Suwiċidju
Kif Nipprevenu s-Suwiċidju u Kif Naġixxu wara xi Telfa


Kif Nipprevenu s-Suwiċidju u Kif Naġixxu wara xi Telfa

Ir-rata dejjem tikber ta’ suwiċidji f’ bosta nħawi tad-dinja hija xi ħaġa mill-aktar inkwetanti. L-għan ta’ dan id-dokument hu li jassisti lil ġenituri, familji, mexxejja tal-Knisja u membri tal-Knisja hekk kif huma jippruvaw jimministraw lil dawk affettwati mis-suwiċidju.

Il-membri jistgħu jużaw dan ir-riżors biex jitgħallmu dwar id-duttrina tal-Knisja fejn jidħol suwiċidju, is-sinjali ta’ twissija tas-suwiċidju, kif aħna nistgħu ngħinu lil xi ħadd li jinsab fi kriżi u kif nistgħu naġixxu wara xi telfa minħabba suwiċidju. Il-mexxejja jistgħu jużaw dan ir-riżors biex ikunu jistgħu jmexxu ċerti diskussjonijiet sinifikanti mal-membri fil-kunsilli tal-wited u tal-qasam u f’ sitwazzjonijiet oħra. L-għan ta’ dawn id-diskussjonijiet hu biex ngħinu lilll-mexxejja u lill-membri jimministraw b’ mod aktar effettiv lil dawk li ġew affettwati minn xi suwiċidju.

Jekk taħsbu li tkun ta’ għajnuna li ssir diskussjoni dwar is-suwiċidju biex tipprevenu xi suwiċidju u biex timministraw lil dawk li huma affettwati b’ din il-ħaġa, din it-tip ta’ diskussjoni għandha titmexxa minn żewġ adulti. Il-mexxejja jafu jkunu jridu jistiednu lil xi ħadd professjonali mill-komunità, li jifhem u jirrispetta d-duttrina tal-Knisja dwar is-suwiċidju, biex jipparteċipa fid-diskussjoni. Diskussjonijiet ma’ tfal taħt it-12-il sena għandhom isiru biss wara lil l-ġenituri jkunu ddiskutew ma’ wliedhom.

Wara li l-kunsilli tal-wited u tal-qasam ikunu taw ħarsa flimkien lejn dan id-dokument, huma għandhom jiddiskuti modi xierqa kif jistgħu jissapportjaw l-isforzi fil-komunità u kif huma jistgħu jinfurmaw lill-membri dwar ir-riżorsi disponibbli.

Duttrina u Prinċipji

Il-Mulej stedinna biex nittrattaw lin-nies kollha b’ għaqal u kompassjoni meta Huwa għallem, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mattew 22:39). L-isforzi tagħna li nimministraw lil dawk li ġew affettwati mis-suwiċidju ikunu aktar effettivi meta aħna nifhmu aħjar id-duttrina u t-tagħlim, bħal dawn ġejjin:

  • Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, Ġesù Kristu esperjenza l-milja tal-isfidi mortali ħalli Huwa jkun jista’ “jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:11–13). James E. Faust għallem: “Peress li s-Salvatur sofra kull ħaġa li aħna qatt nistgħu nħossu jew nesperjenzaw, Huwa jista’ jgħin lid-dgħajfin jiksbu aktar qawwa” (“The Atonement: Our Greatest Hope,” Ensign, Nov. 2001, 22).

  • Il-ħajja mortali hija rigal prezzjuż mingħand Alla—rigal li għandna ngħożżuh u nipproteġuh (ara Doctrine and Covenants 18:10; M. Russell Ballard, “Suicide: Some Things We Know, and Some We Do Not,” Ensign, Ott. 1987, 6–9).

  • Meta xi ħadd ineħħi ħajtu, huwa biss Alla li kapaċi jiġġudika ħsibijietu, għemilu u kemm hu kien jaf x’ inhu jagħmel. Is-suwiċidju m’għandux ikun il-karatteristika li tiddefinixxi l-ħajja eterna ta’ dak l-individwu (ara 1 Samwel 16:7; Doctrine and Covenants 137:9; Dale G. Renlund, “Grieving after a Suicide Loss,” vidjo f’ suicide.lds.org).

