, Ġunju 2020

Immaġni
ministeru

Illustrazzjonijiet minn Edward McGowan

Prinċipji tal-Ministeru, Ġunju 2020

Nimministraw permezz tal-Laqgħa tas-Sagrament

Il-laqgħa tas-sagrament tipprovdi opportunitajiet biex nikkonnettjaw ruħna mal-oħrajn u nimministrawlhom.

Il-laqgħa tas-sagrament hija mument ta’ nutriment spiritwali u riflessjoni personali dwar is-Salvatur u l-Espjazzjoni Tiegħu. Hekk kif kull ġimgħa aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna niġu edifikati flimkien (ara Doctrine and Covenants 84:110). Iżda fl-oqsma u l-fergħat tagħna hemm xi wħud li jkunu qed iġorru magħhom tagħbija tqila jew lanqas biss ikollhom moħħhom hemm.

Dawn li ġejjin huma xi ftit opportunitajiet dwar kif nistgħu nużaw dik is-siegħa sagra biex nimministraw lil ħaddieħor u nagħmlu differenza f’ħajjithom.

Għinu biex il-Laqgħa tas-Sagrament Tkun Waħda Aħjar għal Dawk li Lilhom Timministraw

L-ewwel pass biex nitgħallmu kif nimministraw hu billi nsiru nafu lill-individwi jew lill-familji u l-bżonnijiet tagħhom. Jaf ikun hemm modi kif tistgħu tagħmlu l-esperjenza tagħhom tal-qima tas-sagrament waħda aħjar billi sempliċiment titgħallmu aktar dwarhom.

Għal Mindy, omm ta’ żewġt ibniet żgħar tewmin, l-isforzi sempliċi tal-oħt li timministralha għamlu differenza enormi fl-esperjenza tagħha ta’ kull ġimgħa tal-laqgħa tas-sagrament.

“Minħabba l-iskeda tax-xogħol ta’ żewġi, kull ġimgħa jiena jkolli nieħu waħdi liż-żewġ uliedi tewmin il-knisja,” spjegat Mindy. “Hija verament ħaġa diffiċli li nipprova ngħaddi l-ħin kollu tal-laqgħa tas-sagrament maż-żewġ uliedi żgħar u mimlijin enerġija, iżda l-oħt li timministrali ddeċidiet minn jeddha li tgħinni.

“Hija tpoġġi bilqiegħda magħna u kull ġimgħa tieħu ħsieb uliedi. Għalija jfisser ħafna li hi tpoġġi ħdejja u veru tgħinni nnaqqas l-anzjetà tiegħi fil-mument li fih ittihom xi fereneżija minn tagħhom jew ma joqogħdux bi kwiethom. Ma naħsibx li hi tirrealizza kemm ħallew impatt fuqi l-għemejjel tagħha f’dan iż-żmien ta’ ħajti. Hija rat il-bżonn tiegħi bħala omm żagħżugħa mill-aktar anzjuża, u għenet biex il-knisja tkun post ta’ paċi u ferħ għalina lkoll.”

Ideat biex Tgħinu lil Dawk bi Bżonnijiet Speċifiċi

  • Irrapportaw lura lill-mexxejja tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna dwar il-bżonnijiet tal-membri.

  • Il-mexxejja għandhom jippjanaw id-diskorsi tal-laqgħa tas-sagrament biex jilħqu l-bżonnijiet tal-membri. Jekk dawk li lilhom timministraw jistgħu jibbenifikaw jekk jisimgħu xi messaġġ partikolari, aqsmu din l-idea mal-mexxejja tagħkom.

  • Jekk tafu li xi ħadd għandu xi diżabbiltà jew allerġija għal xi ikel li jżommhom milli jgawdu l-barkiet tas-sagrament, staqsuhom biex jagħtukom aktar dettalji kif ukoll x’tistgħu tagħmlu biex ittejbu l-esperjenza ta’ qima tagħhom. Aqsmu din l-informazzjoni mal-mexxejja tagħkom.

  • Jekk xi ħadd li lilu timministraw jew li forsi tafu dwaru ma jistax joħroġ minn daru, kemm jekk b’mod permanenti jew temporali, staqsu lill-isqof jekk jistax jingħatalu s-sagrament id-dar. Intom tistgħu anke tiktbu xi noti waqt il-laqgħa tas-sagrament u taqsmuhom magħhom permezz tat-telefon, tal-imejl, jew billi tmorru żżuruhom.

  • Jekk xi ħadd li lilu timministraw għandu t-tfal żgħar, tistgħu toffrulu li tgħinuh waqt il-laqgħa tas-sagrament.

  • Jekk dawk li lilhom timministraw ftit li xejn jiġu għal-laqgħa tas-sagrament, ippruvaw ifhmuhom u kkunsidraw modi kif tistgħu tgħinuhom. Jekk jeħtieġu t-trasport, tistgħu toffru li tgħaddu għalihom. Jekk huma jħossu li m’għandhomx sapport mill-familja tagħhom, tistgħu tistednuhom biex ipoġġu bilqiegħda ħdejkom. Tistgħu tagħmlu xi stedina speċjali biex tgħinuhom iħossuhom milqugħin fil-laqgħa tas-sagrament.

