“Il-Familji Huma Eterni,” Liahona, Jan. 2023.
Messaġġ ta’ Kull Xahar Liahona, Jannar 2023
Il-Familji Huma Eterni
Il-familja hi l-unit bażiku tas-soċjetà u tal-Knisja. Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jemmnu li l-familji jistgħu jkunu eterni. Aħna naħdmu biex insaħħu l-familji tagħna fuq din l-art. Aħna għandna wkoll il-fidi li nistgħu nirċievu l-barka ta’ familja eterna.
Il-Familja ta’ Alla
In-nies kollha huma wlied spirti ta’ ġenituri fis-smewwiet. Aħna lkoll parti mill-familja ta’ Alla. Aħna lkoll għandna natura divina u destin divin. Jekk ngħixu b’mod ġust, aħna nistgħu nerġgħu lura u ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet bħala parti mill-familja tiegħu għal dejjem.
Familji Eterni
Meta raġel u mara jiżżewġu fit-tempju u jżommu l-patti tagħhom, iż-żwieġ tagħhom jibqa’ għall-eternità. Din l-ordinanza tat-tempju tissejjaħ siġill. Ulied li jitwieldu wara li l-ġenituri tagħhom ġew issiġillati huma mwelldin f’dak il-patt. Ulied li twieldu qabel ma l-ġenituri tagħhom ġew issiġillati jistgħu jiġu ssiġillati magħhom fit-tempju sabiex huma jistgħu jkunu familja għal dejjem. Il-membri tal-Knisja jagħmlu l-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju sabiex huma jkunu jistgħu jissiġillaw il-familja tagħhom għall-ġenerazzjonijiet kollha. Il-barka ta’ familja eterna ssir possibbli minħabba Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu.
Żwieġ
Iż-żwieġ bejn raġel u mara hu ordnat minn Alla. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jgħallem lil irġiel u nisa miżżewġin biex ikunu fidili ma’ xulxin fil-patti taż-żwieġ tagħhom. Għandhom ikunu onesti fil-ħsieb, fil-kelma, u fl-għemil. Iż-żwieġ huwa sħubija ndaqs, u l-miżżewġin għandhom iħeġġu, ifarrġu, u jgħinu lil xulxin.
Ġenituri u Wlied
Alla ordna lil Adam u Eva biex ikollhom it-tfal. Il-mexxejja tal-Knisja għallmu li dan il-kmandament għadu jorbot. L-ommijiet u l-missirijiet jaħdmu flimkien biex irabbu lil uliedhom fl-imħabba u s-sewwa (ara Doctrine and Covenants 68:25–28). L-ulied huma mgħallmin li jagħtu ġieħ u jobdu lill-ġenituri tagħhom (ara Eżodu 20:12).
Ngħallmu u Nitgħallmu
Il-ġenituri jgħallmu lil uliedhom biex iħobbu lil Alla u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Il-ħajja tal-familja tagħtina opportunitajiet biex nesperjenzaw il-ferħ u nitgħallmu nkunu paċenzjużi u altruisti. Dawn ix-xejriet jgħinuna nsiru iktar bħal Alla u jħejjuna biex ngħixu ferħanin bħala familja għal dejjem.
Insaħħu l-Familji
Dan jeħtieġ ħafna xogħol, dedikazzjoni, u paċenzja biex nibnu familja ta’ suċċess. Il-prinċipji tal-evanġelju bħall-fidi, it-talb, il-maħfra, l-imħabba, ix-xogħol, u pjaċir xieraq jistgħu jgħinuna nsibu l-ferħ fil-ħajja tal-familja. Aħna nistgħu nirċievu wkoll rivelazzjoni personali biex insiru nafu kif insaħħu l-familja tagħna.
Barkiet Disponibbli għal Kulħadd
Mhux kulħadd għandu l-opportunità jkun parti minn familja ideali hawn fid-dinja. Iżda Alla wiegħed li kull min iħares il-kmandamenti jirċievi l-barkiet ta’ familja eterna. Nistgħu nafdaw fih u jkollna l-fidi fl-orarju tiegħu.
© 2023 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, January 2023. Language. 18904 159