Manwali u Sejħiet
38. Polisis tal-Knisja u Linji Gwida


“38. Polisis tal-Knisja u Linji Gwida,” Selezzjonijiet mill-Manwal Ġenerali (2023).

“38. Polisis tal-Knisja u Linji Gwida,” Selezzjonijiet mill-Manwal Ġenerali

38.

Polisis tal-Knisja u Linji Gwida

38.1

Parteċipazzjoni fil-Knisja

Missierna fis-Smewwiet iħobb lil uliedu. “Kulħadd l‑istess għal Alla,” u hu jistedinhom ilkoll “biex imorru għandu u jgawdu mit‑tjubija tiegħu” (2 Nefi 26:33).

38.1.1

Attendenza tal-Laqgħat tal-Knisja

Kulħadd huwa milqugħ biex jattendi l-laqgħa tas-sagrament, laqgħat oħra tal-Ħadd, u avvenimenti soċjali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. L-uffiċjal li jippresedi huwa responsabbli biex jassigura li dawk kollha li jattendu juru rispett lejn il-post sagru.

Dawk li jattendu għandhom jevitaw tfixkil jew distrazzjonijiet li jmorru kontra l-qima jew l-għanijiet oħra tal-laqgħa. Ir-rekwiżiti kollha ta’ età u mġiba ta’ laqgħat u avvenimenti differenti tal-Knisja għandhom jiġu rispettati. Dan jeħtieġ minna li noqogħdu lura minn imġiba romantika espliċita u minn ilbies jew mill-mod ta’ kif inżommu lilna nfusna li jista’ joħloq distrazzjoni. Dan jipprekludi wkoll li jsiru dikjarazzjonijiet politiċi jew li jsir taħdit dwar orjentazzjoni sesswali jew karatteristiċi personali oħrajn b’mod li jiżvijjaw il-laqgħat iffukati fuq is-Salvatur.

Jekk ikun hemm imġiba mhux xierqa, l-isqof jew il-president tal-wited jagħti konsulenza privata fi spirtu ta’ mħabba. Hu jinkoraġixxi lil dawk li ġabu ruħhom b’imġiba mhux xierqa għall-okkażjoni biex jiffukaw fuq li jgħinu biex jinżamm spazju sagru għal kulħadd preżenti b’enfażi speċjali fuq il-qima lejn Missier fis-Smewwiet u lejn is-Salvatur.

Djar tal-laqgħat tal-Knisja jibqgħu propjetà privata suġġetti għall-polisis tal-Knisja. Persuni li mhumiex lesti li jsegwu dawn il-linjigwidi jintalbu b’mod rispettuż biex ma jattendux laqgħat u avvenimenti tal-Knisja.

38.2

Polisis għal Ordinanzi u Barkiet

Informazzjoni ġenerali dwar ordinanzi u barkiet hija pprovduta f’kapitlu 18. Informazzjoni dwar ordinanzi tat-tempju hija pprovduta f’kapitlu 27 u 28. Jekk l-isqfijiet ikollhom mistoqsijiet, jistgħu jikkuntattjaw lill-president tal-wited. Jekk il-presidenti tal-wited ikollhom mistoqsijiet, jistgħu jikkuntattjaw lill-Presidenza Reġjonali.

38.3

Żwieġ Ċivili

Il-mexxejja tal-Knisja jħeġġu lill-membri biex jikkalifikaw għal żwieġ tat-tempju u biex ikunu miżżewġin u ssiġillati f’tempju. Jekk permess mil-liġijiet lokali, il-mexxejja tal-Knisja jistgħu, madanakollu, iwettqu żwiġijiet ċivili.

Żwiġijiet ċivili għandhom jiġu mwettqa skont il-liġijiet tal-post fejn iż-żwieġ qed jitwettaq.

38.3.1

Min Jista’ Jwettaq Żwieġ Ċivili

Meta permess mil-liġi lokali, l-uffiċjali tal-Knisja li qed iservu li ġejjin, jistgħu jaġixxu fl-irwol tagħhom biex iwettqu ċerimonja ta’ żwieġ ċivili.

  • President tal-missjoni

  • President tal-wited

  • President tad-distrett

  • Isqof

  • President tal-fergħa

Dawn l-uffiċjali jistgħu jwettqu żwieġ ċivili biss bejn raġel u mara. Dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ukoll għandhom japplikaw:

  • L-għarus jew l-għarusa huma membri tal-Knisja jew għandhom data ta’ magħmudija.

  • Ir-reġistru tas-sħubija tal-għarus jew tal-għarusa hu, jew se jkun wara l-magħmudija, fil-unit tal-Knisja li l-uffiċjal jippresedi fih.

  • L-uffiċċjal tal-Knisja huwa awtorizzat legalment biex juffiċjalizza żwieġ ċivili f’ġudikatura fejn iż-żwieġ se jseħħ.

38.3.4

Żwiġijiet Ċivili li Jseħħu fil-Bini tal-Knisja

Ċerimonja taż-żwieġ tista’ sseħħ f’bini ta’ Knisja jekk ma toħloqx tfixkil fl-iskeda ta’ funzjonijiet regolari tal-Knisja. Żwiġijiet m’għandhomx iseħħu f’jum il-Mulej jew nhar ta’ Tnejn filgħaxija. Żwiġijiet imwettqa fil-bini tal-Knisja għandhom ikunu sempliċi u dinjitużi. Il-mużika għandha tkun sagra, riverenti, u ferrieħa.

Żwiġijiet jistgħu jiġu mwettqa fil-kappella, fis-sala kulturali, jew f’kamra oħra xierqa. Żwiġijiet għandhom jimxu fuq il-linji gwida għall-użu xieraq tad-dar tal-laqgħa.

38.3.6

Ċerimonji ta’ Żwieġ Ċivili

Biex iwettaq żwieġ ċivili, l-uffiċjal tal-Knisja jindirizza l-koppja u jgħid, “Jekk jogħġobkom żommu idkom tal-lemin f’xulxin.” Hu mbagħad jgħid, “[L-isem sħiħ tal-għarus] u [l-isem sħiħ tal-għarusa], qed iżżommu idkom il-leminija f’xulxin b’sinjal tal-wegħdiet li issa qegħdin tagħmlu fil-preżenza ta’ Alla u dawn ix-xhieda.” (Il-koppja tista’ tagħżel jew tinnomina dawn ix-xhieda minn qabel.)

L-uffiċċjal imbagħad jindirizza lill-għarus u jistaqsih, “[L-isem sħiħ tal-għarus], tieħu int lil [l-isem sħiħ tal-għarusa] bħala martek skont il-liġi, u twiegħed solennement minn rajk u skont l-għażla tiegħek li bħala s-sieħeb tagħha u legalment żewġha li żżomm ruħek fidil lejha u lejn ħadd iżjed; li int se tħares il-liġijiet, ir-responsabbiltajiet, u l-obbligazzjonijiet kollha li jappartjenu għall-istat qaddis taż-żwieġ; u li int se tħobbha, tagħtiha ġieħ, u tgħożżha għal kemm intom it-tnejn iddum ħajjin?”

L-għarus iwieġeb, “Iva” jew “Irrid”.

L-uffiċċjal imbagħad jindirizza lill-għarusa u jistaqsiha, “[L-isem sħiħ tal-għarusa], taċċetta int lil [l-isem sħiħ tal-għarus] bħala żewġek skont il-liġi, u twiegħed solennement minn rajk u skont l-għażla tiegħek li bħala s-sieħba tiegħu u legalment martu li żżomm ruħek fidila lejh u lejn ħadd iżjed; li int se tħares il-liġijiet, ir-responsabbiltajiet, u l-obbligazzjonijiet kollha li jappartjenu għall-istat qaddis taż-żwieġ; u li int se tħobbu, tagħtih ġieħ, u tgħożżu għal kemm intom it-tnejn iddum ħajjin?”

L-għarusa twieġeb, “Iva” jew “Irrid”.

