Suwiċidju
Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi


“Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi,” Kif Nistgħu Ngħinu (2018).

“Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi,” Kif Nistgħu Ngħinu.

Kif Nistgħu Ngħinu lil xi Ħadd li Jinsab fi Kriżi

Ħudu dejjem bis-serjetà s-sinjali ta’ twissija ta’ suwiċidju u ta’ xi theddid ta’ attentat ta’ suwiċidju, anke jekk taħsbu li l-individwu mhux verament qed jaħseb dwar suwiċidju jew sempliċiment irid daqsxejn ta’ attenzjoni. Imxu wara dawn it-tliet passi biex toffru s-sapport—Staqsi, Indokra, Tkellem.

L-1 Pass: Staqsi. Staqsu direttament lill-persuna jekk hu jew hi qegħdinx jaħsbu li jagħmlu suwiċidju. Tistgħu tistaqsu, “Inti qed tikkontempla li ttemm ħajtek?” Jekk huma jgħidu li qed jikkontemplaw li jagħmlu suwiċidju, staqsihom jekk għandhomx xi pjan. Tistgħu tistaqsu, “Għandek xi pjan biex tweġġa’ lilek innifsek?” Jekk huma għandhom pjan, għinuhom immedjatament biex imorru l-isptar jew f’xi ċentru tas-saħħa jew ċemplu lil xi ħadd li joffri servizzi ta’ emerġenza jew xi numru ta’ għajnuna għal waqt xi kriżi fl-inħawi fejn toqogħdu. (Ara “Crisis Help Lines” għal links ta’ help lines madwar id-dinja.) Jekk huma m’għandhom l-ebda pjan, komplu sewgu t-2 pass.

It-2 Pass: Indokra. Uruhom li qed tagħtu kashom billi tisimgħu x’ għandhom xi jgħidu. Agħtuhom ċans jispjegaw kif qed iħossuhom. Irrispettaw is-sentimenti tagħhom billi tgħidulhom kliem bħal, “Jiddispjaċini li tinsab għaddej minn daqshekk uġigħ” jew “Ma kontx naf li tinsab għaddej minn żmien daqshekk diffiċli.” Tistgħu forsi toffrulhom li intom lesti tgħinuhom joħolqu pjan ta’ sigurtà bħala prevenzjoni mis-suwiċidju (ara “How to Create a Suicide-Prevention Safety Plan,” Doug Thomas, Ensign, Sett. 2016, 63). Pjan ta’ sigurtà jista’ jgħin lin-nies jidentifikaw x’inhuwa l-fortè tagħhom, u x’inhuma r-relazzjonijiet pożittivi tagħhom, u l-ħiliet li huma għandhom li jgħinhom jibqgħu jgħixu ħajja b’saħħitha. Dan jista’ jnaqqsilhom ukoll l-aċċess għal affarijiet li jistgħu jużawhom biex iweġġgħu lilhom infushom bihom bħal armi jew pilloli. Jekk huma jgħidulkom biex ma tgħidu lil ħadd dwar is-sentimenti tagħhom, spjegawlhom li intom lesti tirrispettaw kemm jista’ jkun il-privatezza tagħhom iżda huma jeħtieġu għajnuna aktar milli intom stess tistgħu toffrulhom. Qatt twegħduhom li sejrin iżżommu sigriet l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu suwiċidju.

It-3 Pass: Tkellem. Ħeġġu lill-persuna biex titkellem ma’ xi ħadd li jista’ joffrilha aktar sapport. Aqsmu magħha ċerta informazzjoni għal riżorsi ta’ għajnuna fl-inħawi fejn toqogħdu. Dawn ir-riżorsi jistgħu jinkludu sptarijiet tal-komunità, kliniċi ta’ kura urġenti, jew numri tat-telefon fejn iċċempel b’xejn waqt xi kriżi. Jekk huma mhux se jfittxu l-għajnuna, jeħtieġ li intom titkellmu ma’ xi ħadd għalihom. Forsi tistgħu tgħidulhom xi ħaġa bħal, “Jien għandi interess ġenwin fik u rridek tkun sigur. Ħa nkellem lil xi ħadd li jista’ joffrilek l-għajnuna li teħtieġ.” Irrispettaw l-privatezza tagħhom billi tkellmu biss lil xi ħadd li temmnu li jista’ jgħin, bħal xi ħadd ta’ ġewwa, l-isqof tal-persuna, counselor tal-iskola, tabib, jew xi professjonist ieħor tal-kura medika. Jekk intom mhux ċerti x’se taqbdu tgħidu, tkellmu mal-isqof tagħkom jew ċemplu n-numru b’xejn għal waqt xi kriżi fl-inħawi fejn toqogħdu. Ftakru, mhux mistenni minnkom li tissapportjaw lill-persuna weħdikom.

Nota: Jekk qed tmexxu xi diskussjoni, ikkunsidraw li titolbu lill-parteċipanti biex jipprattikaw dawn il-passi. Ippreżentawlhom sitwazzjoni fejn xi ħadd imur jitkellem magħhom u jesprimi magħhom ċerti ħsibijiet suwiċidali u itlobhom jipprattikaw kif għandhom jaġixxu.

Riżorsi Addizzjonali

Ipprintja