Kapitlu 13
Nefi jara f’dehra t‑twaqqif tal‑knisja tax‑xitan fost il‑Ġentili, l‑iskoperta u l‑kolonizzazzjoni tal‑Amerika, it‑telfien ta’ ħafna partijiet sempliċi u prezzjużi tal‑Bibbja, l‑istat riżultanti tal‑apostasija tal‑ġentili, ir‑restawrazzjoni tal‑evanġelju, il‑miġja tal‑iskrittura tal‑aħħar żmien, u l‑bini ta’ Sijon. Madwar 600–592 Q.K.
1 U ġara li l‑anġlu kellimni u qalli: Ħares! U jiena ħarist u rajt bosta ġnus u saltniet.
2 U l‑anġlu qalli: X’inti tara? U jien għidt: Qed nara bosta ġnus u saltniet.
3 U huwa qalli: Dawn huma l‑ġnus u s‑saltniet tal‑Ġentili.
4 U ġara li fost il‑ġnus tal‑Ġentili jiena rajt it‑twaqqif ta’ knisja kbira.
5 U l‑anġlu qalli: Int qed tara t‑twaqqif ta’ knisja li hi l‑aktar waħda abominabbli fost il‑knejjes l‑oħra kollha, li toqtol lill‑qaddisin ta’ Alla, iva, u tittorturahom u tgħakkishom, u torbothom flimkien permezz ta’ madmad tal‑ħadid u titfagħhom fil‑jasar.
6 U ġara li jiena rajt din il‑knisja l‑kbira u abominabbli; u stajt nara li x‑xitan kien il‑fundatur tagħha.
7 U jien rajt ukoll deheb, u fidda, u ħarir, u skarlatt u għażel minżuġ fin, u kull xorta ta’ lbies prezzjuż; u rajt bosta nisa żienja.
8 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara, id‑deheb, u l‑fidda, u l‑ħarir, u l‑iskarlatt, u l‑għażel minżuġ fin, u l‑ilbies prezzjuż, u n‑nisa żienja, huma x‑xewqat ta’ din il‑knisja l‑kbira u abominabbli.
9 U għat‑tifħir tad‑dinja huma jeqirdu wkoll lill‑qaddisin ta’ Alla, u jitfgħuhom fil‑jasar.
10 U ġara li jien ħarist u rajt bosta ilmijiet; u huma kienu jisseparaw lill‑Ġentili minn nisel ħuti.
11 U ġara li l‑anġlu qalli: Ara, il‑korla ta’ Alla tinsab fuq nisel ħutek.
12 U jiena ħarist u rajt raġel fost il‑Ġentili, li kien separat minn nisel ħuti permezz ta’ ħafna ilmijiet; u rajt l‑Ispirtu ta’ Alla, li niżel u ħadem f’dan ir‑raġel; u huwa mar fuq il‑ħafna ilmijiet, sewwasew għand nisel ħuti, li kienu jinsabu fl‑art imwiegħda.
13 U ġara li jiena rajt l‑Ispirtu ta’ Alla, li ħadem ukoll f’Ġentili oħra; u huma telqu mill‑jasar u marru fuq il‑ħafna ilmijiet.
14 U ġara li jiena rajt għadd kbir ta’ Ġentili fuq l‑art imwiegħda; u jien stajt nara li l‑korla ta’ Alla kienet tinsab fuq nisel ħuti; u huma kienu jinsabu mxerrdin quddiem il‑Ġentili u spiċċaw biex ġew ikkastigati.
15 U jiena rajt l‑Ispirtu tal‑Mulej, li kien jinsab fuq il‑Ġentili, u huma kibru fil‑ġid u kisbu l‑art bħala wirthom; u jiena rajt li huma kienu bojod u mill‑aktar grazzjużi u sbieħ, l‑istess kif kienu niesi qabel ma nqatlu.
16 U ġara li jiena, Nefi, rajt li l‑Ġentili li telqu mill‑jasar umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej; u l‑qawwa tal‑Mulej kienet magħhom.
17 U jiena rajt li l‑ġnus ommijiet tal‑Ġentili kienu miġburin flimkien fuq l‑ilmijiet, kif ukoll fuq l‑art, sabiex jiġġieldu kontrihom.
18 U jien rajt li l‑qawwa ta’ Alla kienet magħhom, u rajt ukoll li l‑korla ta’ Alla kienet tinsab fuq dawk kollha li kienu miġburin flimkien biex jiġġieldu kontrihom.
19 U jiena, Nefi, rajt li l‑Ġentili li kienu telqu mill‑jasar ġew meħlusa bil‑qawwa ta’ Alla minn idejn il‑ġnus l‑oħra kollha.