L-uffiċjal tal-Knisja mbagħad jindirizza lill-koppja u jgħid, “Permezz tal-awtorità legali li ngħatajt bħala presbiteru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jien niddikjarakom, [isem l-għarus] u [isem l-għarusa], bħala miżżewġin, legalment u skont il-liġi għall-perjodu tal-ħajja mortali tagħkom.”

(Kliem alternattiv għal kappillan li mhux iservi bħala uffiċjali li jippresedi tal-Knisja: “Permezz tal-awtorità legali li ngħatajt bħala kappillan fil-[fergħa tal-organizzazzjoni militari jew ċivili], jien niddikjarakom, [isem l-għarus] u [isem l-għarusa], bħala miżżewġin, legalment u skont il-liġi għall-perjodu tal-ħajja mortali tagħkom.”)

”Ħa jbierek Alla l-għaqda tagħkom bl-hena fil-posterità tagħkom u ħajja twila ta’ kuntentizza flimkien, u ħa jberikkom biex tqaddsu dejjem il-wegħdiet li għamiltu. Dawn il-barkiet jien ninvoka fl-isem tal-Mulej Ġesù Kistu, amen.”

L-istedina biex ibusu lil xuxlin bħala raġel u mara miżżewġin hija fakulattiva, skont in-normi kulturali.

38.4

Polisis li Jissiġillaw

L-ordinanzi tas-siġill tat-tempju jgħaqqdu lill-familji għall-eternità hekk kif il-membri jfittxu li jonoraw il-patti li jagħmlu meta jirċievu l-ordinanzi. L-ordinanzi tas-siġill jinkludu:

  • Nissiġillaw raġel u mara miżżewġin.

  • Nissiġillaw lill-ulied mal-ġenituri.

Dawk li jżommu l-patti tagħhom jirċievu l-barkiet individwali tagħhom ipprovduti bis-siġill. Dan iseħħ anke jekk il-konjuġi tal-persuna kiser il-patti jew jirtira miż-żwieġ.

Tfal fidili li huma ssiġillati mal-ġenituri jew imwielda fil-patt iżommu l-barka ta’ parentela eterna. Dan iseħħ anke jekk il-ġenituri tagħhom jikkanċellaw is-siġill taż-żwieġ tagħhom, jirtiraw mis-sħubija tagħhom fil-Knisja, jew jirreżenjaw mis-sħubija tagħhom.

Il-membri għandhom jikkonsultaw mal-isqof tagħhom jekk ikollhom mistoqsijiet dwar il-polisis li jissiġillaw. Jekk ikollu xi mistoqsijiet, l-isqof jikkuntattja l-president tal-wited. Jekk ikollu xi mistoqsijiet, il-presidenti tal-wited jistgħu jikkuntattjaw lill-presidenza tat-tempju fid-distrett tat-tempju tagħhom, lill-Presidenza Reġjonali, jew lill-Uffiċċju tal-Ewwel Presidenza.

38.5

Ilbies u Garments tat-Tempju

38.5.1

Ilbies tat-Tempju

Waqt id-dota u l-ordinanzi tas-siġill fit-tempju, membri tal-Knisja jilbsu lbies abjad. In-nisa jilbsu l-ilbies abjad li ġej: libsa bil-komma twila jew li tgħatti l-minkeb (jew dublett u flokk bil-komma twila jew li tgħatti l-minkeb), peduni jew kalzetti rqaq, u żarbun jew papoċċ.

L-irġiel jilbsu l-ilbies abjad li ġej: flokk bil-komma twila, ingravata jew ċoff, qalziet, kalzetti, u żarbun jew papoċċ.

Waqt id-dota u l-ordinanzi tas-siġill, il-membri jilbsu ilbies ċerimonjali addizzjonali fuq l-ilbies abjad tagħhom.

38.5.2

Niksbu Ilbies u Garments tat-Tempju

Il-mexxejja tal-qasam u tal-wited iħeġġu lill-membri ddotati biex jiksbu l-ilbies tat-tempju tagħhom. L-ilbies u l-garments tat-tempju jistgħu jinxtraw mill-ħanut tad-Distribuzzjoni tal-Knisja jew minn . L-iskrivani tal-wited u tal-qasam jistgħu jgħinu lill-membri jordnaw l-ilbies.

38.5.5

Nilbsu u Nieħdu Ħsieb il-Garments

Membri li jirċievu d-dota jagħmlu patt li jilbsu l-garment tat-tempju matul ħajjithom.

Huwa privileġġ mill-aktar sagru li tilbes l-ilbies tat-tempju. Din hija espressjoni minn barra ta’ impenn minn ġewwa li timxi wara s-Salvatur Ġesù Kristu.

Il-garment hu tfakkira ta’ patti magħmula fit-tempju. Meta jintlibes kif suppost matul il-ħajja, iservi bħala protezzjoni.

Il-garment għandu jintlibes taħt il-ħwejjeġ ta’ fuq. Hija kwistjoni ta’ preferenza personali jekk ħwejjeġ ta’ taħt oħrajn jintlibsux fuq jew taħt il-garment tat-tempju.

Il-garment m’għandux jitneħħa għal attivitajiet li jistgħu jsiru b’mod raġjonevoli bih. M’għandux ikun modifikat biex jakkomoda stili differenti ta’ ilbies.

Il-garment huwa sagru u għandu jiġi trattat b’rispett. Membri ddotati għandhom ifittxu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu biex iwieġbu mistoqsijiet personali dwar kif jilbsu l-garment.

38.5.7

Niddisponu mill-Garments u Ħwejjeġ tat-Tempju Ċerimonjali

Biex tiddisponi minn garments tat-tempju qodma, il-membri għandhom jaqtgħu u jeqirdu l-marki. Il-membri mbagħad jaqtgħu l-materjal żejjed b’tali mod li ma jkunx jista’ jiġi identifikat bħala garment. Il-kumplament tad-drapp jista’ jiġi mormi.

Il-membri jistgħu jagħtu l-garments jew ilbies tat-tempju li jkun għadu f’kundizzjoni tajba lil membri ddotati oħrajn.

38.5.8

Ilbies tad-Dfin fit-Tempju

Jekk possibbli, membri li jħallu din il-ħajja li jkunu ddotati għandhom ikunu midfuna jew kremati bl-ilbies tat-tempju. Jekk tradizzjonijiet kulturali jew il-mod tad-dfin jagħmel dan mhux xieraq jew diffiċli, l-ilbies jista’ jiġi mitni u mpoġġi biswit il-ġisem.

Il-ġisem ta’ raġel jiġi mlibbes il-garment tat-tempju u l-ilbies abjad kif ġej: flokk bil-komma twila, ingravata jew ċoff, qalziet, peduni, u żarbun jew papoċċ. Il-ġisem ta’ mara jiġi mlibbes il-garment tat-tempju u dan l-ilbies abjad kif ġej: libsa bil-komma twila jew li tgħatti l-minkeb (jew dublett u flokk bil-komma twila jew li jgħatti l-minkeb), peduni jew kalzetti, u żarbun jew papoċċ.

Ilbies ċerimonjali tat-tempju jitpoġġa fuq il-ġisem hekk kif spjegat waqt id-dota. Il-mantar jiġi mqiegħed fuq l-ispalla tal-lemin u marbut bil-qafla fuq ix-xelluġ tal-qadd. Il-fardal jinqafel madwar il-qadd. It-terħa titpoġġa madwar il-qadd u tintrabat f’forma ta’ ċoff fuq il-ġenb tax-xellug. Il-beritta tar-raġel ġeneralment tiġi mqiegħda ħdejn il-ġisem tiegħu sakemm ikun il-ħin biex jingħalaq it-tebut jew il-kontenitur. Il-beritta mbagħad tiġi mqiegħda maċ-ċoff fuq il-widna x-xellugija. Il-velu tal-mara jista’ jitqiegħed fuq l-imħadda fuq wara ta’ rasha. Huwa fakultattiv jekk wiċċ il-mara jitgħattiex bil-velu qabel id-dfin jew kremazzjoni, skont kif determinat mill-familja.

