Il‑Ktieb ta’ Omni
Kapitlu 1
Omni, Għamaron, Kemis, Abinadom, u Għamaleki, kull wieħed, min‑naħa tiegħu, iżomm għandu l‑annali—Mosija jiskopri lin‑nies ta’ Żaraħemla, li ħallew Ġerusalemm fi żmien Sedekija—Mosija jinħatar bħala sultan fuqhom—Id‑dixxendenti ta’ Mulek f’Żaraħemla ġew wiċċ imb wiċċ ma’ Kurjantumir, l‑aħħar Ġaredita li kien għad baqa’—Is‑sultan Benjamin jieħu post Mosija—Il‑bnedmin għandhom joffru ruħhom bħala offerta lil Kristu. Madwar 323–130 Q.K.
1 Araw, ġara li jiena, Omni, ġejt ordnat minn missieri, Ġarom, sabiex nikteb xi ħaġa fuq dawn il‑pjanċi, biex nippreserva l‑arblu tar‑razza tagħna—
2 Għalhekk, nixtieqkom tkunu tafu li fi żmieni jiena tqabadt ferm permezz tax‑xabla biex inħares lill‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, u ma nħallihomx jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħhom, il‑Lamaniti. Iżda araw, jiena stess bniedem ħażin, u ma ħaristx il‑liġijiet u l‑kmandamenti tal‑Mulej kif kelli nagħmel.
3 U ġara li għaddew mitejn u sitta u sebgħin sena, u aħna esperjenzajna diversi staġuni ta’ paċi; u esperjenzajna diversi staġuni ta’ gwerra qerrieda u tixrid tad‑demm. Iva, fi ftit kliem, għaddew mitejn u tnejn u tmenin sena, u jiena żammejt għandi dawn il‑pjanċi skont il‑kmandamenti ta’ missirijieti; u jiena għaddejthom lil ibni Għamaron. U jien se nieqaf hawn.
4 U issa jiena, Għamaron, se nikteb il‑ħwejjeġ li jiena se nikteb, li huma ftit, fil‑ktieb ta’ missieri.
5 Araw, ġara li għaddew tliet mija u għoxrin sena, u l‑aktar nies ħżiena minn fost in‑Nefiti sfaw meqruda.
6 Għax il‑Mulej ma jippermettix, wara li ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm u wara li ħarishom u żammhom milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħhom, iva, huwa ma jippermettix li l‑kliem li huwa qal lil missirijietna ma jiġix fis‑seħħ, meta qal: Jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom ma jkollkomx ir‑risq f’artkom.
7 Għalhekk, għalihom il‑ħaqq tal‑Mulej kien wieħed sever; madankollu, huwa wera ħniena mal‑ġusti biex huma ma jinqerdux, fejn huwa ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.
8 U ġara li jiena għaddejt il‑pjanċi lil ħija Kemis.
9 Issa jiena, Kemis, il‑ftit li se nikteb se niktbu fl‑istess ktieb li kiteb fih ħija; għax araw, jiena rajt x’kiteb l‑aħħar, u li kiteb kitbu b’idu stess; u hu kiteb li kiteb fil‑jum li għadda l‑pjanċi lili. U hu b’dan il‑mod li aħna nżommu l‑annali, u nagħmlu dan skont il‑kmandamenti ta’ missirijietna. U jien se nieqaf hawn.
10 Araw, jiena, Abinadom, li niġi bin Kemis. Araw, ġara li jien rajt b’għajnejja ħafna gwerer u ġlied bejn il‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, u l‑Lamaniti; u permezz tax‑xabla tiegħi, jien neħħejt il‑ħajja ta’ bosta Lamaniti biex niddefendi lil ħuti.
11 U araw, l‑istorja ta’ dan il‑poplu tinsab imnaqqxa fuq il‑pjanċi li jinżammu mis‑slaten, skont il‑ġenerazzjonijiet tagħhom; u jien ma naf bl‑ebda rivelazzjoni u profezija oħra ħlief dik li ġiet miktuba; għalhekk, dak kollu li hemm miktub hu dak kollu li hu meħtieġ. U jien se nieqaf hawn.
12 Araw, jiena Għamaleki, bin Abinadom. Araw, jien se ngħidilkom xi ħaġa dwar Mosija, li nħatar bħala sultan fuq l‑art ta’ Żaraħemla; għax araw, hu ġie mwissi mill‑Mulej sabiex jaħrab ’il barra mill‑art ta’ Nefi, u kull min jisma’ minn leħen il‑Mulej għandu wkoll jitlaq ’il barra mill‑pajjiż miegħu, u jerħilha lejn ix‑xagħri—
13 U ġara li hu għamel skont dak li ordnalu l‑Mulej. U telqu ’l barra mill‑pajjiż lejn ix‑xagħri dawk kollha li taw widen għal leħen il‑Mulej; u huma bdew jiġu mmexxija minn ħafna xandir tal‑kelma u profeziji. U huma bdew jiġu mwiddba kontinwament permezz tal‑kelma ta’ Alla; u bdew jitmexxew qalb ix‑xagħri permezz tal‑qawwa ta’ driegħu, sakemm huma niżlu f’art li tissejjaħ l‑art ta’ Żaraħemla.
14 U hemmhekk huma skoprew grupp ta’ nies, li kienu jissejħu n‑nies ta’ Żaraħemla. Issa, in‑nies ta’ Żaraħemla bdew jithennew bil‑kbir; u Żaraħemla nnifsu kien se jtir bil‑ferħ, peress li l‑Mulej kien bagħat lin‑nies ta’ Mosija bil‑pjanċi tar‑ram li fihom kien hemm l‑istorja tal‑Lhud.
