2024
Ġesù Kristu Huwa s-Sors ta’ Tama ”Ħajja,” ”Tajba,” u “Aktar Eċċellenti”
Diċembru 2024


Ġesù Kristu Huwa s-Sors ta’ Tama ”Ħajja,” ”Tajba,” u “Aktar Eċċellenti,” Liahona, Diċ. 2024.

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Diċembru 2024

Ġesù Kristu Huwa s-Sors ta’ Tama ”Ħajja,” ”Tajba,” u “Aktar Eċċellenti”

F’dan iż-żmien speċjali li fih niċċelebraw it-twelid tat-tfajjel f’Betlehem, jalla aħna dejjem niftakru li Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna.

Marija u Ġużeppi jerfgħu lit-tarbija Ġesù

In-Natività, minn Sharlotte Andrus

L-Appostlu Pietru u l-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon Ġakobb u Moroni jenfasizzaw id-don spiritwali tat-tama fi Kristu b’modi istruttivi simili.

Per eżempju, Pietru ddikjara, “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet” (1 Pietru 1:3; enfażi miżjuda). Jekk jogħġobkom innutaw l-użu tal-kelma “ħajja” biex tiddeskrivi “it-tama.”

Ġakobb iddikjara, “Għalhekk, għeżież ħuti, jiġu rikonċiljati miegħu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, L-Uniku Iben Imnissel tiegħu, u intom tistgħu tiksbu l-qawmien mill-imwiet, skont il-qawwa tal-qawmien mill-imwiet li hemm fi Kristu, u tiġi ppreżentata bħala l-ewwel frott ta’ Kristu lil Alla, li għandu l-fidi, u kiseb tama tajba ta’ glorja fih qabel ma huwa juri lilu nnifsu fil-ġisem” (Ġakobb 4:11; enfażi miżjuda). Jekk jogħġobkom innutaw l-użu tal-kelma “tajjeb” biex tiddeskrivi “tama.”

U Moroni ddikjara, “U jien niftakar ukoll li inti għidt li int ħejjejt dar għall‑bniedem, iva, sewwasew fost l‑abitazzjonijiet ta’ missierek, li fiha l‑bniedem jista’ jkollu tama li tisboq kull tama oħra; għalhekk il‑bniedem għandu jkollu t‑tama, għax inkella ma jista’ jkollu l‑ebda wirt fil‑post li inti ħejjejt.” (Għeter 12:32; enfażi miżjuda). Jekk jogħġobkom innutaw l-użu tal-kelma “eċċellenti” biex tiddeskrivi “tama.”

X’Inhi t-Tama fi Kristu?

Id-don spiritwali tat-tama fi Kristu huwa l-antiċipazzjoni ta’ ferħ tal-ħajja eterna “permezz tal-merti, u l-ħniena, u l-grazzja tal-Messija Mqaddes” (2 Nefi 2:8) u xewqa qawwija għall-barkiet imwiegħda tas-sewwa. L-aġġettivi “ħajja,” “tajba,” u “aktar eċċellenti” f’dawn il-versi jissuġġerixxu assigurazzjoni dejjem tikber u vibranti tal-Qawmien mill-Imwiet u tal-ħajja eterna permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu.

Il-profeta Mormon spjega:

“U jiena se nkellimkom ukoll, għeżież ħuti, dwar it-tama. Kif tistgħu tiksbu l-fidi, jekk l-ewwel ma jkollkomx it-tama?

“U għalxiex għandkom tittamaw? Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it-tama permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu, li intom tiġu mqajmin għall-ħajja ta’ dejjem, u dan minħabba l-fidi tagħkom fih skont il-wegħda.

“Għalhekk, biex bniedem ikollu l-fidi hu meħtieġ li jkollu t-tama; għax mingħajr fidi ma jista’ jkun hemm l-ebda tama” (Moroni 7:40–42).

Il-Pjan ta’ ferħ tal-Missier

It-tama fi Kristu li hi ħajja, tajba, u aktar eċċellenti tibda bl-għarfien li Alla l-Missier Etern jgħix. Huwa Missierna, u aħna l-ulied spirti tiegħu. Aħna letteralment ulied spirti ta’ Alla u writna kwalitajiet divini mingħandu.

Il-Missier huwa l-awtur tal-pjan ta’ ferħ (ara Abram 3:22–28). Bħala wlied spirtu ta’ Alla, aħna “aċċettajna l-pjan tiegħu li permezz tiegħu aħna wliedu nistgħu niksbu ġisem fiżiku u nesperjenzaw f’din id-dinja biex nimxu ‘l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament nirrealizzaw id-destin divin tagħna bħala werrieta tal-ħajja eterna.” Fl-iskrittura, nitgħallmu: “Il-Missier għandu ġisem tal-laħam u l-għadam tanġibbli daqs tal-bniedem; l-Iben ukoll” (Duttrina u Patti 130:22). Għalhekk, li niksbu ġisem fiżiku huwa essenzjali fil-proċess li nimxu ‘l quddiem lejn id-destin divin tagħna.

Aħna esseri doppju. L-ispirti tagħna, il-parti eterna tagħna, huma mlibbsin b’ġisem fiżiku li huwa suġġett għal xewqat u aptiti tal-mortalità. Il-pjan ta’ ferħ tal-Missier hu mfassal biex jipprovdi direzzjoni għal uliedu, biex jgħinhom jerġgħu lura għandu mingħajr periklu b’ġisem imqajjem mill-imwiet u eżalt, u biex jirċievu l-barkiet ta’ ferħ u hena eterna.