38.6

Polisis fuq Kwistjonijiet Morali

38.6.1

Abort

l-Mulej ikkmanda, “La … toqtlux, … jew tagħmlu xi ħaġa li tixbhu” (Duttrina u Patti 59:6). Il-Knisja topponi l-abort elettiv għall-konvenjenza personali jew soċjali. Il-membri m’għandhomx jissottomettu, iwettqu, jirranġaw għal, iħallsu għal, jagħtu kunsens għal, jew jinkoraġixxu abort. L-uniku eċċezzjonijiet possibbli għal abort huma meta:

  • It-tqala rriżultat minn stupru jew inċest.

  • Tabib kompetenti jiddetermina li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tinsab f’periklu serju.

  • Tabib kompetenti jiddetermina li l-fetu għandu difetti severi li ma jippermettux lit-tarbija tibqa’ ħajja wara t-twelid.

Anke dawn l-eċċezzjonijiet ma jiġġustifikawx l-abort awtomatikament. L-abort huwa xi ħaġa mill-aktar serja. Għandu jiġi kkunsidrat biss wara li l-persuni responsabbli jkunu rċevew konferma permezz tat-talb. Il-membri jistgħu jikkonsultaw mal-isqfijiet tagħhom bħala parti minn dan il-proċess.

38.6.2

Abbuż

L-abbuż huwa t-trattament ħażin jew negliġenza ta’ oħrajn b’tali mod li jikkawża ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali, jew fiżika. Il-pożizzjoni tal-Knisja hija li l-abbuż ma jistax jiġi tollerat fl-ebda forma. Dawk li jabbużaw lill-konjuġi tagħhom, lil uliedhom, lil membri oħra tal-familja, jew lil ħaddieħor ikunu qed jiksru l-liġi ta’ Alla u tal-bniedem.

Il-membri kollha, speċjalment il-ġenituri u mexxejja, huma mħeġġa biex ikunu attenti u diliġenti u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipproteġu lit-tfal u lill-oħrajn mill-abbuż. Jekk il-membri jsiru konxji ta’ xi każi ta’ abbuż, jirrapportaw lill-awtoritajiet ċivili u jikkonsultaw mal-isqof. Il-mexxejja tal-Knisja għandhom jieħdu r-rapporti ta’ abbuż bis-serjetà u qatt ma jinjorawhom.

L-adulti kollha li jaħdmu mat-tfal jew maż-żgħażagħ għandhom jagħmlu t-taħriġ tal-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ f’temp ta’ xahar minn meta ġew sostnuti (ara ). Għandhom jirrepetu dan it-taħriġ kull tliet snin.

Meta l-abbuż iseħħ, l-ewwel u l-ikbar responsabbiltà immedjata tal-mexxejja tal-Knisja hija li jgħinu lil dawk li ġew abbużati u li jipproteġu persuni vulnerabbli minn abbuż fil-futur. Il-mexxejja m’għandhomx iħeġġu persuna biex tibqa’ fid-dar jew f’sitwazzjoni li hija abbużiva jew mhux sikura.

38.6.2.1

Help Line tal-Abbuż

F’xi pajjiżi, il-Knisja stabbilixxiet help line kunfidenzjali tal-abbuż biex jassisti lill-presidenti tal-wited u lill-isqfijiet. Dawn il-mexxejja għandhom iċemplu f’ħin qasir lill-help line dwar kull sitwazzjoni li fiha persuna jaf tkun ġiet abbużata—jew tkun fir-riskju li tiġi abbużata. Għandhom ukoll iċemplu jekk isiru konxji ta’ membru li qed jara, jixtri, jew iqassam pornografija tat-tfal.

F’pajjiżi li m’għandhomx help line, isqof li jsir jaf b’abbuż għandu jikkuntattja lill-president tal-wited tiegħu. Il-president tal-wited għandu jfittex gwida mill-kunsill legali reġjonali fl-uffiċċju reġjonali.

38.6.2.2

Konsulenza f’Każijiet ta’ Abbuż

Vittmi tal-abbuż ħafna drabi jsofru minn trawma serja. Presidenti tal-wited u isqfijiet jirrispondu b’kompassjoni u empatija sinċiera. Huma jipprovdu konsulenza spiritwali u sapport biex jgħinu lill-vittmi jegħlbu l-effetti distruttivi tal-abbuż.

Xi drabi l-vittmi jkollhom emozzjonijiet ta’ mistħija u ħtija. Il-vittmi mhumiex ħatja tad-dnub. Il-mexxejja jgħinu lilhom u lill-familji tagħhom jifhmu l-imħabba ta’ Alla u l-fejqan li jiġi permezz ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu (ara Alma 15:8; 3 Nefi 17:9).

Presidenti tal-wited u isqfijiet għandhom jgħinu lil dawk li kkommettew abbuż biex jindmu u jwaqqfu l-imġiba abbużiva tagħhom. Jekk adult ikun ikkommetta dnub sesswali kontra tifel jew tifla, l-imġiba tista’ tkun diffiċli ħafna biex tinbidel. Il-proċess ta’ ndiema tista’ tkun prolongata ħafna. Ara 38.6.2.3.

Apparti li nirċievu l-għajnuna ispirata mill-mexxejja tal-Knisja, il-vittmi, il-ħatja, u l-famlji tagħhom jistgħu jkollhom bżonn konsulenza professjonali. Għal informazzjoni, ara 31.3.6.

38.6.2.3

Abbuż ta’ Tfal jew Minorenni

Abbuż tat-tfal jew żgħażagħ huwa dnub mill-aktar serju (ara Luqa 17:2). Kif użat hawn, abbuż ta’ tfal jew żgħażagħ tinkludi dawn li ġejjin:

  • Abbuż fiżiku: Il-kaġun ta’ ħsara serja fil-ġisem minn vjolenza fiżika. Xi ħsara tista’ ma tkunx viżibbli.

  • Abbuż sesswali jew esplojtazzjoni: Li jkollok attività sesswali ma’ tifel (jew tifla) jew żagħżugħ (jew żagħżugħa) jew intenzjonalment tħalli jew tgħin lil oħrajn li jkollhom din l-attività. Kif użat hawn, abbuż sesswali ma jinkludix attività sesswali bil-kunsens bejn żewġ minuri li huma qrib fl-età.

  • Abbuż emozzjonali: L-użu ta’ azzjonijiet u kliem li jagħmlu ħsara serja lis-sens ta’ rispett u valur tagħhom infushom fit-tfal jew żgħażagħ. Ħafna drabi dan jinvolvi insulti ripetuti u kontinwi, manipulazzjoni, u kritika li tumilja u tirredikola. Tista’ tinkludi wkoll negliġenza gravi.

  • Pornografija tat-Tfal: Ara 38.6.6.

Jekk isqof jew president tal-wited isir jaf jew jissuspetta dwar abbuż tat-tfal jew żgħażagħ, minnufih jimxi mal-istruzzjonijiet f’38.6.2.1. Hu jieħu azzjoni wkoll biex ifittex li jkun hemm protezzjoni minn aktar abbuż.

Kunsill tas-sħubija tal-Knisja u l-annotazzjoni tar-reġistru huma meħtieġa jekk membru adult jabbuża minn tifel jew żagħżugħ kif spjegat f’din is-sezzjoni. Ara wkoll 38.6.2.5.

Jekk minuri jabbuża minn tifel (jew tifla), il-president tal-wited jikkuntattja l-Uffiċċju tal-Ewwel Presidenza għal direzzjoni.

38.6.2.4

Abbuż ta’ Konjuġi jew Adult Ieħor

Ħafna drabi m’hemmx definizzjoni waħda ta’ abbuż li tista’ tiġi applikata f’kull sitwazzjoni. Minflok, hemm spettru ta’ severità ta’ mġiba abbużiva. Dan l-ispettru jvarja mill-użu okkażjonalment ta’ kliem iebes sa twettiq ta’ ħsara serja.