15 Araw, ġara li Mosija skopra li n‑nies ta’ Żaraħemla kienu ħallew Ġerusalemm fi żmien meta Sedekija, sultan ta’ Ġuda, ittieħed fl‑eżilju f’Babilonja.
16 U huma vvjaġġaw fid‑deżert, u nġiebu permezz ta’ id il‑Mulej san‑naħa l‑oħra tal‑ilmijiet il‑kbar, sewwasew sa l‑art li sabhom fiha Mosija; u minn dakinhar baqgħu jgħammru hemm.
17 U fiż‑żmien li fih sabhom Mosija, huma kienu saru mill‑aktar numerużi. Madankollu, huma esperjenzaw bosta gwerer u ġlied qerriedi, u minn żmien għall‑ieħor huma sfaw mejta permezz tax‑xabla; u lsienhom ma baqax jingħaraf aktar; u ma ġabu magħhom l‑ebda annali; u huma ċaħdu l‑eżistenza tal‑Ħallieq tagħhom; u la Mosija, u lanqas in‑nies ta’ Mosija ma setgħu jifhmuhom.
18 Iżda ġara li Mosija ried li huma jiġu mgħallmin l‑ilsien tiegħu. U ġara li wara li huma ġew mgħallmin ilsien Mosija, Żaraħemla ppreżenta l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu, skont il‑memorja tiegħu; u ġie miktub, imma mhux f’dawn il‑pjanċi.
19 U ġara li n‑nies ta’ Żaraħemla u ta’ Mosija, ingħaqdu flimkien; u Mosija nħatar biex ikun is‑sultan tagħhom.
20 U ġara li fi żmien Mosija, inġiebet quddiemu ħaġra kbira b’inċiżjoni fuqha; u huwa interpreta l‑inċiżjoni li kien hemm fuqha permezz tad‑don u l‑qawwa ta’ Alla.
21 U hi kienet titkellem dwar ċertu Kurjantumir, u dwar il‑qtil ta’ niesu. U kienu n‑nies ta’ Żaraħemla li sabu lil Kurjantumir; u huwa għammar magħhom għal perjodu ta’ disa’ oqmra.
22 U fuqha kien hemm imnaqqax ukoll ftit kliem dwar missirijietu. U l‑ewwel ġenituri tiegħu kienu ħarbu mit‑torri, fiż‑żmien li fih il‑Mulej ħawwad ilsien il‑poplu; u l‑kastig tal‑Mulej niżel fuqhom skont il‑ħaqq tiegħu, li hu wieħed ġust; u għadamhom jinsab imxerred fl‑art tat‑tramuntana.
23 Araw, jiena, Għamaleki, twelidt fi żmien Mosija; u jien għixt biex nara mewtu; u ibnu Benjamin, beda jsaltan minfloku.
24 U araw, fi żmien is‑sultan Benjamin, jiena rajt għadd ta’ gwerra qerrieda u tixrid ta’ demm bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti. Iżda araw, in‑Nefiti spiċċaw kisbu vantaġġ kbir fuqhom; iva, hekk li s‑sultan Benjamin spiċċa biex ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Żaraħemla.
25 U ġara li jiena bdejt nixjieħ; u peress li tfal m’għandix, u għax naf li s‑sultan Benjamin huma raġel ġust quddiem il‑Mulej, għalhekk, jien sejjer ngħaddilu dawn il‑pjanċi, u nħeġġeġ lill‑bnedmin kollha biex jersqu lejn Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael, u jemmnu fil‑profeziji, u fir‑rivelazzjonijiet, u fil‑qadi tal‑anġli, u fid‑don li wieħed jitkellem bl‑ilsna, u fid‑don li wieħed jinterpreta l‑ilsna, kif ukoll f’dak kollu li huwa tajjeb; għax m’hemm xejn li hu tajjeb jekk mhux ġej mill‑Mulej: u dak li hu ħażin ġej mix‑xitan.
26 U issa, għeżież ħuti, nitlobkom sabiex tersqu lejn Kristu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael, u tgawdu mis‑salvazzjoni tiegħu, u mill‑qawwa tal‑fidwa tiegħu. Iva, ersqu lejh, u bħala offerta offrulu ruħkom kollha, u araw li tibqgħu ssumu u titolbu, u li tibqgħu sħaħ sal‑aħħar; u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej intom tiġu salvati.
27 U issa jien se ngħid xi ħaġa dwar xi wħud li telgħu fix‑xagħri biex jerġgħu jmorru lura fl‑art ta’ Nefi; għax kien hemm ħafna li kellhom ix‑xewqa li jirtu l‑art ta’ wirthom.
28 Għalhekk, huma telgħu fix‑xagħri. U l‑mexxej tagħhom kien raġel b’saħħtu u mkabbar, u rasu iebsa, għalhekk hu wassal għal ħafna ġlied bejniethom; u huma sfaw maqtula lkoll fix‑xagħri, ħlief għal ħamsin, li reġgħu lura għal darb’oħra fl‑art ta’ Żaraħemla.
29 U ġara li huma ħadu magħhom ukoll għadd ta’ nies oħra mhux ħażin, u reġgħu rħewlha għal darb’oħra lejn ix‑xagħri.
30 U jien, Għamaleki, kelli wkoll ħija, li mar ukoll magħhom; u sal‑lum għadni ma nafx x’sar minnhom. U issa jien wasalt biex ninżel f’qabarti; u dawn il‑pjanċi issa mtlew. U jien daqshekk se nitkellem aktar.