Marija mat-tfajjel Ġesù

It-Tfajjel Kristu, minn Sharlotte Andrus

L-Irwol Feddejja ta’ Ġesù Kristu fil-Pjan tal-Missier

Ġesù l-Kristu assolutament huwa l-Uniku Iben Imnissel tal-Missier Etern. Huwa ġie fid-dinja biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru (ara 3 Nefi 27:13). Ġesù Kristu huwa dak li ġie midluk mill-Missier biex ikun ir-rappreżentant personali tiegħu f’kull ħaġa li għandha x’taqsma mas-salvazzjoni tal-umanità. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna għaliex huwa għeleb kemm il-mewt kif ukoll id-dnub.

Alma ħabbar lin-nies ta’ Gideon dwar il-ħidma tas-salvazzjoni tal-Messija:

“U hu se jibqa’ għaddej, isofri kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tiġrib; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu se jieħu fuqu l‑uġigħ u l‑mard tal‑poplu tiegħu.

“U hu se jieħu fuqu l‑mewt, biex ikun jista’ jħoll l‑irbit tal‑mewt li jorbot lill‑poplu tiegħu; u huwa se jieħu fuqu d‑dgħufijiet tagħhom, biex il‑ġewwieni tiegħu jkun jista’ jimtela bil‑ħniena, skont il‑ġisem, ħalli jkun jaf skont il‑ġisem kif jista’ jgħin lill‑poplu tiegħu skont id‑dgħufijiet tagħhom.

“Issa l‑Ispirtu jaf kollox; madankollu l‑Iben ta’ Alla se jbati skont il‑ġisem biex ikun jista’ jieħu fuqu d‑dnubiet tal‑poplu tiegħu, ħalli jkun jista’ jħassar id‑diżubbidjenza tagħhom skont il‑qawwa tal‑ħelsien tiegħu” (Alma 7:11–13).

L-ewwel prinċipju tal-evanġelju huwa l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. Il-fidi vera tiffoka fuq is-Salvatur u tagħtina ċ-ċans li nafdaw fih u jkollna kunfidenza sħiħa fil-qawwa tiegħu li jsalvana mill-mewt, inaddafna mid-dnub, u jberikna b’qawwa lil hinn milli nifilħu.

Moroni xehed, “U minħabba l‑fidwa tal‑bnedmin, li ġiet fis‑seħħ permezz ta’ Ġesù Kristu, huma jinġiebu lura fil‑preżenza tal‑Mulej; iva, dan huwa kif il‑bnedmin kollha jiksbu l‑fidwa, għaliex il‑mewt ta’ Kristu twassal għall‑qawmien, li jwassal għal fidwa minn raqda li ma tintemm qatt, liema raqda l‑bnedmin kollha minnha sejrin iqumu permezz tal‑qawwa ta’ Alla meta ddoqq it‑tromba; u huma sejrin imorru, kemm iż‑żgħar u kemm il‑kbar, u jieqfu quddiem l‑iżbarra tiegħu, u huma sejrin jiksbu l‑fidwa u se jinħallu mill‑irbit etern tal‑mewt, liema mewt hija mewt temporali.” (Mormon 9:13).

Jiena nixhed li s-Salvatur kisser l-irbit tal-mewt. Huwa qam mill-imwiet, Huwa jgħix, u Huwa l-uniku sors ta’ tama ħajja, tajba, u aktar eċċellenti.

Ankra tar-Ruħ

Il-profeta Għeter xehed, “Għalhekk, min jemmen f’Alla żgur li jista’ jittama għal dinja aħjar, iva, sewwasew għal post fuq in‑naħa tal‑lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal‑fidi, li sservi bħala ankra għal ruħ il‑bniedem, u twassalhom biex ikunu determinati li dejjem iżommu sħiħ, u jwettqu dejjem opri tajba u jagħtu glorja lil Alla” (Għeter 12:4; enfażi miżjuda).

F’dan iż-żmien speċjali li fih niċċelebraw it-twelid tat-tfajjel f’Betlehem, jalla aħna dejjem niftakru li Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Huwa joffrilna d-doni spiritwali imprezzabbli tal-ħajja, dawl, tiġdid, imħabba, paċi, perspettiva, ferħ, u tama.

Nistedinkom biex tfittxu b’mod xieraq għad-don spiritwali tat-tama fis-Salvatur billi tistudjaw it-tagħlim u t-testimonjanzi tal-profeti tal-qedem u ta’ żmienna dwar is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tiegħu u l-Qawmien letterali mill-Imwiet tiegħu. Hekk kif tagħmlu dan, inwegħidkom li t-testimonjanza tagħkom tad-divinità tal-Feddej tissaħħaħ, il-konverżjoni tagħkom lejh tissaħħaħ, ix-xewqa u d-determinazzjoni tagħkom li tieqfu bħala xhieda qalbena tiegħu tikber, u intom tkunu mberkin b’ankra għal ruħkom—saħansitra ħajja, twajba, u aktar eċċellenti.

Flimkien mal-Appostli li għaddew mit-testimonjanza tiegħu tul iż-żminijiet, jiena niddikjara b’ferħ ix-xhieda tiegħi li Ġesù Kristu huwa l-Iben il-ħaj ta’ Alla l-ħaj. Huwa l-Feddej imqajjem mill-imwiet tagħna b’ġisem igglorifikat u tanġibbli tal-laħam u l-għadam. U minħabba l-fidwa u r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla li l-Mulej jagħmel possibbli għall-umanità kollha, aħna nistgħu nirċievu l-assigurazzjoni spiritwali u tama ħajja, tajba, u aktar eċċellenti li “fi Kristu lkoll isiru ħajjin” (1 Korintin 15:22).

Nota

  1. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Librerija tal-Evanġelju.