Jekk isqof jew president tal-wited jiskopri dwar abbuż ta’ konjuġi jew adult ieħor, jimxi immedjatament fuq l-istruzzjonijiet f’38.6.2.1. Hu jieħu azzjoni wkoll biex ifittex li jkun hemm protezzjoni minn aktar abbuż.

Il-mexxejja jfittxu d-direzzjoni tal-Ispirtu biex jiddeterminaw jekk hux il-konsulenza personali jew il-kunsill tas-sħubija bħala l-aktar xenarju addattat biex jindirizza l-abbuż. Huma jistgħu wkoll jikkonsultaw mal-mexxej tas-saċerdozju dirett tagħhom dwar ix-xenarju. Madanakollu, kull abbuż ta’ konjuġi jew adult ieħor li jeskala fil-livelli deskritti hawn taħt jirrikjedi li jiltaqa’ l-kunsill tas-sħubija.

  • Abbuż fiżiku: It-twettiq ta’ ħsara serja fil-ġisem minn vjolenza fiżika. Xi ħsara tista’ ma tkunx viżibbli.

  • Abbuż sesswali: Ara s-sitwazzjonijiet speċifiċi fi 38.6.18.3.

  • Abbuż emozzjonali: L-użu ta’ azzjonijiet u kliem li jagħmlu ħsara serja lis-sens ta’ rispett ta’ persuna u l-valur tagħha nfisha. Normalment dan jinvolvi insulti repetiuti u kontinwi, manipulazzjonijiet, u kritiki li jumiljaw u jinsultaw.

  • Abbuż finanzjarju: Li jittieħed vantaġġ finanzjarju minn xi ħadd. Dan jista’ jinkludi l-użu illegali jew mhux awtorizzat ta’ propjetà ta’ persuna, flus, jew oġġetti oħrajn ta’ valur. Dan jista’ wkoll jinkludi li tinkiseb qawwa finanzjarja permezz ta’ reat. Jista’ jinkludi l-użu ta’ qawwa finanzjarja biex tiġi sfurzata mġiba partikolari.

38.6.2.5

Sejħiet tal-Knisja, Rakkomandazzjonijiet tat-Tempju, u Annotazzjonijiet fir-Reġistru tas-Sħubija

Membri li jkunu abbużaw lil oħrajn m’għandhomx jingħataw sejħiet tal-Knisja u ma jistgħux jingħataw rakkomandazzjoni tat-tempju sakemm ikunu nidmu u r-restrizzjonijiet tas-sħubija fil-Knisja jkunu tneħħew.

Jekk persuna abbuża sesswalment minn tifel jew żagħżugħ jew abbuża serjament b’mod fiżiku jew emozzjonali lil tifel jew żagħżugħ, ir-reġistru tas-sħubija tiegħu jiġu annotati. Dawn ma jistgħux jingħataw kull sejħa jew essajnment li jinvolvi lit-tfal jew żgħażagħ. Dan jinkludi li ma jingħatawx essajnment li jimministraw familja biż-żgħażagħ jew tfal fid-dar. Jinkludi wkoll li ma jkollhomx żagħżugħ bħala kollega tagħhom fil-ministeru. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jibqgħu sakemm l-Ewwel Presidenza tawtorizza t-tneħħija tal-annotazzjoni.

38.6.2.6

Kunsill tal-Wited u l-Qasam

Fil-laqgħat tal-kunsill tal-wited u tal-qasam, il-presidenzi tal-wited u l-veskovati jirrevedu regolarment il-polisis tal-Knisja u l-linjig wida dwar il-prevenzjoni u r-rispons għall-abbuż. Il-mexxejja u l-membri tal-kunsill jirrikorru għall-gwida tal-Ispirtu hekk kif jgħallmu u jiddiskutu dan is-suġġett sensittiv.

Il-membri tal-kunsill għandhom ukoll ikomplu t-taħriġ dwar protezzjoni ta’ tfal u ż-żgħażagħ (ara 38.6.2).

38.6.2.7

Kwistjonijiet Legali Relatati mal-Abbuż

Jekk l-attivitajiet abbużivi ta’ membru jkunu kisru l-liġi applikabbli, l-isqof jew il-president tal-wited għandu jitlob lill-membru biex jirrapporta dawn l-attivitajiet lill-pulizija jew lil awtoritajiet governattivi addattati oħrajn.

Il-mexxejja tal-Knisja u l-membri għandhom jonoraw l-obbligazzjonijiet legali kollha biex jirrapportaw abbuż lill-awtoritajiet ċivili.

38.6.4

Kontroll tat-Twelid

Huwa l-privileġġ ta’ koppja miżżewġa li jista’ jkollhom it-tfal li jipprovdu iġsma mortali għall-ulied spirtu ta’ Alla, li tagħhom imbagħad għandhom ir-responsabbiltà li jrawmu u jrabbu (ara 2.1.3). Id-deċiżjoni ta’ kemm se jkun hemm ulied u meta se jiġu hija totalment personali u privata. Għandha titħalla bejn il-koppja u l-Mulej.

38.6.5

Kastità u Fedeltà

Il-liġi tal-kastità ta’ Alla hija:

  • Astinenza minn relazzjonijiet sesswali barra minn żwieġ ċivili bejn raġel u mara.

  • Fedeltà fi ħdan żwieġ.

Intimità fiżika bejn raġel u mara miżżewġin hija intenzjonata li tkun sabiħa u sagra. Huwa ordnat minn Alla biex jinħolqu t-tfal u għall-espressjoni ta’ mħabba bejn raġel u mara miżżewġin.

38.6.6

Pornografija tat-Tfal

Il-Knisja tikkundanna l-pornografija tat-tfal f’kull forma. Jekk isqof jew president tal-wited isir jaf li membru huwa involut fil-pornografija tat-tfal, hu għandu jimxi minnufih mal-istruzzjonijiet fi 38.6.2.1.

38.6.8

Mutilazzjoni Ġenitali Femminili

Il-Knisja tikkundanna l-mutilazzjoni ġenitali femminili.

38.6.10

Inċest

Il-Knisja tikkundanna kull tip ta’ inċest. Skont l-użu ta’ hawn, inċest huwa relazzjonijiet sesswali bejn:

  • Ġenitur u wild.

  • Nanniet u neputijiet.

  • Aħwa.

  • Ziju jew zija u neputi jew neputija.

Skont l-użu ta’ hawn, tifel, neputi, aħwa, neputija, u neputi jinkludu relazzjonijiet bijoloġiċi, adottati, tfal minn ġenituri oħrajn, jew dawk iffosterjati.

Meta minuri jkun vittma ta’ inċest, l-isqof jew il-president tal-wited iċempel lill-help line tal-Knisja dwar l-abbuż, meta jkun possibbli (ara 38.6.2.1). F’pajjiżi oħrajn, il-president tal-wited għandu jfittex gwida mill-kunsill legali reġjonali fl-uffiċċju reġjonali. Hu wkoll jiġi mħeġġeġ li jikkonsulta mal-istaff jew mal-maniġer tal-welfer u l-awto-dipendenza fl-uffiċċju reġjonali.

Kunsill tas-sħubija tal-Knisja u annotazzjoni fir-reġistru huma meħtieġa jekk membru jwettaq inċest. Inċest kważi dejjem jeħtieġ li l-Knisja twaqqaf is-sħubija tal-persuna.

Jekk minuri jwettaq inċest, il-president tal-wited jikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Ewwel Presidenza għal direzzjoni.

Il-vittmi ta’ inċest ħafna drabi jsoffru trawma serja. Il-mexxejja jirrispondu b’qalb mimlija kompassjoni u empatija. Huma jipprovdu sapport spiritwali u konsulenza biex jgħinuhom jegħlbu l-effetti distruttivi ta’ inċest.