Riżorsi Addizzjonali:

  • Suġġetti tal-Evanġelju f’ topics.lds.org u fl-app tal-Librerija tal-Evanġelju

Sinjal ta’ Twissija ta’ Suwiċidju

Ħafna nies li jippruvaw jagħmlu suwiċidju ma jkunux iridu jmutu; huma sempliċiment ikunu jridu serħan mill-uġigħ fiżiku, mentali, emozzjonali jew spiritwali li jkunu jinsabu għaddejjin minnu. Bosta nies li jkunu fi kriżi juru ċerti sinjali ta’ twissija qabel huma jippruvaw jagħmlu suwiċidju. Jekk intom titgħallmu tirrikonoxxu s-sinjali ta’ twissija, intom tkunu preparati aħjar biex timministraw lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Agħtu każ ta’ dikjarazzjonijiet bħal “Ma jimpurtanix jekk immut” jew “Kulħadd ikun aħjar mingħajri.” Is-sinjali ta’ twissija jinkludu ċerta mġieba bħal din li ġejja:

  • Ifittxu modi kif jistgħu joqtlu lilhom infushom

  • Jitkellmu dwar li jħossuhom mingħajr tama jew li m’għanhomx raġuni għalfejn jgħixu

  • Jitkellmu dwar li jħossuhom qishom jinsabu ġo xi nassa jew li l-uġigħ li għandhom huma insapportabbli

  • Jitkellmu dwar li huma ta’ piż għal ħaddieħor

  • Jibdew jikkunsmaw aktar alkoħol jew drogi

  • Jibdew jirregalaw ċerti ħwejjeġ personali mingħajr ebda raġuni

  • Jaġixxu b’ mod anzjuż jew aġitat jew jibdew isiru bla kont

  • Jibdew jinqatgħu weħidhom jew jeżiljaw ruħhom

  • Juru ċerta rabja jew jitkellmu dwar li jridu jpattuha

  • Juru estremità fil-burdati tagħhom (araw National Suicide Prevention Lifeline)

Sinjal wieħed biss ta’ twissija ma jfissirx li hemm xi kriżi. Iżda jekk l-individwu għandu passat ta’ attentati jew jekk tinnutaw bidla f’ daqqa fl-individwu jew tibdew taraw għadd ta’ sinjali, aġixxu b’ mod immedjat. Sevizz ta’ numru ta’ telefon b’ xejn u ċerta informazzjoni addizzjonali huma disponibbli f’ suicide.lds.org. (Araw “Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi ” f’ din il-gwida għal aktar dettalji.)

Minkejja l-isforzi kollha tagħna, aħna ma nistgħux nipprevjenu s-suwiċidji kollha. Xi suwiċidji jseħħu mingħajr ebda twissija ovvja. Intom m’intomx responsabbli għall-għażla ta’ xi ħadd ieħor li jtemm ħajtu.

Riżorsi Addizzjonali:

Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi

Ħudu dejjem bis-serjetà s-sinjali ta’ twissija ta’ suwiċidju u ta’ xi theddid ta’ attentat ta’ suwiċidju, anke jekk taħsbu li l-individwu mhux verament qed jaħseb dwar suwiċidju jew sempliċiment irid daqsxejn ta’ attenzjoni. Imxu wara dawn it-tliet passi biex toffru s-sapport—Staqsu, Agħtu Kas, Tkellmu.

L-1 Pass: Staqsu. Staqsu direttament lill-persuna jekk hu jew hi qegħdinx jaħsbu li jagħmlu suwiċidju. Tistgħu tistaqsu, “Inti qed tikkontempla li ttemm ħajtek?” Jekk huma jgħidu li qed jikkontemplaw li jagħmlu suwiċidju, staqsihom jekk għandhomx xi pjan. Tistgħu tistaqsu, “għandek xi pjan biex tweġġa’ lilek innifsek?” Jekk huma għandhom pjan, għajnuhom immedjatament biex imorru l-isptar jew f’ xi ċentru tas-saħħa jew ċemplu lil xi ħadd li joffri servizzi ta’ emerġenza jew xi numru ta’ għajnuna għal waqt xi kriżi fl-inħawi fejn toqogħdu. (Żuru suicide.lds.org/crisis għan-numri ta’ għajnuna madwar id-dinja.) Jekk huma m’għandhom l-ebda pjan, komplu sewgu t-2 pass.