20 U ġara li jiena, Nefi, rajt li huma kellhom ir‑risq f’arthom; u jiena rajt ktieb, u dan ittieħed fosthom.
21 U l‑anġlu qalli: Inti taf it‑tifsira tal‑ktieb?
22 U jiena għidtlu: Le ma nafhiex.
23 U huwa qalli: Ara, huwa se joħroġ minn fomm bniedem Lhudi. U jiena, Nefi, rajt il‑ktieb; u l‑anġlu qalli: Il‑ktieb li inti qed tara huwa l‑kitba tal‑Lhud, u fih il‑patti tal‑Mulej, li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael; u fih ukoll bosta profeziji tal‑profeti qaddisa; u huwa kitba bħall‑inċiżjonijiet li hemm fuq il‑pjanċi tar‑ram, ħlief li ma fihx daqshekk kitba; madankollu, fihom hemm il‑patti tal‑Mulej, li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael; għalhekk, huma ta’ valur kbir għall‑Ġentili.
24 U l‑anġlu tal‑Mulej qalli: Inti rajt li l‑ktieb ħareġ minn fomm bniedem Lhudi; u hekk kif ħareġ minn fomm bniedem Lhudi huwa kien fih il‑milja tal‑evanġelju tal‑Mulej, li tiegħu jagħtu xhieda t‑tnax‑il appostlu; u huma jagħtu xhieda skont il‑verità li tinsab fil‑Ħaruf ta’ Alla.
25 Għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ jgħaddu minn idejn il‑Lhud għal għand il‑Ġentili b’mod awtentiku, skont il‑verità li tinsab f’Alla.
26 U wara li jgħaddu minn idejn it‑tnax‑il Appostlu tal‑Ħaruf, mil‑Lhud għal għand il‑Ġentili, inti tista’ tara t‑twaqqif ta’ dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, li hi l‑aktar waħda abominabbli fost il‑knejjes l‑oħra kollha; għax ara, huma warrbu mill‑evanġelju tal‑Ħaruf bosta partijiet li huma sempliċi u fost l‑aktar prezzjużi; u warrbu wkoll bosta patti tal‑Mulej.
27 U huma għamlu dan kollu sabiex ikunu jistgħu jgħawġu t‑triqat dritti tal‑Mulej, ħalli jkunu jistgħu jagħmu l‑għajnejn, u jwebbsu l‑qlub ta’ wlied il‑bnedmin.
28 Għalhekk, inti tista’ tara li wara li l‑ktieb jitwassal permezz tal‑knisja l‑kbira u abominabbli, se jkunu bosta l‑ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li se jitwarrbu mill‑ktieb, li huwa l‑ktieb tal‑Ħaruf ta’ Alla.
29 U wara li jitwarrbu minnu dawn il‑ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi huwa se jgħaddi fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili; u wara li jgħaddi fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili, iva, anke min‑naħa l‑oħra tal‑ħafna ilmijiet li inti rajt bil‑Ġentili li telqu lil hinn mill‑jasar, inti sejjer tara—minħabba l‑bosta ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li twarrbu mill‑ktieb, li kienu sempliċi u li jinftiehmu minn ulied il‑bnedmin, skont is‑sempliċità li tinstab fil‑Ħaruf ta’ Alla—li minħabba dawn il‑ħwejjeġ li twarrbu mill‑evanġelju tal‑Ħaruf, se jkunu verament ħafna li sejrin jaqgħu, iva, hekk li Satana se jkollu setgħa kbira fuqhom.
30 Madankollu, inti tara li l‑Ġentili li telqu lil hinn mill‑jasar, u li permezz tal‑qawwa ta’ Alla ġew mgħollijin ’il fuq minn kull ġens ieħor, fuq wiċċ l‑art li hi aqwa minn kull art oħra, li hija l‑art li għalija l‑Mulej Alla għamel patt ma’ missierek li hija kellha tingħata lil nislu bħala l‑art ta’ wirthom; għalhekk, inti tista’ tara li lill‑Ġentili l‑Mulej Alla ma jħallihomx jeqirdu għal kollox it‑taħlita ta’ nislek, li hemm fost ħutek.
31 Lanqas mhu se jħalli lill‑Ġentili jeqirdu lil nisel ħutek.
32 Il‑Mulej Alla lanqas mhu se jħalli li l‑Ġentili jibqgħu għal dejjem f’dak l‑istat terribbli ta’ għama, li int qed tara li jinsabu fih, minħabba l‑partijiet sempliċi u fost l‑aktar prezzjużi tal‑evanġelju tal‑Ħaruf li nżammew moħbija minn dik il‑knisja abominabbli, li t‑twaqqif tagħha inti rajt.
33 Għalhekk, jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla: Jiena se nkun ħanin mal‑Ġentili, u meta nżur lill‑fdal tad‑dar ta’ Iżrael jiena mhux se nkun iebes fil‑ħaqq tiegħi.