Xi drabi l-vittmi jkollhom sentiment ta’ mistħija jew ħtija. Il-vittmi mhumiex ħatja tad-dnub. Il-mexxejja jgħinu lilhom u lill-familji tagħhom jifhmu l-imħabba ta’ Alla (ara Alma 15:8; 3 Nefi 17:9).

Apparti li jirċievu l-għajnuna ispirata mill-mexxejja tal-Knisja, il-vittmi u l-familji tagħhom jistgħu jkollhom bżonn konsulenza professjonali. Għal informazzjoni, ara 38.6.18.2.

38.6.12

L-Okkult

L-okkult jiffoka fuq id-dlam u jwassal għal qerq. Jeqred il-fidi fi Kristu.

L-okkult jinkludi l-qima lejn Satana. Jinkludi wkoll attivitajiet mistiċi li mhumiex f’armonija mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dawn l-attivitajiet jinkludu (imma mhumiex limitati għal) tbassir tal-fortuna, saħtiet, u prattiċitajiet ta’ fejqan li huma imitazzjonijiet tal-qawwa tas-saċerdozju ta’ Alla (ara Moroni 7:11–17).

Il-membri tal-Knisja m’għandhom ikollhom x’jaqsmu ma ebda tip ta’ qima lejn Satana u lanqas m’għandhom jipparteċipaw f’xi forma ta’ okkult. Dawn m’għandhomx jiffukaw fuq dan it-tip ta’ dlam fil-konverżazzjonijiet jew fil-laqgħat tal-Knisja.

38.6.13

Pornografija

Il-Knisja tikkundanna l-pornografija f’kull forma. L-użu ta’ pornografija ta’ kull tip tagħmel ħsara lill-ħajja individwali, lill-familji, u lis-soċjetà. Tbiegħed ukoll l-Ispirtu tal-Mulej. Membri tal-Knisja għandhom jevitaw il-forom kollha ta’ materjal pornografiku u jopponu l-produzzjoni, it-tixrid, u l-użu tiegħu.

Konsulenza personali u restrizzjonijiet informali dwar sħubija ġeneralment huma suffiċjenti biex jgħinu persuna tindem mill-użu ta’ pornografija. Kunsilli dwar is-sħubija normalment ma jsirux. Madanakollu, kunsill jista’ jkun neċessarju għall-użu intensiv u kompulsiv ta’ pornografija li tkun ikkaġunat ħsara sinifikanti lil xi membru fiż-żwieġ jew familja (ara 38.6.5). Kunsill huwa meħtieġ jekk membru jagħmel, jaqsam ma’ ħaddieħor, jew jara ripetutament ritratti pornografiċi tat-tfal (ara 38.6.6).

38.6.14

Preġudizzju

In-nies kollha huma wlied Alla. Kollha huma aħwa li huma parti mill-familja divina tiegħu (ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja”). Alla “għamel il-ġens kollu tal-bnedmin” (Atti 17:26). “Kulħadd l-istess” għalih (2 Nefi 26:33). Kull persuna hija ”għażiża f’għajnejh daqs l-oħra” (Ġakobb 2:21).

Il-preġudizzju mhux konsistenti bil-kelma żvelata ta’ Alla. L-approvazzjoni jew id-diżapprovazzjoni ta’ Alla jiddependu mid-devozzjoni tagħkom lejn Alla u l-kmandamenti tiegħu, u mhux mill-kulur tal-ġidla tal-persuna jew minn kwalitajiet oħra.

Il-Knisja ssejjaħ lill-poplu biex jabbanduna l-attitudnijiet u l-azzjonijiet ta’ preġudizzji lejn kull grupp jew individwu. Il-membri tal-Knisja għandhom ikunu ta’ eżempju biex jippromwovu rispett lejn l-ulied kollha ta’ Alla. Il-membri jimxu fuq il-kmandament tas-Salvatur biex iħobbu lil xulxin (ara Mattew 22:35–39). Huma jfittxu li jkunu persuni ta’ rieda tajba lejn kulħadd, billi jeliminaw kull tip ta’ preġudizzju. Dan jinkludi preġudizzju bbażat fuq razza, etniċità, nazzjonalità, tribu, ġeneru, diżabbiltà, status soċjoekonomiku, twemmin reliġjuż jew nuqqas ta’ twemmin, u orjentazzjoni sesswali.

38.6.15

Attrazzjoni Lejn l-Istess Sess u Imġiba Bejn l-Istess Sess

Il-Knisja tħeġġeġ familji u membri biex ifittxu li jilħqu b’sensittività, imħabba, u rispett, persuni li huma attrattati lejn oħrajn tal-istess sess. Il-Knisja tippromwovi wkoll il-fehma fis-soċjetà inġenerali li tirrifletti t-tagħlim tagħha dwar tjubija, inklussività, imħabba għall-oħrajn, u rispett għall-bnedmin kollha. Il-Knisja ma tiħux pożizzjoni fuq il-kawża tal-attrazzjoni lejn l-istess sess.

Il-kmandamenti ta’ Alla jiċħdu kull imġiba mhux safja, kemm eterosesswali jew tal-istess sess. Il-mexxejja tal-Knisja jikkonsultaw mal-membri li jkunu kisru l-liġi tal-kastità. Il-mexxxejja jgħinuhom ikollhom fehma ċara tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, tal-proċess ta’ ndiema, u tal-għan tal-ħajja fuq id-dinja.

Jekk il-membri jħossu attrazzjoni lejn l-istess sess u jkunu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu l-liġi tal-kastità, il-mexxejja jissapportjawhom u jinkoraġġuhom fir-riżoluzzjoni tagħhom. Dawn il-membri jistgħu jirċievu sejħiet fil-Knisja, ikollhom rikomandazzjonijiet tat-tempju, u jirċievu l-ordinanzi tat-tempju jekk ikunu denji. Membri tal-Knisja rġiel jistgħu jirċievu u jeżerċitaw is-saċerdozju.

Il-membri kollha li jħarsu l-patti tagħhom jirċievu l-barkiet imwiegħda kollha fl-eternitajiet indipendentament jekk iċ-ċirkustanzi jħalluhomx jirċievu l-barkiet ta’ żwieġ etern u jekk isirux ġenituri f’din il-ħajja (ara Mosija 2:41).

38.6.16

Żwieġ Bejn Nies tal-Istess Sess

Bħala prinċipji duttrinali, ibbażat fuq l-iskrittura, il-Knisja tiddikjara li ż-żwieġ bejn raġel u mara huwa essenzjali għall-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ uliedu. Il-Knisja tafferma wkoll li l-liġi ta’ Alla tiddefinixxi ż-żwieġ bħala l-unjoni legali u skont il-liġi bejn raġel u mara.

38.6.17

Edukazzjoni Sesswali

Il-ġenituri għandhom responsabbiltà ewlenija għall-edukazzjoni sesswali ta’ wliedhom. Il-ġenituri għandu jkollhom konverżazzjonijiet onesti, ċari, u kontinwi ma’ wliedhom dwar sesswalità sana u xierqa.

38.6.18

Abbuż Sesswali, Stupru, u Forom Oħrajn ta’ Assulti Sesswali

Il-Knisja tikkundanna l-abbuż sesswali. Skont kif użat hawn, abbuż sesswali huwa defenit bħala li wieħed jimponi kull tip ta’ attività sesswali mhux mixtieqa fuq persona oħra. Attività sesswali ma’ persuna li ma tridx jew ma tistax tagħti konsent legali hija kkunsidrata bħala abbuż sesswali. Abbuż sesswali jista’ jseħħ ukoll ma’ konjuġi jew f’relazzjoni ta’ namur. Għal informazzjoni dwar abbuż sesswali ta’ tifel jew żagħżugħ, ara 38.6.2.3.

