Skrittura
1 Nefi 10


Kapitlu 10

Leħi jbassar li l‑Lhud se jittieħdu fil‑jasar min‑nies tal‑Babilonja—Hu jitkellem dwar il‑miġja fost il‑Lhud ta’ Messija, Salvatur, Feddej—Leħi jitkellem ukoll dwar il‑miġja ta’ dak li sejjer jgħammed lill‑Ħaruf ta’ Alla—Leħi jitkellem dwar il‑mewt u l‑qawmien mill‑imwiet tal‑Messija—Hu jqabbel it‑tixrid u l‑ġabra ta’ Iżrael ma’ siġra taż‑żebbuġ—Nefi jitkellem dwar Iben Alla, dwar id‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, u dwar il‑ħtieġa għas‑sewwa. Madwar 600–592 Q.K.

1 U issa jien, Nefi, se nkompli billi nikteb fuq dawn il‑pjanċi dwar dak li jien għaddejt minnu, u dwar is‑saltna u l‑ministeru tiegħi; għalhekk, biex inkompli bir‑rakkont tiegħi, jien se ngħid xi ħaġa dwar l‑għemejjel ta’ missieri, kif ukoll ta’ ħuti.

2 Għax araw, ġara li wara li missieri waqaf jitkellem dwar il‑ħolma tiegħu, kif ukoll waqaf iħeġġiġhom biex ikunu kemm jista’ jkun diliġenti, hu qabad ikellimhom dwar il‑Lhud—

3 Li wara li huma jinqerdu, u tinqered ukoll dik il‑belt kbira ta’ Ġerusalemm, u ħafna minnhom jittieħdu fl‑eżilju f’Babilonja, fiż‑żmien dovut tal‑Mulej, huma se jerġgħu lura, iva, jiġifieri se jinġiebu lura mill‑jasar; u wara li jinġiebu lura mill‑jasar huma sejrin jieħdu lura l‑art ta’ wirthom.

4 Iva, sewwasew sitt mitt sena minn meta missieri ħalla Ġerusalemm, il‑Mulej Alla se jqajjem profeta fost il‑Lhud—sewwasew Messija, jew, fi kliem ieħor, Salvatur tad‑dinja.

5 U hu tkellem ukoll dwar il‑profeti, kif kienu ħafna li xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ, dwar dan il‑Messija, jew dan il‑Feddej tad‑dinja, li dwaru huwa tkellem.

6 B’hekk, il‑bnedmin kollha kienu fi stat mitluf u dekadut, u hekk jibqgħu għal dejjem jekk huma ma jafdawx f’dan il‑Feddej.

7 U hu tkellem ukoll dwar profeta li għandu jiġi qabel il‑Messija, biex iħejji t‑triq tal‑Mulej—

8 Iva, hu sewwasew se jmur u jgħajjat fid‑deżert: Ħejju t‑triq tal‑Mulej, u ddrittaw il‑mogħdijiet tiegħu; għax f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx; u hu aqwa minni, u jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il‑qafla tal‑qorq tiegħu. U missieri tkellem ħafna dwar din il‑ħaġa.

9 U missieri qal li hu se jgħammed ġewwa Betanja, in‑naħa l‑oħra tal‑Ġordan; u qal ukoll li hu se jgħammed bl‑ilma; hu saħansitra se jgħammed lill‑Messija bl‑ilma.

10 U wara li jgħammed lill‑Messija bl‑ilma, hu se jagħraf u jagħti xhieda li huwa għammed lill‑Ħaruf ta’ Alla, li sejjer ineħħi d‑dnubiet tad‑dinja.

11 U ġara li wara li missieri lissen dan il‑kliem huwa kellem lil ħuti dwar l‑evanġelju li se jiġi mxandar fost il‑Lhud, u kellimhom ukoll dwar id‑deġenerazzjoni tal‑Lhud minħabba n‑nuqqas ta’ twemmin tagħhom. U wara li joqtlu lill‑Messija, li għandu jiġi, u wara li huwa jinqatel, hu se jqum mill‑imwiet, u se juri lilu nnifsu, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, lill‑Ġentili.

12 Iva, missieri sewwasew tkellem ħafna dwar il‑Ġentili, kif ukoll dwar id‑dar ta’ Iżrael, u li huma se jkunu jixbhu lil siġra taż‑żebbuġ, li l‑friegħi tagħha se jitqaċċtu u se jinxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha.

13 Għalhekk, huwa qal li jeħtieġ li aħna nkunu lkoll qalb waħda fil‑mixja tagħna lejn l‑art imwiegħda, biex tiġi fis‑seħħ il‑kelma tal‑Mulej, li tgħid li aħna sejrin ninxterdu fuq wiċċ l‑art kollha.

14 U wara li d‑dar ta’ Iżrael se tiġi mxerrda, uliedha se jerġgħu jinġabru flimkien għal darb’oħra; jew fi kliem ieħor, wara li l‑Ġentili jkunu rċevew il‑milja tal‑Evanġelju, il‑fergħat naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ, jew il‑fdalijiet tad‑dar ta’ Iżrael, sejrin jitlaqqmu, jew jiksbu l‑għarfien tal‑veru Messija, il‑Mulej u l‑Feddej tagħhom.

15 U kien b’dan il‑mod ta’ diskors li missieri beda jħabbar u jkellem lil ħuti, fejn huwa qal ukoll bosta ħwejjeġ oħra li jien m’iniex se nikteb f’dan il‑ktieb; għax jiena ktibt kemm deherli li hu xieraq li nikteb dwarhom fil‑ktieb l‑ieħor tiegħi.

16 U dan kollu, li jien tkellimt dwaru, seħħ waqt li missieri kien qed jgħammar f’tinda, fil‑wied ta’ Lemwel.

17 U ġara li jiena, Nefi, li smajt dak kollu li qal missieri dwar il‑ħwejjeġ li huwa ra f’dehra, kif ukoll il‑ħwejjeġ li huwa qal bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, liema qawwa rċieva permezz tal‑fidi tiegħu f’Iben Alla—u Iben Alla kien il‑Messija li għandu jiġi—jiena, Nefi, kelli x‑xewqa wkoll li nkun nista’ nara, u nisma’, u nsir naf dawn il‑ħwejjeġ, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, li hija d‑don ta’ Alla lil dawk kollha li jfittxuh bil‑ħrara, kemm fi żmien il‑qedem kif ukoll fiż‑żmien li fih huwa se juri lilu nnifsu lill‑ulied il‑bnedmin.

18 Għax hu li kien, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u t‑triq tinsab imħejjija għall‑bnedmin kollha sa mill‑ħolqien tad‑dinja, jekk huma jindmu u jersqu lejh.

19 Għax dawk kollha li jfittxu bil‑ħrara jsibu; u l‑misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilhom, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, kemm f’dawn iż‑żminijiet kif ukoll fi żmien il‑qedem, u kemm fi żmien il‑qedem kif ukoll fiż‑żmien li ġej; għalhekk, ir‑rotta tal‑Mulej hija ċirku wieħed etern.

20 Għalhekk ftakar, ja bniedem, li għall‑għemejjel kollha tiegħek inti se tiġi ġġudikat.

21 Għalhekk, jekk inti ppruvajt tagħmel il‑ħażen fil‑jiem ta’ prova tiegħek, mela inti se tinstab imniġġes quddiem it‑tribunal ta’ Alla; u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar ma’ Alla; għalhekk, inti titwarrab għal dejjem.

22 U l‑Ispirtu s‑Santu jagħtini l‑awtorità li jiena ngħid dawn il‑ħwejjeġ, u jien ma niċħadhomx.