34 U ġara li l‑anġlu tal‑Mulej kellimni u qalli: Ara, il‑Ħaruf ta’ Alla jgħid li wara li jiena nżur lill‑fdal tad‑dar ta’ Iżrael—u dan il‑fdal li qed nirreferi għalih huwa nisel missierek—għalhekk, wara li lilhom jien inkun żort biex nagħmel ħaqq minnhom, u wara li nkun ikkastigajthom permezz ta’ id il‑Ġentili, u wara li l‑Ġentili jkunu waqgħu waħda sew, minħabba l‑aktar partijiet sempliċi u prezzjużi tal‑evanġelju tal‑Ħaruf li nżammew moħbija minn dik il‑knisja abominabbli, li hi omm in‑nisa żienja, jgħid il‑Ħaruf—jiena f’dak il‑jum sejjer nuri l‑ħniena tiegħi mal‑Ġentili, tant li jien sejjer niżvelalhom, permezz tal‑qawwa tiegħi, parti kbira mill‑evanġelju tiegħi, liema parti se tkun sempliċi u prezzjuża, jgħid il‑Ħaruf.
35 Għax araw, jgħid il‑Ħaruf: Jiena se nuri lili nnifsi lil nislek, u huma sejrin jiktbu bosta ħwejjeġ li jiena se ngħallimhom, li se jkunu sempliċi u prezzjużi; u wara li nislek jinqered, u ftit, ftit jitlef il‑fidi, u l‑istess nisel ħutek, ara, dawn il‑ħwejjeġ sejrin jiġu moħbija, sabiex jinġiebu lura għand il‑Ġentili, permezz tad‑don u l‑qawwa tal‑Ħaruf.
36 U fihom se jkun hemm miktub l‑evanġelju tiegħi, jgħid il‑Ħaruf, u l‑blata tiegħi u s‑salvazzjoni tiegħi.
37 U henjin dawk li se jippruvaw jistabbilixxu lil Sijon tiegħi f’dak il‑jum, għax huma se jkollhom id‑don u l‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; u jekk huma jibqgħu sħaħ sal‑aħħar huma jiġu mgħollijin ’il fuq fl‑aħħar jum, u jiġu salvati fis‑saltna ta’ dejjem tal‑Ħaruf; u kemm se jkunu sbieħ fuq il‑muntanji dawk kollha li jxandru s‑sliem, iva, il‑bxara ta’ hena mill‑akbar.
38 U ġara li jiena rajt il‑fdal ta’ nisel ħuti, kif ukoll il‑ktieb tal‑Ħaruf ta’ Alla, li ħareġ minn fomm il‑Lhud, u li nġieb mill‑Ġentili għand il‑fdal ta’ nisel ħuti.
39 U wara li nġieb għandhom jien stajt nara kotba oħra, li nġiebu għandhom mingħand il‑Ġentili, permezz tal‑qawwa tal‑Ħaruf, biex jikkonvinċu lill‑Ġentili u lill‑fdal ta’ nisel ħuti, kif ukoll lil‑Lhud li kienu mxerrdin fuq wiċċ l‑art kollha, li l‑kitbiet tal‑profeti u tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf huma vera.
40 U kellimni l‑anġlu u qalli: Dawn l‑aħħar kitbiet, li inti rajt fost il‑Ġentili, sejrin jikkonfermaw il‑verità tal‑ewwel, li huma tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf, u sejrin jiżvelaw il‑ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li ġew imwarrbin minnhom; u sejrin jgħarrfu lil kull tribù, ilsien, u poplu, li l‑Ħaruf ta’ Alla huwa Iben il‑Missier Etern, u s‑Salvatur tad‑dinja; u li l‑bnedmin kollha għandhom jersqu lejh, inkella ma jistgħux isalvaw.
41 U huma għandhom jiġu skont il‑kliem li se jkun stabbilit minn fomm il‑Ħaruf; u kliem il‑Ħaruf se jkun żvelat fil‑kitbiet ta’ nislek, kif ukoll fil‑kitbiet tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf; għalhekk it‑tnejn li huma se jiġu stabbiliti flimkien bħala ħaġa waħda; għax hawn biss Alla wieħed u Ragħaj wieħed fuq l‑art kollha.
42 U se jasal iż‑żmien meta huwa juri lilu nnifsu lill‑ġnus kollha, kemm lil‑Lhud kif ukoll lill‑Ġentili; u wara li huwa jkun wera lilu nnifsu kemm lil‑Lhud kif ukoll lill‑Ġentili, imbagħad huwa juri lilu nnifsu kemm lill‑Ġentili kif ukoll lil‑Lhud, u tal‑aħħar jiġu l‑ewwel, u tal‑ewwel jiġu l‑aħħar.