Abbuż sesswali jista’ jinkludi varjetà ta’ azzjonijiet, minn fastidju għal stupru u forom oħra ta’ assulti sesswali. Dan jista’ jseħħ fiżikament, verbalment, jew b’mod oħrajn. Għal gwida jew konsulenza l-membri li jkunu esperjenzaw abbuż sesswali, stupru, jew xi forom oħra ta’ assulti sesswali, ara 38.6.18.2.

Jekk il-membri jisuspettaw jew isiru konxji ta’ abbuż sesswali, jieħdu azzjoni biex jipproteġu lill-vittmi u lill-oħrajn mill-aktar fis possibbli. Dan jinkludi li tirrapporta lill-awtoritajiet ċivili u li tavża lill-isqof jew president tal-wited. Jekk tifel ġie abbużat, il-membri għandhom jimxu mal-istruzzjonijiet f’38.6.2.

38.6.18.2

Konsulenza għall-Vittmi ta’ Abbuż Sesswali, Stupru, u Forom Oħrajn ta’ Assulti Sesswali

Vittmi ta’ abbuż sesswali, stupru jew forom oħra ta’ assulti sesswali ħafna drabi jsofru minn trawma serja. Meta jiftħu qalbhom ma’ isqof jew president tal-wited, hu jirrispondi b’kompassjoni u empatija sinċiera. Hu jipprovdi konsulenza u sapport spiritwali biex jgħin lill-vitmi jegħlbu l-effetti distruttivi tal-abbuż. Hu jċempel lill-help line tal-abbuż tal-Knisja għal gwida fejn ikun meħtieġ.

Xi drabi l-vittmi jkollhom emozzjonijiet ta’ mistħija u ħtija. Il-vittmi mhumiex ħatja tad-dnub. Il-mexxejja ma jwaħħlux fil-vittma. Huma jgħinu lill-vittmi u lill-familji tagħhom jifhmu l-imħabba ta’ Alla u l-fejqan li jiġi permezz ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu (ara Alma 15:8; 3 Nefi 17:9).

Għalkemm il-membri jistgħu jagħżlu li jaqsmu ma’ ħaddieħor l-informazzjoni dwar l-abbuż jew l-assalt, il-mexxejja m’għandhomx jiffukaw ħafna fuq id-dettalji. Dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-vittmi.

Apparti li jirċievu l-għajnuna ispirata mingħand il-mexxejja tal-Knisja, il-vittmi u l-familji tagħhom jista’ jkollhom bżonn konsulenza professjonali. Għal informazzjoni, ara 31.3.6.

38.6.18.3

Kunsill tal-Qasam dwar Sħubija

Kunsill dwar sħubija jaf ikun meħtieġ għal persuna li tkun wettqet assalt sesswali jew abbuż fuq xi ħadd. Kunsill dwar sħubija huwa meħtieġ jekk persuna tkun ikkommettiet stupru jew hija ħatja ta’ forma oħra ta’ assalt sesswali.

38.6.20

Suwiċidju

Il-ħajja mortali hija rigali prezzjuż mingħand Alla—rigal li għandu jiġi apprezzat u pproteġut. Il-Knisja tissapportja b’saħħa l-prevenzjoni ta’ suwiċidju.

Ħafna min-nies li ħasbu biex iwettqu suwiċidju jkunu jridu jsibu serħan minn uġigħ fiżiku, mentali, emozzjonali, jew spiritwali. Dawn l-individwi għandhom bżonn l-imħabba, l-għajnuna, u s-sapport tal-familja, tal-mexxejja tal-Knisja u ta’ professjonisti kwalifikati.

L-isqof jipprovdi sapport ekkleżjastiku jekk membru jkun qed jikkunsidra suwiċidju jew ikun għamel attentat ta’ suwiċidju. Hu jgħin immedjatament lill-membru jikseb għajnuna professjonali.

Minkejja l-isforzi kbar tal-maħbubin, tal-mexxejja, u tal-professjonisti, is-suwiċidju mhux dejjem jista’ jiġi evitat. Iħalli warajh qsim il-qalb, taqlib emozzjonali, u mistoqsijiet mhux imwieġba għal dawk li jkunu jħobbu lill-vittma u għal oħrajn. Il-mexxejja għandhom jikkonsultaw u jikkonslaw lill-familja. Huma jipprovdu sosteniment u sapport.

Mhux tajjeb għal persuna li tneħħi ħajjitha b’idejha. Madanakollu, Alla biss jista’ jiġġudika l-ħsibijiet, l-azzjonijiet, u l-livell ta’ kontabilità tal-persuna (ara 1 Samwel 16:7; Duttrina u Patti 137:9).

Dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom bis-suwiċidju jistgħu jsibu t-tama u l-fejqan f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu.

38.6.23

Individwi Transġeneru

Individwi Transġeneru jiffaċċjaw ċerti sfidi kumplessi. Membri u anke dawk li mhux membri li jidentifikaw ruħhom bħala transġeneru—u l-familji u ħbieb tagħhom—għandhom ikunu trattati b’sensittività, qalb tajba, kompassjoni, u b’abbundanza ta’ mħabba Kristjana. Kulħadd huwa milqugħ biex jattendi l-laqgħa tas-sagrament, laqgħat oħra tal-Ħadd, u avvenimenti soċjali tal-Knisja (ara 38.1.1).

Il-ġeneru huwa karatteristika essenzjali tal-pjan ta’ mħabba ta’ Missier fis-Smewwiet. It-tifsira intenzjonata ta’ ġeneru fil-proklamazzjoni tal-familja hija sess bijoloġiku fit-twelid. Xi nies jesperjenzaw emozzjonijiet ta’ taħwid bejn is-sess bijoloġiku u l-identità tal-ġeneru tagħhom. Għalhekk, jaf jidentifikaw ruħhom bħala transġeneru. Il-Knisja ma tiħux pożizzjoni fuq il-kawża ta’ persuni li jidentifikaw ruħhom bħala transġeneru.

Ħafna mill-parteċipazzjoni tal-Knisja u xi ordinanzi tas-saċerdozju huma newtrali fil-ġeneru. Persuni transġeneru jistgħu jiġu mgħammda u kkonfermati kif spjegat f’38.2.8.10. Jistgħu wkoll jieħdu sehem fis-sagrament u jirċievu l-barkiet tas-saċerdozju. Madanakollu, l-ordinanzi tas-saċerdozju u l-ordinanzi tat-tempju jiġu rċevuti skont is-sess bijoloġiku fit-twelid.

Il-mexxejja tal-Knisja jwiddbu kontra interventi mediċi elettivi jew kirurġiċi għall-għan biex tiġi attentata transizzjoni għall-ġeneru oppost tas-sess bijoloġiku tat-twelid (“bidla fis-sess”). Il-mexxejja jissuġġerixxu li t-teħied ta’ dawn l-azzjonijiet ikunu l-kawża ta’ restrizzjonijiet fis-sħubija fil-Knisja.

Il-mexxejja jesprimu wkoll fehma kontra t-transizzjoni soċjali. Traduzzjoni soċjali tinkludi li nibdlu l-ħwejjeġ li nilbsu u l-mod kif inżommu lilna nfusna, jew li nibdlu isem jew pronomi, biex nippreżentaw lil dak li jkun bħala xi ħadd ieħor minn dak li hu fis-sess bijoloġiku fit-twelid. Il-mexxejja jħeġġu li dawk li għamlu t-transizzjoni soċjali għandhom jesperjenzaw xi restrizzjonijiet fis-sħubija tal-Knisja għad-durazzjoni ta’ din it-transizzjoni.

Restrizzjonijiet jinkudu f’li jirċievu jew jeżerċitaw is-saċerdozju, f’li jirċievu jew jużaw rakkomandazzjoni tat-tempju, u f’li jiċievu xi sejħiet tal-Knisja. Għalkemm xi privileġġi tas-sħubija tal-Knisja huma restritti, parteċipazzjoni oħra tal-Knisja hija milqugħa.

