“Ikbru fil-Prinċipju tar-Rivelazzjoni,” Liahona, Jannar 2021
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Jannar 2021
Ikbru fil-Prinċipju tar-Rivelazzjoni
Inħeġġiġkom sabiex tieħdu l-passi neċessarji biex tisimgħu lill-Mulej aħjar u aktar ta’ spiss ħalli tkunu tistgħu tirċievu l-illuminazzjoni li Hu jrid jagħtikom.
Fit-30 ta’ Settembru, 2017, wara s-sessjoni ta’ wara nofsinhar tal-konferenza ġenerali, jien mort sal-isptar inżur lill-maħbub kollega tiegħi fil-kworum, il-Presbiteru Robert D. Hales. Hu kien ilu l-isptar minn wara li sofra attakk tal-qalb ftit jiem qabel.
Kellna laqgħa mill-isbaħ, u kien jidher li beda jaqleb għat-tajjeb. Anke beda jieħu n-nifs mingħajr assistenza, li kien sinjal tajjeb.
Dik il-lejla, madankollu, l-Ispirtu kellimni f’qalbi u f’moħħi fejn qalli li l-Ħadd jien kelli nerġa’ lura l-isptar. Waqt is-sessjoni tal-Ħadd filgħodu tal-konferenza ġenerali, l-Ispirtu reġa’ qalli l-istess ħaġa. Ħassejt li kelli naqbeż l-ikla ta’ nofsinhar u mingħajr ma’ naħli wisq ħin immur ħdejn il-Presbiteru Hales hekk kif tintemm is-sessjoni ta’ filgħodu, kif fil-fatt għamilt.
Meta wasalt ħdejh, stajt nara li l-Presbiteru Hales kien qaleb għall-agħar. Sfortunatament, hu miet 10 minuti wara li wasalt, iżda jiena grat li meta ħalla din id-dinja jien kont ninsab ħdejh u ħdejn il-mara simpatika tiegħu, Mary, u ż-żewġ uliedhom subien.
Kemm inħossni grat li s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu wassluni biex nagħmel xi ħaġa li kieku probabbilment ma kontx se nagħmel. U kemm jien grat għar-realtà tar-rivelazzjoni u li s-smewwiet reġgħu miftuħin għal darb’oħra.
Din is-sena fl-istudju personali u tal-klassi se niffokaw fuq id-Duttrina u Patti. Dawn “ir-rivelazzjonijiet divini u d-dikjarazzjonijiet ispirati” jistgħu jbierku lil dawk kollha li jistudjawhom u jaġixxu skont id-direttivi divini tagħhom. Huma jistiednu “lin-nies kollha ma’ kullimkien biex jisimgħu leħen il-Mulej Ġesù Kristu,”1 għax verament “leħen il-Mulej qed ikellem lill-bnedmin kollha” (Doctrine and Covenants 1:2).
Periklu, Dalma, Qerq
Il-maltemp fiżiku u spiritwali hu parti mill-ħajja fid-dinja, kif urietna l-pandemija tal-COVID-19. Dwar iż-żmien ta’ qabel it-Tieni Miġja tiegħu, is-Salvatur bassar li sa jkun żmien ta’ taħbit kbir. Huwa qal, “Se jkun hawn ġuħ kbir, epidemiji, u l-art titheżżheż f’ħafna bnadi” (Joseph Smith—Matthew 1:29).
Minbarra dan l-għawġ kollu ninsabu mdawrin ukoll b’dalma u qerq dejjem jikbru. Kif Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, “il-ħażen se joktor” qabel ir-ritorn tiegħu (Joseph Smith—Matthew 1:30).
Satana ġabar flimkien il-forzi tiegħu u jinsab jitqabad kontra l-ħidma tal-Mulej u ta’ dawk fostna li ninsabu ingaġġati fiha. Minħabba l-periklu dejjem jikber li qed niffaċċjaw, il-bżonn tagħna għall-gwida divina qatt ma kien akbar, u l-isforzi tagħna biex nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù Kristu—il-Medjatur, is-Salvatur, u l-Feddej tagħna—qatt ma kien aktar urġenti daqs illum.
Kif jien għidt ftit wara li ġejt imsejjaħ bħala l-President tal-Knisja, il-Mulej jinsab lest biex jiżvelalna ħsibijietu. Din hi waħda mill-akbar barkiet tiegħu għalina.2
Fi żmienna, Huwa wiegħed, “Jekk intom tfittxu, intom tirċievu rivelazzjoni wara rivelazzjoni, għarfien wara għarfien” (Doctrine and Covenants 42:61).
Jiena naf li Huwa jisma’ talbna.
Kif Nisimgħuh
Fi żmienna li nkunu nafu kif l-Ispirtu jkellimna hi ħaġa mill-aktar essenzjali. Biex nirċievu r-rivelazzjoni personali, biex niksbu tweġiba għal talbna, u biex nirċievu l-protezzjoni u d-direzzjoni, aħna niftakru fil-mudell li tana l-Profeta Joseph Smith.
L-ewwel, ngħaddsu rasna fl-iskrittura. Jekk nagħmlu dan inkunu qed niftħu moħħna u qalbna għat-tagħlim u l-veritajiet tas-Salvatur. Kliem Kristu “jgħidilna dak kollu li għandna nagħmlu” (2 Nephi 32:3), speċjalment f’dan iż-żmien ta’ inċertezza u konfużjoni.
