Kapitlu 14
Anġlu jgħid lil Nefi dwar il‑barkiet u s‑saħtiet li se jinżlu fuq il‑Ġentili—Hemm biss żewġ knejjes: il‑Knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla u l‑knisja tax‑xitan—Il‑Qaddisin ta’ Alla f’kull ġens jiġu ppersegwitati mill‑knisja l‑kbira u abominabbli—L‑Appostlu Ġwanni se jikteb dwar tmiem id‑dinja. Madwar 600–592 Q.K.
1 U ġara, li jekk il‑Ġentili jisimgħu mill‑Ħaruf ta’ Alla f’dak il‑jum li fih huwa se juri lilu nnifsu lilhom fil‑kelma, kif ukoll fil‑qawwa, hekk li jneħħi minn quddiemhom kull ostaklu—
2 U huma ma jwebbsux qalbhom kontra l‑Ħaruf ta’ Alla, huma jingħaddu ma’ nisel missierek; iva, huma jingħaddu mad‑dar ta’ Iżrael; u huma jkunu poplu mbierek fl‑art imwiegħda għal dejjem; huma qatt aktar ma jittieħdu fil‑jasar; u dar Iżrael qatt aktar ma tiġi umiljata.
3 U dik il‑ħofra l‑kbira, li ġiet imħaffra għalihom minn dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, li twaqqfet mix‑xitan u wliedu, ħalli huwa jkun jista’ jwassal l‑erwieħ tal‑bnedmin sal‑qiegħ tal‑infern—iva, dik il‑ħofra l‑kbira li ġiet imħaffra għall‑qerda tal‑bnedmin se timtela b’dawk li ħaffruha, biex fiha huma jitwasslu għall‑qerda tagħhom, jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla; mhux għall‑qerda tar‑ruħ, sakemm hija ma tispiċċax mitfugħa f’dak l‑infern li m’għandu l‑ebda tmiem.
4 Għax araw, dan se jseħħ skont il‑jasar tax‑xitan, kif ukoll skont il‑ġustizzja ta’ Alla, fuq dawk kollha li jwettqu l‑ħażen u l‑abominazzjoni quddiemu.
5 U ġara li l‑anġlu kellem lili, Nefi, u qalli: Inti rajt b’għajnejk li jekk il‑Ġentili jindmu huma jkollhom ir‑risq; u inti taf ukoll dwar il‑patti li l‑Mulej għamel mad‑dar ta’ Iżrael; u inti smajt ukoll li dawk kollha li ma jindmux sejrin jinqerdu.
6 Għalhekk, ħażin ikun għalihom il‑Ġentili jekk huma jwebbsu qalbhom kontra l‑Ħaruf ta’ Alla.
7 Għax jasal iż‑żmien, jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla, li jiena se nwettaq ħidma kbira u tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin; ħidma li se tibqa’ għal dejjem, b’mod jew ieħor—kemm biex tipperswadihom għas‑sliem u l‑ħajja ta’ dejjem, jew inkella biex teħlishom mill‑ebusija ta’ qalbhom u mill‑għama ta’ moħħhom li jwassluhom biex huma jispiċċaw fil‑jasar, kif ukoll jinqerdu, kemm b’mod temporali kif ukoll b’mod spiritwali, skont il‑jasar tax‑xitan, li dwaru jien tkellimt.
8 U ġara li meta l‑anġlu lissen dan il‑kliem, huwa qalli: Tiftakar inti l‑patti li l‑Missier għamel mad‑dar ta’ Iżrael? U jien għidtlu, Iva.
9 U ġara li huwa qalli: Ħares, u ara dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, li hi omm kull abominazzjoni, u l‑fundatur tagħha huwa x‑xitan.
10 U huwa qalli: Ara, hemm biss żewġ knejjes; waħda hija l‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, u l‑oħra hija l‑knisja tax‑xitan; għalhekk, min mhuwiex parti mill‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla jagħmel parti minn dik il‑knisja l‑kbira, li hija omm kull abominazzjoni; u hija l‑prostituta tad‑dinja kollha.
11 U ġara li jiena ħarist u rajt lill‑prostituta tad‑dinja kollha, u hija kienet tinsab bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet; u hi kienet qed issaltan fuq l‑art kollha, fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.
12 U ġara li jiena rajt il‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, u l‑għadd tagħha kien wieħed żgħir, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tal‑prostituta li kienet bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet; madankollu, jiena rajt li l‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, li kienu l‑qaddisin ta’ Alla, kienu jinsabu wkoll fuq wiċċ l‑art kollha; u s‑saltna tagħhom fuq wiċċ l‑art kienet żgħira, minħabba l‑ħażen tal‑prostituta l‑kbira li jiena rajt.