It-2 Pass: Agħtu Kas. Uruwhom li qed tagħtu kashom billi tisimgħu x’ għandhom xi jgħidu. Agħtuhom ċans jispjegaw kif qed iħossuhom. Irrispettaw is-sentimenti tagħhom billi tgħidulhom kliem bħal, “Jiddispjaċini li tinsab għaddej minn daqshekk uġigħ” jew “Ma kontx naf li tinsab għaddej minn żmien daqshekk diffiċli.” Tistgħu toffrulhom li intom lesti tgħinuhom joħolqu pjan ta’ sigurtà bħala prevenzjoni mis-suwiċidju (araw “How to Create a Suicide-Prevention Safety Plan,” Doug Thomas, Ensign, Sett. 2016, 63). Pjan ta’ sigurtà jista’ jgħin lin-nies jidentifikaw x’ inhuwa l-fortè tagħhom, u x’ inhuma r-relazzjonijiet pożittivi tagħhom u l-ħiliet li huma għandhom li jgħinhom jibqgħu jgħixu ħajja b’ saħħitha. Dan jista’ jnaqqas ukoll l-aċċess tagħhom għal affarijiet li jistgħu jużawhom biex iweġġgħu lilhom infushom bihom bħal armi jew pilloli. Jekk huma jgħidulkom biex ma tgħidu lil ħadd dwar is-sentimenti tagħhom, spjegawlhom li intom lesti tirrispettaw kemm jista’ jkun il-privatezza tagħhom iżda huma jeħtieġu għajnuna aktar milli intom stess tistgħu toffrulhom…Qatt twiegħduhom li sejrin iżżommu sigriet l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu suwiċidju.

It-3 Pass: Tkellmu. Ħeġġu lill-persuna biex titkellem ma’ xi ħadd li jista’ joffrilha aktar sapport. Aqsmu magħha ċerta informazzjoni għal riżorsi ta’ għajnuna fl-inħawi fejn toqogħdu. Dawn ir-riżorsi jistgħu jinkludu sptarijiet tal-komunità, kliniċi ta’ kura urġenti jew numri tat-telefon fejn iċċempel b’ xejn waqt xi kriżi…Jekk huma ma jfittxux l-għajnuna, jeħtieġ li intom titkellmu ma’ xi ħadd f’ isimhom. Tistgħu tgħidulhom xi ħaġa bħal, “Jien jimpurtani minnek u ma rridekx tkun fil-periklu. Jien se nitkellem ma’ xi ħadd li jista’ joffrilek l-għajnuna li inti teħtieġ.” Irrispetta l-privatezza tagħhom billi titkellem biss ma’ xi ħadd li jista’ jgħin, bħal xi membru tal-familja viċin tal-persuna, l-isqof tal-persuna, xi kunsillier mill-iskola, xi tabib, jew xi bniedem professjonali ieħor mill-qasam tas-saħħa. Jekk intom mhux ċerti x’ se taqbdu tgħidu, tkellmu mal-isqof tagħkom jew ċemplu n-numru b’ xejn għal waqt xi kriżi fl-inħawi fejn toqogħdu. Ftakru, mhux mistenni minnkom li tissapportjaw lill-persuna weħdikom.

Nota: Jekk qed tmexxu xi diskussjoni, ikkunsidraw li titolbu lill-parteċipanti biex jipprattikaw dawn il-passi. Ippreżentawlhom sitwazzjoni fejn xi ħadd imur jitkellem magħhom u jesprimi magħhom ċerti ħsibijiet suwiċidali u itlobhom jipprattikaw kif għandhom jaġixxu.

Riżorsi Addizzjonali:

Kif Taġixxu wara Suwiċidju

Minkejja l-isforzi kollha tagħna, aħna ma nistgħux nipprevjenu s-suwiċidji kollha. Huwa normali għal dawk li jkunu viċin tal-persuna li twettaq suwiċidju li jħossu fihom sentimenti ta’ ċaħda, xokk, ħtija, rabja u konfużjoni. Il-President M. Russell Ballard qal, “L-att li xi ħadd ineħħi ħajtu b’ idejh huwa verament traġedja għaliex dan l-att waħdini jħalli warajh bosta vittmi: l-ewwel il-persuna li tmut, imbagħad l-għexieren ta’ nies oħra—familja u ħbieb—li jħalli warajh, xi wħud minnhom jispiċċaw jiffaċċjaw snin sħaħ ta’ wġigħ profond u konfużjoni” (“Suicide: Some Things We Know, and Some We Do Not,” Ensign, Ott. 1987, 7). Għal dawn l-individwi, il-fejqan jistgħu jiksbuh permezz tas-Salvatur, li “ċċekken aktar minn kulħadd” ħalli Huwa jkun jaf “skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom” (Doctrine and Covenants 88:6; Alma 7:12). Ċerti riżorsi u għajnuna professjonali jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna.

Il-kunsilli tal-qasam jafu jkunu jridu jiddiskutu kif huma jistgħu jissapportjaw xi individwu jew familja wara xi suwiċidju. Dawn li ġejjin huma wħud mill-mistoqsijiet li tistgħu tiddiskutu:

  • It-tagħlim u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu kif jistgħu jwasslu l-fejqan lill-individwu jew lill-familja?

  • L-aħwa li jimministraw, xi bżonnijiet speċifiċi osservaw fil-persuna jew fil-familja? X’ tip ta’ servizz huma taw?

  • X’ sapport kontinwu, emozzjonali jew spiritwali, teħtieġ dik il-persuna jew familja? Min jista’ joffri dan is-sapport?

  • Din il-persuna jew familja għandha bżonn ta’ xi bżonnijiet temporali, bħal trasportazzjoni jew li xi ħadd jippreparalha xi ikliet?

  • Il-mexxejja awżiljari tal-qasam kif jistgħu jissapportjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom?

Il-proċess ta’ niket wara xi suwiċidju jaf ikun wieħed li jieħdu żmien twil. Jekk xi ħadd ikompli jħoss ċertu uġigħ jew niket intens, tkellmu flimkien ma’ oħrajn li jimpurtahom ukoll minn dik il-persuna. Bl-għajnuna tat-talb ikkunsidraw kif l-aħjar li tistgħu toffru s-sapport tagħkom. Intom tafu tkunu tridu tgħinu lill-persuna tirċievi xi barka saċerdotali jew tagħmel kuntatt mar-riżorsi disponibbli fl-inħawi ta’ fejn toqogħdu. Ċerti gruppi, tobba jew nies professjonisti oħra mill-qasam tas-saħħa li jgħinu fil-proċess ta’ xi ħadd li jkun għaddej minn żmien ta’ niket jafu wkoll ikunu ta’ għajnuna.

Nota: Jekk intom tkunu qed tmexxu xi diskussjoni, titkellmux dwar kif il-persuna tkun neħħiet ħajjitha. Dan jista’ b’ mod mhux intenzjonat iħeġġeġ li xi ħadd fil-grupp biex jikkopja l-imġieba deskritta. Jekk xi ħadd jibda jsemmi dawn id-dettalji meta tkunu miġburin bħala grupp, ipprova b’ xi mod ibdel il-konverżazzjoni.

Riżorsi addizzjonali:

Riżorsi Oħra

Kunsill mill-Mexxejja tal-Knisja

  • Understanding Suicide,” Dale G. Renlund, vidjo f’ suicide.lds.org

  • The Merciful Obtain Mercy,” Dieter F. Uchtdorf, Ensign jew Liahona, Mejju 2012, 70–76

  • Songs Sung and Unsung,” Jeffrey R. Holland, Ensign jew Liahona, Mejju 2017, 49–51

  • To Heal the Shattering Consequences of Abuse,” Richard G. Scott, Ensign jew Liahona, Mejju 2008, 40–43

  • First Observe, Then Serve,” Linda K. Burton, Ensign jew Liahona, Nov. 2012, 78–80

Esperjenza Personali mill-Membri

Riżorsi Oħra tal-Knisja

  • “Ambassadors of Hope: Working Together to Prevent Suicide,” Maryssa Dennis, Ensign, Sett. 2018

  • MentalHealth.lds.org

  • LDS Family Services Offices” f’ LDS.org (biex tiddiskutu jew tikkonsultaw)

  • Lead Inspired Discussions,” Teaching in the Savior’s Way (2015), 33–34

Ara suicide.lds.org għal riżorsi addizzjonali

Ipprintja