Imbagħad nitlobu. It-talb jeħtieġ l-inizjattiva, għalhekk għandna niċċekknu quddiem Alla, insibu post kwiet fejn nistgħu mmorru regolarment, u niftħu qalbna miegħu.
Il-Mulej jgħid, “Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bid-diliġenza kollha u ssibuni; itolbu u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom” (Doctrine and Covenants 88:63).
Li nersqu viċin il-Mulej iġibilna l-faraġ u l-inkuraġġiment, it-tama u l-fejqan. Għalhekk, aħna nitlobu f’ismu dwar dak li qed jinkwetana u dwar id-dgħjufijiet tagħna, dwar ix-xewqat tagħna u tal-maħbubin tagħna, dwar is-sejħiet tagħna u l-mistoqsijiet tagħna.
Imbagħad nisimgħu.
Jekk wara li nispiċċaw nitolbu nibqgħu għal ftit ħin għarkupptejna, aħna nesperjenzaw ċerta ħsibijiet, sentimenti, u direzzjoni f’moħħna. Li nirreġistraw dawk is-suġġerimenti jgħinna niftakru x’iridna nagħmlu l-Mulej.
Hekk kif nirrepetu dan il-proċess, aħna “nikbru fil-prinċipju tar-rivelazzjoni” kif qalilna l-Profeta Joseph Smith.3
Denji biex Nirċievu r-Rivelazzjoni
Li nirraffinaw l-abbiltà tagħna biex nagħrfu s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u nkabbru l-kapaċità tagħna li nirċievu r-rivelazzjoni jeħtieġ minna li nkunu denji. Li nkunu denji ma jeħtieġx minna l-perfezzjoni, iżda jeħtieġ li aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nikbru fis-safa.
Il-Mulej jistenna minna li nagħmlu sforz kuljum, nitjiebu kuljum, u nindmu kuljum. Li nkunu denji jġib is-safa, u s-safa tikkwalifikana biex ikollna magħna l-Ispirtu s-Santu. Hekk kif naraw li jkollna “l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna” (Doctrine and Covenants 45:57), aħna nikkwalifikaw għar-rivelazzjoni personali.
Jekk xi ħaġa qed twaqqafna milli niftħu l-bieb għad-direzzjoni divina, jeħtieġ li nindmu. L-indiema twassalna biex niftħu l-bieb ħalli nkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej aktar frekwenti u b’aktar ċarezza.
“L-istandard hu wieħed ċar,” għallem il-Presbiteru David A. Bednar tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Jekk xi ħaġa li aħna naħsbu, naraw, nisimgħu, jew nagħmlu tbegħedna mill-Ispirtu s-Santu, mela għandna nieqfu naħsbu, naraw, nisimgħu, jew nagħmlu dik il-ħaġa. Jekk dak li hu intenzjonat biex ikun għalina ta’ divertiment, per eżempju, jasal biex jaljenana mill-Ispirtu s-Santu, mela ċertament dak it-tip ta’ divertiment mhux tajjeb għalina. Peress li l-Ispirtu ma jistax jgħammar fost ħwejjeġ li huma vulgari, mhux raffinati, jew immodesti, mela ċertament dawn it-tip ta’ ħwejjeġ mhumiex tajbin għalina.”4
Meta nikkombinaw aktar safa u ubbidjenza mas-sawm, mat-tfittxija diliġenti, mal-istudju tal-iskrittura, u mal-kliem tal-profeti ħajjin, u mal-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja, is-smewwiet jinfetħu. Min-naħa l-oħra, il-Mulej iġib fis-seħħ il-wegħda tiegħu: “Jiena se noffrilkom mill-Ispirtu tiegħi, li għandu jdawwal moħħkom” (Doctrine and Covenants 11:13).
Jista’ jkollna bżonn ftit tal-paċenzja, iżda Alla jkellimna bil-mod tiegħu u fil-ħin tiegħu.
Spirtu ta’ Għarfien
Ġob iddikjara, “Iżda hu l-ispirtu fil-bniedem, nifs is-Setgħan li jagħti d-dehen” (Ġob 32:8). Din is-sena l-ġdida, inħeġġiġkom sabiex tieħdu l-passi neċessarji biex tisimgħu lill-Mulej aħjar u aktar ta’ spiss ħalli tkunu tistgħu tirċievu l-illuminazzjoni li Hu jrid jagħtikom.
Qabel ma miet, il-Presbiteru Hales, f’dak il-jum ta’ Ottubru, 2017, ħejja diskors qasir għall-konferenza ġenerali, liema diskors ma setax jagħtih. F’dak id-diskors, huwa kiteb, “Il-fidi tagħna tħejjijna biex inkunu fil-preżenza tal-Mulej.”5
Meta aħna nirċievu r-rivelazzjoni, aħna nqattgħu ħin fil-preżenza ta’ Alla hekk kif Hu jiżvelalna ħsibijietu, ir-rieda tiegħu, u l-vuċi tiegħu (ara Doctrine and Covenants 68:4). Jalla l-għemil tagħna jirrifletti l-fidi tagħna, fejn aħna nitkellmu miegħu, ngħixu denji tal-ispirazzjoni mwiegħda tiegħu, u naġixxu skont il-gwida li nirċievu.
© 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Printed in USA. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, January 2021. Maltese. 17463 159