13 U ġara li jiena rajt li l‑omm il‑kbira tal‑abominazzjonijiet ġabret flimkien folol kbar ta’ nies fuq wiċċ l‑art kollha, fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili, biex teħodha kontra l‑Ħaruf ta’ Alla.
14 U ġara li jiena, Nefi, rajt il‑qawwa tal‑Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il‑qaddisin tal‑knisja tal‑Ħaruf, u fuq il‑poplu tal‑patt tal‑Mulej, li kien jinsab imxerred fuq wiċċ l‑art kollha; u huma kienu armati bis‑sewwa u bil‑qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.
15 U ġara li jiena rajt li Alla sawwab il‑korla tiegħu fuq dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, hekk li kien hemm il‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer fost kull ġens u tribù tad‑dinja.
16 U hekk kif beda jkun hemm il‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer fost il‑ġnus kollha li kienu parti minn omm l‑abominazzjonijiet, l‑anġlu kellimni u qalli: Ara, il‑korla ta’ Alla tinsab fuq omm in‑nisa żienja; u ara, inti tista’ tara dan kollu—
17 U meta jasal il‑jum li fih il‑korla ta’ Alla tissawwab fuq omm in‑nisa żienja, li hija l‑knisja l‑kbira u abominabbli tad‑dinja kollha, li l‑fundatur tagħha huwa x‑xitan, imbagħad, f’dak il‑jum, se jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier, fejn tibda titħejja t‑triq għat‑twettiq tal‑patti tiegħu, liema patti huwa għamel mal‑poplu tiegħu li ġej mid‑dar ta’ Iżrael.
18 U ġara li l‑anġlu kellimni u qalli: Ħares!
19 U jiena ħarist u rajt raġel, u hu kien liebes mantar abjad.
20 U l‑anġlu qalli: Ara, dan hu wieħed mit‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf.
21 Ara, huwa se jara u jikteb il‑bqija ta’ dawn il‑ħwejjeġ; iva, kif ukoll bosta ħwejjeġ li seħħew diġà.
22 U huwa se jikteb ukoll dwar tmiem id‑dinja.
23 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li huwa se jikteb huma ġusti u vera; u ara, huma jinsabu miktubin fil‑ktieb li inti rajt, li se joħroġ minn fomm il‑Lhud; u fiż‑żmien li ħarġu minn fomm il‑Lhud, jew, fiż‑żmien li fih il‑ktieb ħareġ minn fomm il‑Lhud, il‑ħwejjeġ li nkitbu fih kienu sempliċi u safja, u mill‑aktar prezzjużi u li setgħu jinftiehmu faċilment mill‑bnedmin kollha.
24 U ara, il‑ħwejjeġ li dan l‑appostlu tal‑Ħaruf se jikteb huma ħafna mill‑ħwejjeġ li inti rajt; u ara, inti sejjer tara wkoll il‑bqija.
25 Iżda l‑ħwejjeġ li se tara minn issa ’l quddiem tiktibhomx; għax il‑Mulej Alla għażel lill‑appostlu tal‑Ħaruf ta’ Alla biex jiktibhom.
26 U kien hemm oħrajn li ġew qabel, u lilhom wera kull ħaġa, u huma kitbuha; u kitbiethom jinsabu ssiġillati biex ikunu jistgħu jitwasslu fis‑safà tagħhom għand id‑dar ta’ Iżrael, skont il‑verità li tinsab fil‑Ħaruf, fiż‑żmien dovut tal‑Mulej.
27 U jiena, Nefi, smajt u qed nixhed, li l‑isem tal‑appostlu tal‑Ħaruf kien Ġwanni, skont il‑kelma tal‑anġlu.
28 U ara, jiena, Nefi, ġejt mitlub biex ma niktibx il‑bqija tal‑ħwejjeġ li jiena rajt u smajt; għalhekk il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma biżżejjed għalija; u jiena ktibt ftit biss mill‑ħwejjeġ li jiena rajt.
29 U jiena nixhed li jien rajt il‑ħwejjeġ li ra missieri, u kien l‑anġlu tal‑Mulej li żvelali dawn il‑ħwejjeġ.
30 U issa jiena se nieqaf nitkellem dwar il‑ħwejjeġ li jiena rajt waqt li ġejt meħud fl‑Ispirtu; u jekk jien ma ktibtx il‑ħwejjeġ kollha li jiena rajt, il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma vera. U hekk hu. Ammen.