Kapitlu 12
Nefi jara f’dehra l‑art imwiegħda; is‑sewwa, il‑ħażen, u l‑waqgħa ta’ dawk li jgħammru fiha; il‑miġja tal‑Ħaruf ta’ Alla fosthom; kif it‑Tnax‑il Dixxiplu u t‑Tnax‑il Appostlu se jagħmlu ħaqq minn Iżrael; u l‑istat disgustanti u maħmuġ ta’ dawk li ftit, ftit jispiċċaw jitilfu l‑fidi. Madwar 600–592 Q.K.
1 U ġara li l‑anġlu qalli: Ħares, u ara b’għajnejk lil nislek, kif ukoll lil nisel ħutek. U jiena ħarist u rajt l‑art imwiegħda; u rajt għadd kbir ta’ nies, iva, tant li l‑għadd tagħhom kien jidher kbir daqs ir‑ramel tal‑baħar.
2 U ġara li jiena rajt folol kbar jinġabru flimkien biex jiġġieldu, wieħed kontra l‑ieħor; u jiena rajt il‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer, u rajt ħafna minn fost il‑poplu tiegħi jinqatlu permezz tax‑xabla.
3 U ġara li jiena rajt bosta ġenerazzjonijiet imutu, minħabba l‑gwerer u l‑ġlied fil‑pajjiż; u jiena stajt nara ħafna bliet, iva, hekk li ma qgħadtx ngħoddhom.
4 U ġara li jiena rajt ċpar tad‑dlam fuq wiċċ l‑art imwiegħda; u rajt il‑beraq, u smajt ir‑ragħad u l‑art titheżżeż, u smajt ukoll kull xorta ta’ tgeġwiġ; u jien rajt l‑art u l‑blat jitfarrku; u rajt il‑muntanji jaqgħu biċċiet; u rajt il‑pjanuri tal‑art jinfetħu; u stajt nara li bosta bliet kienu jinsabu taħt l‑ilma; u rajt li ħafna kienu nħarqu bin‑nar; u rajt ħafna li kkrollaw, minħabba t‑theżżiż tal‑art.
5 U ġara li wara li rajt dan kollu, jiena rajt il‑fwar tad‑dlam, li għadda minn fuq wiċċ l‑art; u araw, jiena rajt folol kbar li ma ġewx meqruda permezz tal‑kastigi kbar u tal‑biża’ tal‑Mulej.
6 U jiena rajt is‑smewwiet jinfetħu, u l‑Ħaruf ta’ Alla nieżel mis‑smewwiet; u huwa niżel u wera lilu nnifsu lilhom.
7 U jiena rajt ukoll l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuq tnax oħra u jien nagħti xhieda ta’ dan; u huma ġew ordnati u magħżula minn Alla.
8 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara t‑tnax‑il dixxiplu tal‑Ħaruf, li ġew magħżula biex jaqdu lil nislek.
9 U huwa qalli: Tiftakarhom inti lit‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf? Ara huma se jkunu dawk li se jagħmlu ħaqq mit‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael; għalhekk, huma se jkunu dawk li jagħmlu ħaqq mit‑tnax‑il ministru ta’ nislek; għax inti ġej mid‑dar ta’ Iżrael.
10 U dawn it‑tnax‑il ministru li inti qed tara sejrin jagħmlu ħaqq minn nislek. U ara, huma ġusti għal dejjem; għax minħabba l‑fidi tagħhom fil‑Ħaruf ta’ Alla lbieshom f’demmu bjadu.
11 U l‑anġlu qalli: Ħares! U jiena ħarist, u rajt tliet ġenerazzjonijiet imutu fis‑sewwa; u lbieshom kien abjad sewwasew bħall‑Ħaruf ta’ Alla. U l‑anġlu qalli: Dawn bjadu f’demm il‑Ħaruf, minħabba l‑fidi tagħhom fih.
12 U jiena, Nefi, rajt ukoll li ħafna minn fost ir‑raba’ ġenerazzjoni mietu fis‑sewwa.
13 U ġara li jiena rajt il‑folol kbar tad‑dinja jinġabru flimkien.
14 U l‑anġlu qalli: Ara b’għajnejk lil nislek, kif ukoll lil nisel ħutek.
15 U ġara li jiena ħarist u rajt lill‑poplu ta’ nisli miġbur flimkien f’miġemgħa kontra nisel ħuti; u huma kienu jinsabu miġburin flimkien biex jiġġieldu.
16 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara x‑xmara bl‑ilma maħmuġ li ra missierek; iva, sewwasew ix‑xmara li huwa tkellem dwarha; u l‑qigħan tagħha huma l‑qigħan tal‑infern.
17 U ċ‑ċpar tad‑dlam huwa t‑tiġrib tax‑xitan, li jagħmi l‑għajnejn, u jwebbes qalb ulied il‑bnedmin, u jeħodhom lejn toroq wesgħin, biex huma jinqerdu u jintilfu.
18 U l‑bini kbir u spazjuż, li ra missierek, huwa l‑immaġinazzjoni fiergħa u l‑kburija ta’ wlied il‑bnedmin. U hemm jifridhom abbiss kbir u tal‑biża’; iva, sewwasew il‑kelma tal‑ġustizzja ta’ Alla l‑Etern, u tal‑Messija li hu l‑Ħaruf ta’ Alla, li dwaru jixhed l‑Ispirtu s‑Santu, mill‑bidu tad‑dinja sa issa, u minn issa u għal dejjem.
19 U waqt li l‑anġlu lissen dan il‑kliem, jiena ħarist u rajt li nisel ħuti ħadha kontra nisli, skont il‑kelma tal‑anġlu; u minħabba l‑kburija ta’ nisli, u t‑tiġrib tax‑xitan, jiena stajt nara li nisel ħuti għeleb lill‑poplu ta’ nisli.
20 U ġara li jiena ħarist u rajt li l‑poplu ta’ nisel ħuti għeleb lil nisli; u huma marru f’miġemgħa fuq wiċċ l‑art.
21 U jiena rajthom ilkoll miġburin flimkien f’miġemgħa; u fosthom stajt nara l‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer; u fil‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer rajt bosta ġenerazzjonijiet imutu.
22 U l‑anġlu qalli: Ara, ftit, ftit dawn sejrin jitilfu l‑fidi.
23 U ġara li jien stajt nara li wara li ftit, ftit huma tilfu l‑fidi, huma saru nies somor, u disgustanti, u maħmuġin, kollhom għażż u jwettqu kull tip ta’ abominazzjoni.