Ftakru, Ġest Sempliċi Jwassal għal Ħwejjeġ Kbar

Meta kienet qed titkellem dwar il-ministeru, Sister ​Jean B. Bingham, President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, għallmet: “Xi kultant naħsbu li aħna jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa verament kbira u erojka biex ‘niġu kkunsidrati’ bħala nies li naqdu lil għajrna. Madankollu ċerti atti ta’ servizz jista’ jkollhom effett profond fuq ħaddieħor—kif ukoll fuqna nfusna.”1

Ġewwa qasam żgħir fil-Belġju, Evita spiss kienet toffri li tittraduċi għall-viżitaturi u l-membri li kienu jitkellmu bl-Ispanjol waqt il-laqgħat tal-Knisja. Darba waħda, lil Evita laqqgħuha ma’ xi ħadd mir-Repubblika Dominikana li kien qed jitgħallem dwar il-Knisja. Hu kien jaf xi ħaġa bl-Ingliż, iżda l-ilsien nattiv tiegħu kien l-Ispanjol. Għalhekk Evita offriet li tittraduċi bilmod għalih fil-laqgħa tas-sagrament ħalli hu jħossu aktar komdu.

“Li noqgħod nittraduċi xi kultant jaf iwassal biex jum is-Sabbath iħallini xi ftit bla nifs,” qalet Evita. “Iżda li nimxi wara s-suġġerimenti li nistaqsi lil ħaddieħor jekk għandux bżonn ta’ interpretu bla dubju jimlieni b’sentiment ta’ ferħ u mħabba meta naf li jiena nista’ ngħinhom iħossu l-Ispirtu u jgawdu l-laqgħat tagħhom.”

Ideat biex Ngħinu permezz ta’ Ġesti Sempliċi

  • Tkellmu mal-mexxejja tagħkom biex taraw min forsi għandu bżonn xi ftit aktar servizz waqt il-laqgħa tas-sagrament. Jew jekk tafu b’xi ħadd li għandu bżonn, araw li l-mexxejja tagħkom huma konxji minnu.

  • Poġġu bilqiegħda fis-silenzju waqt li tistennew biex tibda l-laqgħa. Dan jgħin “lill-qlub maqsuma u l-ispirti sogħbiena l-oħra miġburin madwarna”2 li jeħtieġu l-paċi li tista’ tiġi permezz tal-qima f’post qaddis.

  • F’Ħadd is-sawm, ikkunsidraw li tiddedikaw is-sawm u t-talb tagħkom għal xi ħadd li lilu timministraw illi jaf għandu bżonn ftit aktar faraġ.

  • Itolbu biex tkunu tafu jekk hemmx xi ħadd li jista’ jibbenifika jekk intom tpoġġu bilqiegħda ħdejh jew viċin tiegħu waqt il-laqgħa tas-sagrament, jew jekk hemmx xi mod ieħor kif tistgħu tgħinu.

Il-Laqgħa tas-Sagrament Tista’ Tkun Post Fejn Kulħadd Iħossu Milqugħ

Il-President Joseph Fielding Smith (1876–1972) għallem, “Il-laqgħa tas-sagrament hija l-aktar laqgħa sagra, l-aktar qaddisa, fost il-laqgħat kollha tal-Knisja.”3 F’dan il-każ, hu importanti li naraw li dawk kollha li jattendu l-laqgħa tas-sagrament iħossuhom milqugħin u mitmugħa spiritwalment—speċjalment il-membri l-ġodda u l-membri li ilhom mhux ħażin ma jattendu.

Merania minn New South Wales, fl-Awstralja, għamlet ħabiba ma’ mara li kienet qed titgħallem dwar il-Knisja fil-qasam tagħha. “Illum hija saret waħda mill-għeżeż ħbieb tiegħi,” tgħid Merania. “Kull ġimgħa fil-laqgħa tas-sagrament veru nħobb inpoġġi bilqiegħda ħdejha, u dejjem nistaqsiha kif inhi u jekk hemmx xi ħaġa fiex nista’ ngħinha.” Fi żmien qasir, il-ħabiba ta’ Merania tgħammdet. L-isforzi tal-membri tal-qasam, kif ukoll l-atmosfera li tilqgħek waqt il-laqgħa tas-sagrament, kellhom parti importanti fid-deċiżjoni tagħha.

Ideat biex Nimministraw lil Membri Ġodda jew li Reġgħu Lura

  • Meta tkunu se titkellmu waqt il-laqgħa tas-sagrament, intom tistgħu tistiednu lill-ħbieb, lill-familja, u xi oħrajn biex jiġu jisimgħu l-messaġġ tagħkom.

  • Intom tistgħu tfittxu u tilqgħu lil dawk li jinsabu weħidhom jew li jaf għandhom bżonn l-għajnuna. Staqsuhom jekk tistgħux tpoġġu bilqiegħda ħdejhom jew stednuhom biex ipoġġu ħdejkom.

  • Meta tintemm il-laqgħa, intom tistgħu tistiednu lil dawk li lilhom timministraw u lil ħaddieħor għal xi attivitajiet li jmiss tal-Knisja, jew tistednuhom għat-tempju, jew għal xi avveniment soċjali.

  • Jekk xi ħadd li lilu timministraw jiġi għal-laqgħa tas-sagrament iżda kien ilu ma jattendi, tistgħu tistaqsuh jekk għandux xi mistoqsijiet dwar dak li ġie mgħallem. Għidulu li hu dejjem jista’ jitkellem magħkom jekk kien hemm xi terminu, xi storja, jew xi duttrina partikolari li hu ma fehmiex. Jekk hemm bżonn tistgħu tfittxu t-tweġibiet flimkien.

Noti

  1. Jean B. Bingham, “Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur,” Konferenza Ġenerali, April 2018.

  2. Jeffrey R. Holland, “Araw il-Ħaruf ta’ Alla,” Liahona, Mejju 2019, 46.

  3. Joseph Fielding Smith, f’Rapport tal-Konferenza, Ott. 1929, 60–61.

Ipprintja