Jekk membru jiddeċiedi li jbiddel l-isem preferut tiegħu jew il-pronomi ta’ kif jiġi indirizzat, il-preferenza tal-isem tista’ tiġi nnotata fit-taqsima tal-isem fir-reġistru tas-sħubija. Il-persuna għandha tkun indirizzata bl-isem preferut fil-qasam.

Iċ-ċirkustanzi jvarjaw ħafna minn unit għal oħra u minn persuna għal oħra. Il-membri u l-mexxejja jiddiskutu flimkien u mal-Mulej. Il-Presidenzi Reġjonali jgħinu lill-mexxejja lokali biex jindirizzaw b’sensittività sitwazzjonijiet individwali. L-isqfijiet jikkonsultaw mal-president tal-wited. Presidenti tal-wited u presidenti tal-missjoni għandhom ifittxu li jieħdu parir mill-Presidenza Reġjonali (ara 32.6.3).

38.7

Polisis Mediċi u ta’ Saħħa

38.7.2

Dfin u Kremazzjoni

Il-familja tal-persuna li ħalliet din id-dinja jiddeċiedu jekk il-ġisem tagħha għandux jiġi midfun jew kremat. Huma jirrispettaw ix-xewqa tal-individwu.

F’xi pajjiżi, il-liġi titlob kremazzjoni. F’xi każijiet oħrajn, id-dfin mhux prattiku jew affordabbli għall-familja. Fil-każijiet kollha, il-ġisem għandu jiġi trattat b’rispett u reverenza. Il-membri għandhom ikunu aċċertati li l-qawwa tal-Qawmien mill-imwiet tapplika dejjem (ara Alma 11:42–45).

Fejn possibbli, il-ġisem tal-membru li jkun ħalla din id-dinja li jkun ġie dotat għandu jiġi mlibbes f’ilbies ċerimonjali tat-tempju meta jiġi midfun jew kremat (ara 38.5.8).

38.7.3

Tfal li Mietu qabel it-Twelid (Imwielda Mejta u Tfal Mitlufa f’Korrimenti)

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw servizz ta’ tifkira jew ta’ ħdejn il-qabar.

L-ordinanzi tat-tempju mhumiex bżonnjużi jew imwettqin għal tfal li jmutu qabel it-twelid. Dan ma jiċħadx il-possibbiltà li dawn it-tfal jistgħu jkunu parti mill-familja fl-eternità. Il-ġenituri huma mħeġġin biex afdaw fil-Mulej u fittxu li jkollhom il-faraġ tiegħu.

38.7.4

Ewtanasja

Il-ħajja mortali huwa rigal prezzjuż mingħand Alla. Ewtanasja hija meta deliberatament twaqqaf il-ħajja ta’ persuna li qed ibati minn mard mhux kurabbli jew minn kundizzjoni oħra. Persuna li jipparteċipa f’ewtanasj, inkluż li jassisti lil xi ħadd biex imut b’suwiċidju, jikser il-kmandamenti ta’ Alla u jista’ jikser il-liġi lokali.

Li twaqqaf jew taqbeż miżuri tas-sapport tal-ħajja li huma estremi għal persuna fl-aħħar ta’ ħajjitha mhux ikkunsidrat bħala ewtanasja (ara 38.7.11).

38.7.5

Infezzjoni tal-HIV u AIDS

Membri li huma infettati bl-HIV (human immunodeficiency virus) jew li għandhom l-AIDS (acquired immunodeficiency syndrome) għandhom ikunu milqugħin fil-laqgħat u l-attivitajiet tal-Knisja. L-attendenza tagħhom mhux ta’ riskju għas-saħħa ta’ ħaddieħor.

38.7.8

Kura Medika u tas-Saħħa

Li nfttxu għajnuna medika kompetenti, li neżerċitaw il-fidi, u li nirċievu barkiet tas-saċerdozju lkoll se jikkontribwixxu flimkien għall-fejqan, skont ir-rieda tal-Mulej.

Il-membri m’għandhomx jużaw jew jippromwovu prattiċi mediċi jew ta’ saħħa li jqanqlu dubji etiċi, spiritwali, jew legali. Dawk li għandhom problema ta’ saħħa għandhom jikkonsultaw ma’ professjonisti mediċi kompetenti li huma liċenzjati fir-reġjuni fejn jipprattikaw.

38.7.9

Marijuana Mediċinali

Il-Knisja topponi l-użu ta’ marijuana għal għanijiet li mhumiex mediċi. Ara 38.7.14 .

38.7.11

Intawlu l-Ħajja (Inkluż Appoġġ tal-Ħajja)

Il-membri m’għandhomx iħossuhom obbligati li jestendu l-ħajja mortali b’modi estremi. Dawn id-deċiżjonijiet l-aħjar li jkunu magħmula mill-persuna, jekk possibbli, jew inkella mill-membri tal-familja. Għandhom ifittxu parir mediku kompetenti u gwida divina permezz tat-talb.

38.7.13

Tilqim

Tilqim amministrat minn professjonisti mediċi kompetenti jipproteġi s-saħħa u jippreserva l-ħajja. Il-membri tal-Knisja huma mħeġġa li jissalvagwardjaw lilhom infushom, lil uliedhom, u lill-komunitajiet tagħhom permezz tat-tilqim.

Ultimament, l-individwi huma responsabbli li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-tilqim. Jekk il-membri jkollhom tħassib, għandhom jikkonsultaw ma’ professjonisti mediċi kompetenti u jfittxu wkoll il-gwida tal-Ispirtu s-Santu.

38.7.14

Kelma tal-Għerf u Prattiċi Sani

Il-Kelma ta’ Għerf hija kmandament ta’ Alla. Il-profeti kkjarifikaw li t-tagħlim li jinsab fid-Duttrina u Patti 89 inkluż astinenza minn tabakk, xarbiet qawwija (alkoħol), u xarbiet sħan (tè u kafè).

Hemm sustanzi oħrajn li jagħmlu ħsara u prattiċi li mhumiex speċifikati fil-Kelma tal-Għerf jew mill-Mexxejja tal-Knisja. Il-membri għandhom jużaw l-għaqal u ġudizzju permezz tat-talb waqt li jagħmlu deċiżjonijiet biex jippromwovu s-saħħa fiżika, spiritwali, u emozzjonali tagħhom.

38.8

Polisis Amministrattivi

38.8.1

Addozzjoni u Sistema ta’ Fostering

Li nadottaw tfal u nipprovdu sistema ta’ fostering tista’ tbierek lit-tfal u lill-familji. Familji maħbuba u eterni jistgħu jiġu maħluqa permezz tal-adozzjoni. Jekk it-tfal jiġux għand familja permezz tal-adozzjoni jew bit-twelid, huma barka prezzjuża bl-istess mod.

Membri li jfittxu li jadottaw jew jipprovdu sistema ta’ fostering għat-tfal għandhom jobdu l-liġijiet kollha applikabbli tal-pajjiżi u l-gvernijiet involuti.

38.8.4

Awtografi u Ritratti ta’ Awtoritajiet Ġenerali, Uffiċjali Ġenerali, u Sebgħini Reġjonali

Il-membri tal-Knisja m’għandhomx ifittxu awtografiċi ta’ Awtoritajiet Ġenerali, Uffiċjali Ġenerali, jew tas-Sebgħin Reġjonali. B’dan se titnaqqas is-serjetà mis-sejħiet sagri u l-ispirtu tal-laqgħat. Dan jipprevenihom ukoll milli jiltaqgħu ma’ membri oħrajn.

Il-membri m’għandhomx jieħdu ritratti ta’ Awtoritjiet Ġenerali, Uffiċjali Ġenerali, jew tas-Sebgħin Reġjonali fil-kappelli.

38.8.7

Rivisti tal-Knisja

Rivisti tal-Knisja jinkludu:

L-Ewwel Presidenza tħeġġeġ lill-membri kollha biex jaqraw ir-rivisti tal-Knisja. Ir-rivisti jistgħu jgħinu lill-membri jitgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jistudjaw it-tagħlim tal-profeti ħajjin, iħossuhom inseparabbli mal-familja globali tal-Knisja, jiffaċċjaw l-isfidi tal-fidi, u jersqu aktar qrib Alla.

38.8.8

Isem tal-Knisja, Marka Verbali, u Simbolu

Marka verbali tal-Knisja u simbolu

L-isem tal-Knisja, il-marka verbali, u s-simbolu huma l-identifikaturi ewlenin tal-Knisja.

Marka Verbali u simbolu. Il-marka verbali u s-simbolu tal-Knisja (ara l-illustrazzjonij t’hawn taħt) għandhom ikunu użati biss hekk kif approvat mill-Ewwel Presidenza u mill-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Ma jistgħux jiġu użati bħala elementi dekorattivi. Lanqas m’għandhom ikunu użati b’xi mod personali, kummerċjali, jew promottiv.

38.8.10

Kompjuters

Il-kompjuters u s-softwer użat fil-djar tal-laqgħat tal-Knisja huma pprovduti u amministrati mill-kwartieri tal-Knisja jew mill-uffiċċju reġjonali. Il-mexxejja u l-membri jużaw dawn ir-riżorsi biex jissapportjaw l-għanijiet tal-Knisja, inkluż ix-xogħol tal-istorja tal-familja.

Is-software fuq dawn il-kompjuters għandu jkun liċenzjat lill-Knisja kif suppost.

38.8.12

Materjal Kurrikulari

Il-Knisja tipprovdi l-materjal biex tgħin lill-membri jgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dawn jinkludu l-iskrittura, il-messaġġi tal-konferenza ġenerali, ir-rivisti, il-manwali, il-kotba, u riżorsi oħrajn. Il-mexxejja jħeġġu lill-membri biex jużaw l-iskrittura u riżorsi oħrajn hekk kif meħtieġ biex jistudjaw l-evanġelju fi djarhom.

38.8.14

Ilbies u Apparenza

Il-membri tal-Knisja huma mħeġġin juru rispett għall-ġisem fl-għażla tagħhom dwar ilbies adattat u apparenza. X’inhu adattat ivarja f’kulturi u okkażjonijiet differenti.

38.8.16

Ġurnata ta’ Sawm

Il-membri jistgħu jsumu f’kull ġurnata. Madanakollu, ġeneralment josservaw l-ewwel jum il-Mulej tax-xahar bħala ġurnata ta’ sawm.

Ġurnata ta’ sawm tipika tinkludi talb, li noqogħdu mingħajr ikel u xorb għal perjodu ta’ 24 siegħa (jekk fiżikament possibbli), u li nagħtu offerta tas-sawn ġeneruża. Offerta tas-sawm hija donazzjoni li tgħin lil dawn fil-bżonn (ara 22.2.2).

Xi drabi l-laqgħat tal-Knisja kollha jew lokali jiġu organizzati fl-ewwel Jum il-Mulej tax-xahar. Meta dan jiġri, il-presidenza tal-wited tiddetermina Jum il-Mulej alternattiv għal ġurnata ta’ sawm.

38.8.17

Logħob tal-Azzard u Lotteriji

Il-Knisja topponi u tagħti parir kontra logħob tal-azzard f’kull forma. Dan jinkludi mħatri sportivi u lotteriji sponsorjati mill-gvern.

38.8.19

Immigrazjoni

Membri li jibqgħu fl-art nattiva tagħhom ħafna drabi jkollhom opportunitajiet li jibnu u jsaħħu l-Knisja hemm. Madankollu, l-immigrazzjoni għal pajjiż ieħor hija għażla personali.

Membri li jġorru għal pajjiż ieħor għandhom jobdu l-liġijiet kollha applikabbli (ara Duttrina u Patti 58:21).

Il-missjunarji m’għandhomx joffru li jisponsorjaw l-immigrazzjoni tal-oħrajn.

38.8.22

Liġijiet tal-Art

Il-membri għandhom jobdu, jonoraw, u jżommu mal-liġijiet tal-pajjiż fejn joqogħdu jew jivjaġġaw (ara Duttrina u Patti 58:21–22; Artikli tal-Fidi 1:12). Dan jinkludi liġijiet li jiprojbixxu l-proselitiżmu.

38.8.25

Komunikazzjoni tal-Membri mal-Kwartieri Ewlenin tal-Knisja

Il-membri tal-Knisja huma skuraġġuti milli jsejħu, jibagħtu ijmejls, jew jiktbu ittri lill-Awtoritjiet Ġenerali dwar mistoqsijiet duttrinali, sfidi personali, jew talbiet. Il-membri huma mħeġġin li jirrikorru għall-mexxejja lokali, inkluż is-Soċjetà tas-Solliev tagħhom jew il-kworum tal-presbiteri, meta jfittxu gwida spiritwali (ara 31.3).

38.8.27

Membi b’Diżabbiltà

Il-mexxejja u l-membri huma mħeġġin li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jgħixu fi ħdan il-unit tagħhom. Membri b’diżabbiltajiet huma apprezzati u jistgħu jikkontribwixxu b’modi sinifikanti. Id-diżabbiltajiet jistgħu jkunu intelletwali, soċjali, emozzjonali, jew fiżiċi.

38.8.29

Reliġjonijiet Oħra

F’bosta reliġjonijiet oħrajn insibu element kbir ta’ dak li hu ta’ ispirazzjoni, nobbli, u li jitlob l-ogħla rispett. Il-missjunarji u membri oħrajn għandhom ikunu sensittivi u juru rispett lejn it-twemmin u t-tradizzjonijiet tal-oħrajn.

38.8.30

Attività Politika u Ċivili

Il-membri tal-Knisja huma mħeġġin li jipparteċipaw fi kwistjonijiet politiċi u governattivi. F’ħafna pajjiżi, dan jaf jinkludi:

  • Votazzjoni.

  • Ningħaqdu u nservu f’partiti politiċi.

  • Nipprovdu sapport finanzjarju.

  • Nikkomunikaw mal-uffiċjali u mal-kandidati tal-partit.

  • Inservu f’uffiċċji eletti u appuntati fil-gvern lokali u nazzjonali.

Il-membri huma wkoll mħeġġa li jipparteċipaw f’kawżiet denji biex jagħmlu l-komunitajiet tagħhom postijiet edifikanti biex jgħixu fihom u jrabbu l-familji.

Il-mexxejja tal-Knisja lokali m’għandhomx jorganizzaw membri biex jipparteċipaw fi kwistonijiet politiċi. Il-mexxejja lanqas m’għandhom jippruvaw jinfluwenzaw lill-membri ta’ kif għandhom jipparteċipaw.

Il-mexxejja u l-membri għandhom jevitaw ukoll dikjarazzjonijiet jew imġiba li jistgħu jiġu interpretati li għandhom l-approvazzjoni tal-Knisja ta’ kwalunkwe partit, pjattaforma, polisi, jew kandidat politiku.

38.8.31

Privatezza tal-Membri

Il-mexxejja tal-Knisja huma obbligati li jipproteġu l-privatezza tal-membri. Ir-reġistri tal-Knisja, id-direttorji, u materjali simili m’għandhomx jiġu użati għall-skopjiet personali, kummerċjali, jew politiċi.

38.8.35

Refuġjati

Bħala parti mir-responsabbiltà tagħhom li jieħdu ħseb lil dawk fil-bżonn (ara Mosija 4:26), il-membri tal-Knisja joffru l-ħin, it-talenti, u l-ħbiberija tagħhom biex jilqgħu refuġjati bħala membri tal-komunitajiet tagħhom.

38.8.36

Talbiet għal Assistenza Finanzjarja tal-Knisja

Membri li huma fil-bżonn huma mħeġġa li jitkellmu mal-isqof tagħhom minflok jikkuntattjaw il-kwartieri ewlenin tal-Knisja jew jittalbu flus mingħand mexxejja jew membri oħra tal-Knisja.